2010-2019
Il-Profeta ta’ Alla
April 2018


Il-Profeta ta’ Alla

Il-profeta ma jinsabx bejnkom u bejn is-Salvatur. Pjuttost, huwa jinsab wieqaf ħdejkom u jurikom it-triq lejn is-Salvatur.

Jiena wkoll nilqa’ lill-Presbiteru Gerrit Gong u l-Presbiteru Ulisses Soares fil-fratellanza bla paragun tal-Kworum tat-Tnax.

Meta aħna sostnejna lill-President Russell M. Nelson bħala l-profeta tal-Mulej u l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna konna parti minn assemblea solenni ddekretata b’ mod divin—solenni peress li dak li seħħ f’ din l-aħħar siegħa ilu li ġie antiċipat fis-smewwiet minn qabel ma nħolqot id-dinja. Illum, iI-Mulej Ġesù Kristu, li jmexxi l-ħidma Tiegħu, permezz tal-President Eyring, ippreżenta l-profeta Tiegħu, il-mexxej maħtur Tiegħu, lilna, in-nies Tiegħu tal-patt, fejn tana ċ-ċans li pubblikament aħna nuru r-rieda tagħna li nsostnuh u nimxu wara l-kunsill tiegħu.

Lil dawk il-miljuni ta’ membri li ma jinsabux hawn magħna fiċ-Ċentru tal-Konferenza, nixtieqkom tkunu tafu li l-Ispirtu tal-Mulej f’ dan il-bini, waqt li konna qed insostnu lill-President Nelson, kien eżatt kif ħsibtu li se jkun—kollu qawwa spiritwali. Iżda l-assemblea tagħna mmexxija mis-smewwiet ma nsibuhiex biss f’ dan iċ-Ċentru tal-Konferenza iżda madwar id-dinja kollha—f’ kappelli fl-Asja, fl-Afrika u fl-Amerka ta’ Fuq; fi djar ġewwa l-Amerka t’ Isfel u dik Ċentrali kif ukoll fl-Ewropa; taħt xi tinda fil-Paċifiku u l-gżejjer tal-baħar. Din l-assemblea tinsab f’ kwalunkwe parti tad-dinja li intom tinsabu fiha, anke jekk intom qed tisimgħuna sempliċiment permezz tal-awdjo tal-ismartfon tagħkom. L-isqfijiet tagħna ma qagħdux jgħoddu kemm kien hemm idejn mgħollija ‘l fuq, iżda mhemmx dubju li dan ġie nnotat fis-smewwiet, għaliex il-patt li aħna nagħmlu nagħmluh ma’ Alla, u l-għemil tagħna huwa rreġistrat fil-ktieb tal-ħajja.

Il-Mulej Jagħżel il-Profeti Tiegħu

L-għażla ta’ profeta jagħmilha l-Mulej innifsu. Ma ssir l-ebda kampanja, l-ebda dibattiti, l-ebda kilba għall-poter, l-ebda dissens, sfiduċja jew konfużjoni. Jiena wkoll nikkonferma li l-qawwa tas-smewwiet kienet verament tinsab magħna fil-kamra ta’ fuq tat-tempju hekk kif bl-għajnuna tat-talb aħna dorna ċirku madwar il-President Nelson u ħassejna fuqu l-approvazzjoni tal-Mulej, liema approvazzjoni aħna żgur ma nistgħux niċħduha.

L-għażla tal-President Nelson li jservi bħala l-profeta ta’ Alla saret żmien twil ilu. Il-kliem li l-Mulej qal lill-Ġeremija japplika wkoll għall-President Nelson: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek. Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.”1 Kien biss tliet snin ilu li l-Presbiteru Nelson, fl-età ta’ 90 sena, kien ir-raba’ fis-sinjorità, b’ żewġ Appostli anzjani minn tlieta li kienu iżgħar minnu fl-età. Il-Mulej, li jikkontrolla l-ħajja u l-mewt, jagħżel il-profeti Tiegħu. Il-President Nelson, fl-età ta’ 93 sena, għadu jbiegħ is-saħħa. Aħna nittamaw li huwa jibqa’ magħnagħallinqas għaxar snin jew għoxrin sena oħra, iżda għalissa qed nippruvaw nippersweduh jibqa’ ftit ‘il bogħod milli jkompli jisskijja fuq il-muntanji tas-silġ.

Filwaqt li aħna nsostnu lill-profeta bħala l-magħżul tal-Mulej, tajjeb nagħmluha ċara li aħna nqimu biss lil Alla, Missierna tas-Smewwiet, u lil Ibnu d-divin. Huwa permezz tal-merti, tal-ħniena u tal-grazzja tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li xi darba aħna nistgħu nidħlu għal darb’oħra fil-preżenza Tagħhom.2

Għalfejn Aħna Nimxu Wara l-Profeta

Iżda Ġesù għallem ukoll verità mill-aktar importanti dwar il-qaddejja li huwa jibgħat fostna. “Min jilqa’ lilkom,” Huwa qal, “jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni.”3

L-aktar irwol importanti tal-profeta tal-Mulej hu li jgħallimna dwar is-Salvatur u jmexxina lejh.

Hemm bosta raġunijiet loġiċi għalfejn għandna nimxu wara l-President Russell M. Nelson. Anke dawk li mhumiex tat-twemmin tagħna jagħrfu l-intelliġenza tiegħu. Huwa laħaq tabib ta’ 22 sena, kirurgu tal-qalb mill-aktar rispettat, u pijunier rinomat fl-iżvilupp tal-kirurġija tal-qalb.

Ħafna oħran jagħrfu l-għerf u s-sens ta’ ġudizzju tiegħu: disgħin sena jitgħallem dwar il-ħajja u l-mewt, jgħix b’ mod altruwista, iħobb u jgħallem lil ulied Alla f’ kull rokna tad-dinja u huwa mmatura permezz tal-esperjenzi tiegħu ta’ bniedem li għandu 10 itfal, 57 neputijiet u 118 proneputijiet (dan l-aħħar numru jinbidel ta’ spiss; proneputi tiegħu fil-fatt għadu kif twieled nhar l-Erbgħa li għaddew).

Il-President Russell M. Nelson flimkien mal-proneputi tiegħu li għadu kif twieled

Dawk li jafuh sew jitkellmu dwar President Nelson bħala bniedem li jħabbat wiċċu mad-diffikultajiet tal-ħajja b’ fidi u kuraġġ. Meta bintu, Emily, mietet bil-kanċer fl-età ta’ 37 sena, fejn ħalliet warajha r-raġel u l-ħames ulied ċkejknin tagħha li verament kienet tħobb, jiena smajtu jgħid, “Jiena kont missierha, tabib u Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, iżda jiena kelli nbaxxi rasi u ngħid, ‘Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.’”4

Għassies fuq it-Torri

Filwaqt li aħna nammiraw dawn il-kwalitajiet nobbli kollha, għalfejn aħna nimxu wara l-President Nelson?Għalfejn aħna nimxu wara l-profeta Għaliex il-Mulej Ġesù Kristu sejjaħlu u għażlu bħala l-għassies Tiegħu fuq it-torri.

Karkassonne, Franza

Karkassonne hija belt meraviljuża fi Franza mdawra bis-swar li ilha wieqfa miż-żminijiet medjevali. Torrijiet għoljin jidhru jippuntaw lejn is-sema mis-swar li jipproteġuha, li nbnew biex l-għassiesa jkunu jistgħu jieqfu fuq dawk it-torrijiet, lejl u nhar, ħarsithom dejjem ‘il bogħod jgħassu l-belt mill-għadu. Meta l-għassies kien jara l-għadu ġej, il-leħen ta’ twissija tiegħu kien jipproteġi n-nies ta’ Karkassone mill-periklu imminenti li huma stess ma setgħux jaraw.

Profeta huwa għassies fuq it-torri, jipproteġina mill-periklu spiritwali li aħna ma nkunux nistgħu naraw.

Il-Mulej qal lil Eżekjel, “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi.”5

Aħna spiss nitkellmu dwar il-bżonn tagħna li nimxu wara l-profeta, iżda kkunsidraw ftit dan il-piż enormi li l-Mulej ipoġġi fuq il-profeta Tiegħu: “Jekk int ma tkellmux u ma twiddbux … , hu, il-midneb, imut fi ħżunitu; … imma demmu nfittxu minn idejk.”6

Xhieda Akbar Personali

Aħna nħaddnu l-President Nelson bħallikieku qed inħaddnu lil Pietru jew lil Mosè kieku għexna fi żmienhom. Alla qal lil Mosè, “Mela issa mur, u jien inkun ma’ fommok u ngħallmek x’għandek tgħid.”7 Aħna nisimgħu lill-profeta tal-Mulej b’ fidi li kliemu huwa “minn fomm il-Mulej.”8

Din fidi għamja? Le, mhijiex. Aħna lkoll għandna xhieda spiritwali tal-verità tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Kienet ir-rieda u l-għażla tagħna li dalgħodu aħna għollejna jdejna, iddikjarajna x-xewqa tagħna li nsostnu lill-profeta tal-Mulej “b’ kunfidenza u fidi u permezz ta’ talbna”9 u billi nimxu wara l-kunsill tiegħu. Aħna għandna l-privileġġ bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem li nirċievu xhieda personali li s-sejħa tal-President Nelson ġejja minn Alla. Filwaqt li marti, Kathy, kienet ilha taf personalment lill-President Nelson għal kważi tletin sena u qatt ma ddubitat il-mantell divin tiegħu, meta huwa ġie destint bħala profeta, hija bdiet taqra d-diskors kollu tiegħu mill-konferenzi ġenerali kollha ta’ dawn l-aħħar 34 sena, titlob li tikseb assigurazzjoni aktar profonda dwar l-irwol profetiku tiegħu. Jiena nwegħidkom li din ix-xhieda akbar tiksbuha hekk kif intom tfittxuha b’ umiltà u b’ mod den.

Għalfejn aħna daqshekk lesti li nimxu wara leħen il-profeta tagħna? Għal dawk li b’ diliġenza jinsabu jfittxu l-ħajja eterna, leħen il-profeta jwasslilkom is-sigurtà spiritwali f’ żminijiet mill-aktar imqanqla.

Aħna ninsabu ngħixu f’ dinja b’ miljuni ta’ ilħna jgħajtu madwarna. L-internet, l-ismartfons, il-kaxxi li għandna mimlija divertiment kollha kemm huma b’ xi mod jisirqulna l-ħin tagħna u jinfluwenzawna, fejn jittamaw li aħna nixtru l-prodotti tagħhom u nadottaw l-istandards tagħhom.

Is-sensiela li qisha ma tispiċċa qatt ta’ informazzjoni u opinjoni tfakkarna dwar it-twissijiet skritturali li aħna nistgħu nispiċċaw “mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm,”10 “nitmexxew mir-riħ,”11 kif ukoll niġu megħluba mill- “ingann,” ta’ dawk li “ iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.”12

Li nankraw ruħna mal-Mulej Ġesù Kristu jfisser li nisimgħu minn dawk li Huwa jibgħat fostna. Li nimxu wara l-profeta f’ dinja daqstant imqallba hija bħallikieku nitgeżwru f’ kutra komda u sħuna f’ jum ta’ kesħa xxoqq l-għadam.

Aħna ngħixu f’ dinja ta’ raġuni, dibattitu, argument, loġika u spjegazzjoni. Li aħna nistaqsu, “Għalfejn?” hija ħaġa pożittiva f’ ħafna aspetti ta’ ħajjitna, li tagħti ċans li l-qawwa tal-intellett tagħna tiggwida l-għadd kbir ta’ għażliet u deċiżjonijiet li niffaċċjaw kuljum.

Iżda leħen il-Mulej ħafna drabi jasal għandna mingħajr ebda spjegazzjoni.13 Ħafna żmien qabel in-nies akkademiċi bdew jistudjaw l-impatt tal-infedeltà fuq is-sieħba u l-ulied innoċenti, il-Mulej iddikjara, “La tagħmilx adulterju.”14 Aktar milli niddependu sempliċiment fuq l-intellett, aħna ngħożżu d-don tal-Ispirtu s-Santu.

Tissorprendix Ruħek

Noè jippriedka

Leħen il-profeta, mlissen bi ħlewwa, ħafna drabi jkun leħen li jitlobna sabiex ninbidlu, nindmu u nerġgħu lura għand il-Mulej. Meta jkun meħtieġ li nibdlu xi ħaġa, ejjew ma noqogħdux naħsbuha. U tallarmawx ruħkom meta l-leħen ta’ twissija tal-profeta ma jkunx f’ armonija mal-opinjonijiet popolari tal-ġurnata. Il-profeta bilkemm ikun għadu lissen kelma waħda li ċerti nies imdejqin u ma jemmnux ma jibdewx jikkritikawh.Hekk kif intom, b’ umiltà, timxu wara l-kunsill tal-profeta tal-Mulej, jiena nwegħidkom barka akbar ta’ sigurtà u paċi.

Samwel il-Lamanita jipprofetizza

Tissorprendux ruħkom jekk xi kultant il-mod kif intom taħsbuha għall-ewwel ma jkunx f’ armonija mat-tagħlim tal-profeta tal-Mulej. Dak ikun mument ta’ tagħlim, ta’ umiltà, meta aħna ninżlu għarkupptejna biex nitlobu. Aħna nimxu ‘l quddiem b’ fidi, nafdaw f’ Alla, nafu li maż-żmien aħna nirċievu aktar ċarezza spiritwali mingħand Missierna tas-Smewwiet. Wieħed profeta ddeskriva r-rigal inkomparabbli tas-Salvatur bħala “r-rieda tal-Iben inbelgħet fir-rieda tal-Missier.”15 Meta aħna nirrinunzjaw ir-rieda tagħna għar-rieda ta’ Alla, fil-fatt, ma nkunu qed nirrinunzjaw xejn għaliex dan ikun il-bidu ta’ rebħa mill-aktar glorjuża.

Xi wħud jippruvaw janalizzaw iżżejjed kliem il-profeta, fejn isibuha diffiċli jiddeterminaw x’inhu l-leħen profetiku tiegħu u x’inhi l-opinjoni personali tiegħu.

Fl-1982, sentejn qabel ġie msejjaħ bħala Awtorità Ġenerali, Brother Russell M. Nelson qal: “Jiena qatt ma nistaqsi lili nnifsi, ‘Il-profeta, meta jitkellem fl-irwol tiegħu ta’ profeta, u meta le?” L-interess tiegħi dejjem ikun, ‘Jiena kif nista’ nsir aktar bħalu?’” U huwa kompla, “Il-filosofija tiegħi hi li nieqfu niddubitaw id-dikjarazzjonijiet tal-profeta u minflok nibdew nimmeraviljaw ruħna b’ dak li jgħidilna.”16 Dan hu kif raġel umli u spiritwali għażel li jgħix ħajtu. Illum, 36 sena wara, huwa hu l-profeta tal-Mulej.

Kabbru l-Fidi Tagħkom fis-Salvatur

Fil-ħajja personali tiegħi, jiena sibt li hekk kif jiena bl-għajnuna tat-talb nistudja kliem il-profeta ta’ Alla, u bir-reqqa u bil-paċenzja, nara li r-rieda tiegħi tkun f’ armonija mat-tagħlim ispirat tiegħu, il-fidi tiegħi fil-Mulej Ġesù Kristu tikber aktar.17 Jekk aħna nagħżlu li ma nagħtux kas tal-kunsill tiegħu u nibdew naħsbu li nafu aħjar, il-fidi tagħna tispiċċa ssofri u l-perspettiva eterna tagħna tiċċajpar. Inwegħidkom li l-fidi tagħkom fis-Salvatur tikber hekk kif intom tibqgħu determinanti li timxu wara l-profeta.

Is-Salvatur qal, “Il-profeti kollha … taw xhieda tiegħi.”18

Il-profeta ma jinsabx bejnkom u bejn is-Salvatur. Pjuttost, huwa jinsab wieqaf ħdejkom u jurikom it-triq lejn is-Salvatur. L-akbar responsabbiltà u l-aktar rigal prezzjuż li l-profeta għandu għalina huma x-xhieda ċerta tiegħu, l-għarfien ċert tiegħu, li Ġesù hu l-Kristu. Bħal Pietru tal-qedem, il-profeta tagħna jiddikjara, “Huwa l-Kristu, Bin Alla l-ħaj.”19

Fi żmien futur, meta nħarsu lura lejn il-ħajja mortali tagħna, aħna għad nifirħu li aħna ġejna hawn fid-dinja fi żmien li fiha kien hawn jgħammar profeta ħaj. U f’ dak il-jum, jiena nitlob li aħna nkunu kapaċi ngħidu:

Aħna smajna x’ qalilna.

Aħna emminieh.

Aħna studjajna kliemu b’ paċenzja u fidi.

Aħna tlabna għalih.

Aħna waqafna miegħu.

Aħna konna umli biżżejjed li nimxu warajh.

Aħna ħabbejnieh.

Jiena nagħtikom it-testimonjanza solenni tiegħi li Ġesù hu l-Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna u li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta magħżul Tiegħu fid-dinja. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġeremija 1:5.

  2. Ara 2 Nephi 2:8.

  3. Mattew 10:40.

  4. Memorja personali; ara wkoll Spencer J. Condie, Russell M. Nelson: Father, Surgeon, Apostle (2003), 235.

  5. Eżekjel 33:7.

  6. Eżekjel 33:8.

  7. Eżodu 4:12.

  8. Doctrine and Covenants 21:5.

  9. Doctrine and Covenants 107:22.

  10. Efesin 4:14.

  11. Ġakbu 1:6.

  12. Efesin 4:14.

  13. Il-President Dallin H. Oaks darba qal:

    “F’ intervista li kelli fl-1988 … jiena spjegajt l-attitudni tiegħi lejn li wieħed jipprova jifhem ir-rivelazzjoni divina billi joqgħod jirraġuna b’ moħħu:

    “Jekk intom taqraw l-iskrittura b’ din il-mistoqsija f’ moħħkom, “Għalfejn il-Mulej ikkmandana biex nagħmlu dik jew l-oħra,” intom issibu li f’ anqas minn wieħed fil-mija tal-kmandamenti Huwa jagħtina r-raġuni warajh. Mhuwiex il-mod li bih jimxi l-Mulej li joqgħod jagħtina r-raġunijiet. Aħna n-nies mortali nkunu rridu nisbu raġuni wara xi rivelazzjoni. Aħna nkunu rridu nsibu raġuni wara l-kmandamenti. Meta nagħmlu dan, aħna nkunu weħdina. Xi nies jippruvaw jagħtu raġuni għal xi rivelazzjoni … , u wara jsibu li huma żbaljati waħda sew. Hemm lezzjoni x’ nitgħallmu f’ din. … Żmien twil ilu jien iddeċidejt li jiena kelli fidi biżżejjed f’ kmand partikolari u ma kellix fidi fir-raġunijiet li ġew mogħtija lili għalfejn ingħata dan il-kmand.

    “‘… Ir-raġunijiet kollha li ġejt mogħti għalija kienu jidhru bħala riskju li ma kienx hemm għalfejn nieħdu. … Ejjew ma nagħmlux l-iżball li sar fil-passat, … li nippruvaw insibu raġuni għar-rivelazzjoni. Ir-raġunijiet ħafna drabi jkunu kif jaħsibha l-bniedem. Ir-rivelazzjonijiet huma dawk li aħna nsostnu bħala r-rieda tal-Mulej u hemm biss insibu s-sigurtà’” (Life’s Lessons Learned [2011], 68–69).

  14. Eżodu 20:14.

  15. Mosiah 15:7.

  16. Russell M. Nelson, f’ Lane Johnson, “Russell M. Nelson: A Study in Obedience,” Tambuli, Jan. 1983, 26.

  17. Il-President Henry B. Eyring qal: “Twemmin żbaljat ieħor hu li wieħed jemmen li l-għażla li taċċetta jew le l-kunsill tal-profeti mhijiex aktar importanti milli li taċċetta jew le xi parir tajjeb u tikseb il-benefiċċju tiegħu jew tibqa’ fejn tkun. Iżda l-għażla li ma nagħtux kas tal-kunsill profetiku tista’ twassal biex tibdel id-direzzjoni tal-istess ħajjitna. Ħajjitna ssir aktar perikoluża. Il-falliment li nisimgħu mill-kunsill profetiku jdgħajjef il-qawwa tagħna li fil-futur aħna nagħtu kas tal-kunsill ispirat. L-aqwa żmien li kellna niddeċiedu kellniex ngħinu lil Noè jibni l-arka kien l-ewwel darba li huwa staqsiena. Kull darba li huwa staqsiena minn dak il-mumenti ‘l quddiem, kull darba li nqasna milli nwieġbu għas-sejħa tiegħu, wasslitna biex dgħajjifna s-sensittività tagħna li nisimgħu mill-Ispirtu. U aktar ma jmur aktar bdejna nħarsu lejn it-talba tiegħu bħala bluha, sakemm bdiet nieżla x-xita. U mbagħad kien tard wisq” (“Finding Safety in Counsel,” Ensign, May 1997, 25).

  18. 3 Nephi 20:24.

  19. Mattew 16:16; ara wkoll Ġwanni 6:69.