Konferenza Ġenerali
It-Tweġiba Hi Dejjem Ġesù Kristu
konferenza ġenerali April 2023


It-Tweġiba Hi Dejjem Ġesù Kristu

Huma x’inhuma l-mistoqsijiet jew il-problemi li għandkom, it-tweġiba dejjem insibuha fil-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, tul dawn l-aħħar jumejn aħna ġejna mantnuti spiritwalment. Il-mużika tal-kor kienet eċċezzjonali. Dawk li tkellmu kienu strumenti f’idejn il-Mulej. Nitlob li intom tfittxu l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidakom fl-istudju tagħkom hekk kif intom tikkontemplaw il-veritajiet mgħallma minn wara dal-pulptu. Aħna verament irċevejna dan mis-smewwiet.

Bħal-lum ġimgħa huwa Ħadd il-Għid. Hija l- aktar osservanza reliġjuża importanti għad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Ir-raġuni ewlenija għalfejn niċċelebraw il-Milied hi minħabba l-Għid. Il-lezzjoni ta’ din il-ġimgħa minn Come, Follow Me tħeġġiġkom biex tistudjaw dwar id-daħla trijonfali tas-Salvatur f’Ġerusalemm, it-tindif tiegħu tat-tempju, it-tbatija tiegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani, il-Kruċifissjoni tiegħu, il-Qawmien glorjuż tiegħu, u d-dehriet sussegwenti tiegħu lid-dixxipli tiegħu.1

Mantni lilek innifsek permezz ta’ dawn il-versi sagri u sib kull mod kif tista’ tirringrazzja lil Missierna fis-Smewwiet talli bagħat fostna lill-Iben il-Waħdieni tiegħu.2 Grazzi għal Ġesù Kristu, aħna nistgħu nindmu u niġu maħfura minn dnubietna. Grazzi għalih, ilkoll kemm aħna se nerġgħu nqumu mill-mewt.

Nistedinkom biex terġgħu tistudjaw ir-rakkont tad-dehra tas-Salvatur fost in-Nefiti fl-Ameriki, kif naqraw dwarha f’3 Nefi. Ftit biss qabel dik id-dehra, instema’ leħnu fost il-poplu, li fost ħwejjeġ oħra qal dan il-kliem ta’ supplika:

“Intom lesti li terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, sabiex jiena nkun nista’ nfejjaqkom?

“… Araw, driegħi kollu ħniena lest għalikom, u kull min jiġi, lilu jiena nilqa’.”3

Għeżież ħuti, Ġesù Kristu qed jestendilkom dik l-istess stedina llum. Nitlobkom biex tersqu lejh ħalli jkun jista’ jfejjaqkom! Huwa jfejjaqkom mid-dnub hekk kif tindmu. Huwa jfejjaqkom min-niket u l-biża’. Huwa jfejjaqkom mill-ġrieħi ta’ din id-dinja.

Huma x’inhuma l-mistoqsijiet jew il-problemi li għandkom, it-tweġiba dejjem insibuha fil-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Tgħallem aktar dwar l-Espjazzjoni tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu, id-duttrina tiegħu, u l-evanġelju rrestawrat tiegħu li jfejjaqna u jgħinna fil-progressjoni tagħna. Duru Lejh! Imxu warajh!

Ġesù Kristu huwa r-raġuni għalfejn nibnu t-tempji. Kull wieħed minnhom huwa d-dar imqaddsa tiegħu. Li tagħmlu l-patti u tirċievu l-ordinanzi essenzjali fit-tempju, kif ukoll li hemm tippruvaw tersqu aktar qrib tiegħu, iwassal biex ibierek ħajjitkom b’modi li l-ebda forma oħra ta’ qima ma tista’ tbierek. Għal din ir-raġuni, aħna qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex il-barkiet tat-tempju jkunu aktar aċċessibbli għall-membri tagħna madwar id-dinja. Illum, jiena grat li se nħabbar il-pjanijiet tagħna li nibnu tempju ġdid f’kull wieħed minn dawn il-postijiet:

  • Retalhuleu, Gwatemala

  • Iquitos, Peru

  • Teresina, Brażil

  • Natal, Brażil

  • Tuguegarao City, Filippini

  • Iloilo, Filippini

  • Jakarta, Indonesja

  • Hamburg, Ġermanja

  • Lethbridge, Alberta, Kanada

  • San Jose, California

  • Bakersfield, California

  • Springfield, Missouri

  • Charlotte, North Carolina

  • Winchester, Virginia

  • Harrisburg, Pennsylvania

Għeżież ħuti, jiena nixhed li Ġesù Kristu jinsab imexxi l-affarijiet tal-Knisja tiegħu. Jiena nixhed li l-uniku mod kif jista’ jkollna ferħ dejjiem hu li aħna nimxu warajh. Jiena naf li l-qawwa tiegħu tinsab nieżla fuq il-poplu tiegħu li jħares il-patti, li huwa “armat bis-sewwa u bil-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.”4 Jiena nixhed dwar dan, bl-imħabba u l-barka tiegħi għal kull wieħed u waħda minnkom, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen