Ikollkom Dejjem Maħfra ta’ Dnubietkom
Permezz tal-qawwa li tqaddes tal-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna, aħna jista’ jkollna dejjem maħfra ta’ dnubietna.
Frażi mill-aktar profonda li uża s-Sultan Benjamin fit-tagħlim tiegħu dwar is-Salvatur u l-Att tal-Fidwa Tiegħu hija suġġett li ili diversi snin nistudja u nixtarr dwaru.
F’ diskors mill-aktar spiritwali u li jqanqlek li s-Sultan Benjamin għamel qabel ma miet lil poplu li tant serva u ħabb, huwa ddeskriva l-importanza li wieħed ikun jaf il-glorja ta’ Alla u jduq l-imħabba Tiegħu, li jirċievi maħfra tad-dnubiet, li dejjem jiftakar fil-kobor ta’ Alla u li jitlob kuljum u jibqa’ dejjem sod fil-fidi.1 Huwa wiegħed ukoll li jekk tagħmlu dan “intom dejjem ikollkom il-ferħ u timtlew bl-imħabba ta’ Alla, u ikollkom dejjem maħfra ta’ dnubietkom.”2
Il-messaġġ tiegħi jiffoka dwar il-prinċipju li jkollna dejjem maħfra ta’ dnubietna. Il-verità espressa f’ din il-frażi tista’ ssaħħaħ il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u tagħmilna dixxipli aħjar. Nitlob sabiex l-Ispirtu s-Santu jispirana u jedifikana hekk kif flimkien nikkunsidraw il-veritajiet spiritwali essenzjali.
Twelid mill-Ġdid Spiritwali
Fil-mortalità aħna nesperjenzaw it-twelid fiżiku u l-opportunità li jkollna twelid mill-ġdid spiritwali.3 Aħna ġejna mwissijin minn għadd ta’ profeti u appostli sabiex “nistenbħu f’ Alla,”4 nerġgħu “nitwieldu mill-ġdid,”5 u nsiru “kreaturi ġodda … fi Kristu”6 billi nirċievu f’ ħajjitna l-barkiet li huma possibbli li niksbu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Il-“merti, u l-ħniena u l-grazzja tal-Messija Mqaddes”7 jistgħu jgħinuna nirbħu fuq it-tendenzi egoċentriċi u egoisti tal-bniedem naturali u nsiru aktar altruwisti, benevolenti u qaddisa. Aħna mitlubin sabiex ngħixu b’ tali mod li nkunu nistgħu “nieqfu mingħajr tebgħa quddiem il-Mulej fl-aħħar jum.”8
L-Ispirtu s-Santu u l-Ordinanzi tas-Saċerdozju
Il-Profeta Joseph Smith iddeskriva fil-qosor iżda b’ mod konċiż l-irwol essenzjali tal-ordinanzi tas-saċerdozju fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu: “Li titwieled mill-ġdid hi ħaġa li tiġi fis-seħħ permezz tal-Ispirtu s-Santu permezz tal-ordinanzi.”9 Din id-dikjarazzjoni penetranti tenfasizza l-irwol kemm tal-Ispirtu s-Santu kif ukoll tal-ordinanzi sagri fil-proċess tat-twelid mill-ġdid.
L-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet membru tad-Divinità. Huwa personaġġ ta’ spirtu u jagħti xhieda tal-verità kollha. Fl-iskrittura l-Ispirtu s-Santu nirreferu għalih bħala l-Farraġ,10 l-għalliem,11 u r-Rivelatur.12 Barra minn hekk, l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jissantifika13 li jnaddaf u jaħraq l-iskart u l-ħażen mir-ruħ umana bħan-nar.
L-ordinanzi mqaddsa huma ċentrali fl-evanġelju tas-Salvatur u fil-proċess li nersqu lejh u nfittxu li jkollna twelid mill-ġdid spiritwali. L-ordinanzi huma atti sagri li għandhom għan spiritwali, sinifikat etern u huma relatati mal-liġijiet u l-istatuti ta’ Alla.14 L-ordinanzi kollha tas-salvazzjoni u l-ordinanza tas-sagrament għandhom jiġu awtorizzati minn xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju neċessarji.
L-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni li huma amministrati fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej huma aktar minn sempliċiment ritwali jew atti simboliċi. Pjuttost, huma jikkonstitwixxu metodi awtorizzati li permezz tagħhom il-barkiet u l-qawwiet tas-sema jistgħu jsiru parti mill-ħajja individwali tagħna.
“U dan l-ogħla saċerdozju jamministra l-evanġelju u jħaddan il-muftieħ tal-misteri tas-saltna, saħansitra l-muftieħ tal-għarfien ta’ Alla.
”Għalhekk, f’ dawn l-ordinanzi, tidher il-qawwa tad-divinità.
“U mingħajr dawn l-ordinanzi, u l-awtorità tas-saċerdozju, il-qawwa tad-divinità ma tkunx tista’ tidher lill-bnedmin tad-demm u l-laħam.”15
L-ordinanzi li aħna nirċievu u nonoraw b’ integrità sħiħa huma essenzjali biex aħna niksbu l-qawwa tad-divinità u l-barkiet kollha li huma disponibbli lilna permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur.
Niksbu u Jkollna Dejjem Maħfra ta’ Dnubietna permezz tal-Ordinanzi
Biex nifhmu ferm aħjar il-proċess li permezz tiegħu nistgħu niksbu u jkollna dejjem maħfra ta’ dnubietna, jeħtieġ li l-ewwel nifhmu r-relazzjoni inseparabbli li teżisti bejn tliet ordinanzi sagri li jipprovdulna aċċess għall-qawwiet tas-smewwiet: il-magħmudija b’ immersjoni, it-tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu, u s-sagrament.
Il-magħmudija b’ immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet “hija l-ordinanza preliminari tal-evanġelju”16 ta’ Ġesù Kristu u għandha tkun ippreċeduta mill-fidi fis-Salvatur u l-indiema sinċiera. Din l-ordinanza “hija sinjal u kmandament li Alla ta lil uliedu biex huma jidħlu fis-saltna Tiegħu.”17 Il-magħmudija tiġi amministrata bl-awtorità tas-Saċerdozju Aroniku. Fil-proċess li nersqu lejn is-Salvatur u lejn it-twelid mill-ġdid, il-magħmudija tipprovdi lir-ruħna t-tindif inizjali neċessarju mid-dnub.
Il-patt tal-magħmudija jinkludi fih tliet impenni fundamentali: (1) li nkunu lesti nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu, (2) li dejjem niftakru fih u (3) li nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Il-barka mwiegħda talli aħna nonraw dan il-patt hi “li aħna jkollna l-Ispirtu Tiegħu dejjem magħna.”18 B’hekk, il-magħmudija hija t-tħejjija essenzjali biex aħna nirċievu l-opportunità awtorizzata li jkollna dejjem magħna lit-tielet membru tad-Divinità.
“Il-magħmudija permezz tal-ilma … għandha tiġi segwita dejjem permezz tal-magħmudija tal-Ispirtu biex tkun kompleta.”19 Kif is-Salvatur għallem lin-Nikodemu, “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u mill- Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla.”20
Tliet dikjarazzjonijiet mill-Profeta Joseph Smith jenfasizzaw il-konnessjoni essenzjali li hemm bejn l-ordinanzi tal-magħmudija b’ immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet u t-tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu.
L-1 Dikjarazzjoni: “Il-magħmudija hija ordinanza qaddisa bit-tħejjija għall-għotja tal-Ispirtu s-Santu; hija l-metodu u l-muftieħ li permezz tiegħu jiġi amministrat l-Ispirtu s-Santu.”21
It-2 Dikjarazzjoni: “Tistgħu kważi, kważi tgħammdu xkora ramel minflok bniedem, jekk il-magħmudija ma sseħħx għall-maħfra tad-dnubiet u biex jinkiseb l-Ispirtu s-Santu. Il-magħmudija permezz tal-ilma hija biss nofs magħmudija, u mhi tajba għal xejn mingħajr in-nofs l-ieħor—li hi, il-magħmudija tal-Ispirtu s-Santu.”22
It-3 Dikjarazzjoni: “Il-magħmudija tal-ilma, mingħajr il-magħmudija tan-nar u l-Ispirtu s-Santu jakkumpanjaha, ftit li xejn għandha użu. Huma b’ mod neċessarju u inseparabbli marbutin flimkien.”23
Ir-rabta konsistenti fost il-prinċipju tal-indiema, l-ordinanzi tal-magħmudija u l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu u l-barka glorjuża tal-maħfra tad-dnubiet hija enfasizzata bosta drabi fl-iskrittura.
Nefi ddikjara, “Għax ix-xatba li minnha għandkom tidħlu hija l-indiema u l-magħmudija permezz tal-ilma; u mbagħad tasal il-maħfra ta’ dnubietkom permezz tan-nar u permezz tal-Ispirtu s-Santu.”24
Is-Salvatur Innifsu ddikjara, “Issa l-kmandament huwa dan: Indmu, intom kollha minn kull tarf tad-dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ ismi, ħalli titqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu, sabiex intom tieqfu mingħajr tebgħa quddiemi fl-aħħar jum.”25
It-tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu hija ordinanza amministrata bl-awtorità tas-Saċerdozju Melkisedeku. Fil-proċess li nersqu lejn is-Salvatur u nitwieldu mill-ġdid spiritwalment, li nirċievu l-qawwa qaddisa tal-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna toħloq il-possibiltà ta’ tindif kontinwu ta’ ruħna mid-dnub. Din il-barka li timlina bil-ferħ hija essenzjali għaliex “l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar ma’ Alla.”26
Bħala membri tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej, aħna mberkin kemm permezz tat- tindif inizjali tagħna mid-dnub marbut mal-magħmudija u anke permezz tal-potenzjal tat-tindif kontinwu mid-dnub li hu possibbli permezz tas-sħubija u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu—sewwasew it-tielet membru tad-Divinità.
Ikkunsidraw kif wieħed bidwi jiddependi fuq il-proċess li ma jinbidilx taż-żriegħ u l-ħsad. L-għarfien tar-rabta li hemm bejn iż-żriegħ u l-ħsad huwa sors kostanti tal-għan u tinfluwenza kull deċiżjoni u kull pass li l-bidwi jieħu fl-istaġuni kollha tas-sena. Bl-istess mod, ir-rabta inseparabbli li hemm bejn l-ordinanzi tal-magħmudija b’ immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet u t-tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu għandhom jinfluwenzaw kull aspett tal-irwol tagħna bħala dixxipli fl-istaġuni kollha ta’ ħajjitna.
Is-sagrament huwa t-tielet ordinanza neċessarja biex niksbu aċċess għall-qawwa tad-divinità. Sabiex aħna nżommu aktar lilna nfusna ‘l bogħod mit-tinġis tad-dinja, aħna ġejna kmandati sabiex immorru fid-dar ta’ talb u noffru s-sagramenti tagħna fil-jum imqaddes tal-Mulej.27 Jekk jogħġobkom ikkunsidraw li l-emblemi tal-ġisem u d-demm tal-Mulej, il-ħobż u l-ilma, huma t-tnejn imberkin u qaddisa. “O Alla, il-Missier Etern, aħna nistaqsuk f’ isem Ibnek, Ġesù Kristu, biex tbierek u tqaddes dan il-ħobż [jew dan l-ilma] għall-erwieħ ta’ dawk kollha li jieħdu [jew jixorbu] minnu.”28 Li tqaddes ifisser li tagħmel xi ħaġa pura jew qaddisa. L-eblemi tas-sagrament jiġu mqaddsa b’ tifkira tal-purità ta’ Kristu, tad-dipendenza sħiħa tagħna fuq l-Att tal-Fidwa Tiegħu u tar-responsabbiltà tagħna li nonoraw l-ordinanzi u l-patti tagħna biex “nieqfu mingħajr tebgħa quddiemu fl-aħħar jum.”29
L-ordinanza tas-sagrament hija stedina qaddisa u ripetuta biex aħna sinċerament nindmu u niġġeddu spiritwalment. L-att li nieħdu sehem fis-sagrament, fih innifsu, ma jaħfrilniex dnubietna. Iżda hekk kif aħna kuxjenzjożament nitħejjew u nieħdu sehem f’ din l-ordinanza mqaddsa b’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien, imbagħad jkollna l-wegħda li aħna jista’ jkollna dejjem magħna l-Ispirtu tal-Mulej. U permezz tal-qawwa li tqaddes tal-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna, aħna nistgħu dejjem ikollna maħfra ta’ dnubietna.
Aħna verament imberkin li kull ġimgħa jkollna l-opportunità li nevalwaw ħajjitna permezz tal-ordinanza tas-sagrament, li nġeddu l-patti tagħna u nirċievu din il-wegħda tal-patt.30
Nitgħammdu mill-Ġdid
Xi kultant il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jesprimu x-xewqa li huma jerġgħu jitgħammdu mill-ġdid—u b’hekk jerġgħu jsiru ndaf u denji daqs il-jum li fih irċevew l-ewwel ordinanza tagħhom tas-salvazzjoni tal-evanġelju. Ippermettuli biex b’ rispett nissuġġerixxi li l-intenzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż mhijiex li aħna nesperjenzaw dan is-sentimenti ta’ tiġdid, rinfreskar, u restawrazzjoni spiritwali darba biss f’ ħajjitna. Il-barkiet li aħna niksbu u li jkollna dejjem maħfra ta’ dnubietna permezz tal-ordinanzi tal-evanġelju jgħinuna nifhmu li l-magħmudija hija l-punt ta’ tluq fil-vjaġġ spiritwali u mortali tagħna; mhijiex destinazzjoni li għandna nixtiequ li nerġgħu lura fiha u li nibqgħu ġejjin lura fiha.
L-ordinanzi tal-magħmudija b’ immersjoni, it-tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu u s-sagrament mhumiex avvenimenti iżolati u diskreti; pjuttost, huma elementi f’ proċess relatat u kumulattiv tal-progress feddej tagħna. Kull ordinanza suċċessiva televa u tkabbar l-għan, ix-xewqa u l-għemil spiritwali tagħna. Il-pjan tal-Missier, l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur u l-ordinanzi tal-evanġelju jipprovdu l-grazzja li neħtieġu biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem u navvanzaw linja wara linja u preċett wara preċett lejn id-destin etern tagħna.
Wegħda u Testimonjanza
Aħna bnedmin imperfetti li qed nagħmlu dak li nistgħu biex ngħixu f’ din il-ħajja mortali skont il-pjan perfett ta’ Missierna tas-Smewwiet ta’ progress etern. Il-ħtiġijiet tal-pjan Tiegħu huma glorjużi, rigorużi u kollhom ħniena. Jista’ jkun li xi drabi aħna nħossuna veru determinati u drabi oħra nħossuna verament inadegwati. Nafu niddubitaw jekk spiritwalment nistgħux qatt inwettqu l-kmandament li fl-aħħar jum nieqfu quddiemu mingħajr ebda tebgħa.
Bl-għajnuna tal-Mulej u permezz tal-qawwa tal-Ispirtu Tiegħu li “jgħallimna kull ħaġa,”31 verament nistgħu nitbierku biex inġibu fis-seħħ il-possibiltajiet spiritwali tagħna. L-ordinanzi jistiednu f’ ħajjitna l-għan u l-qawwa spiritwali hekk kif aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nitwieldu mill-ġdid u nsiru bnedmin ta’ Kristu.32 Id-dgħjufijiet tagħna jistgħu jinbidlu f’ qawwa u l-limitazzjonijiet tagħna nistgħu negħlbuhom.
Minkejja li f’ din il-ħajja ħadd minna ma jista’ jikseb il-perfezzjoni, aħna nistgħu insiru aktar u aktar denji u mingħajr tebgħa hekk kif aħna “nitnaddfu permezz ta’ demm il-Ħaruf.”33 Jiena nwiegħed u nixhed li aħna niġu mberkin b’ fidi akbar fis-Salvatur u b’ assigurazzjoni spiritwali akbar hekk kif infittxu li dejjem niksbu maħfra ta’ dnubietna u, ultimament, nieqfu mingħajr tebgħa quddiem il-Mulej fl-aħħar jum. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.