Librerija
Normali Ġdid


Normali Ġdid

Nistedinkom biex iddawru qalbkom, moħħkom, u ruħkom dejjem lejn Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, dawn il-jumejn tal-konferenza ġenerali kienu verament jiem glorjużi! Jien naqbel mal-Presbiteru Jeffrey R. Holland. Kif semma’ hu, il-messaġġi, it-talb, u l-mużika kollha ġew ispirati mill-Mulej. Jiena grat lejn dawk kollha li b’xi mod taw is-sehem tagħhom.

Waqt il-konferenza, jiena mmaġġinajtkom ilkoll qegħdin issegwuha. Jien tlabt lill-Mulej biex jgħinni nifhem dak li kontu qed tħossu, qed tinkwetaw dwaru, jew tippruvaw tirrisolvu. Bdejt nikkontempla x’kelli ngħid, biex nagħlaq din il-konferenza, li seta’ jwassalkom biex wara din il-laqgħa tibdew tħarsu b’ottimiżmu lejn il-futur kif naf li l-Mulej jixtieq li tħossukom.

Qed ngħixu fi żmien glorjuż, li ilu mbassar mill-profeti sekli sħaħ. Din hi d-dispensazzjoni li fiha l-ebda barka spiritwali mhi se tiġi mċaħħda lit-twajbin.1 Minkejja t-taqlib li hawn fid-dinja,2 il-Mulej iridna inħarsu ’l quddiem “b’ferħ u antiċipazzjoni.”3 Ejjew ma noqogħdux nikwetaw wisq fuq li ġara lbieraħ. Il-ġabra ta’ Iżrael miexja ’l quddiem. Il-Mulej Ġesù Kristu jidderieġi l-affarijiet tal-Knisja tiegħu u hi sejra tikseb l-oġġettivi divini tagħha.

L-isfida li aħna għandna hi li naraw li kull wieħed u waħda minna niksbu l-potenzjal divin tagħha. Illum nisimgħu ħafna dwar “normali ġdid.” Jekk tridu verament ikollkom normali ġdid, nistedinkom biex iddawru qalbkom, moħħkom, u ruħkom dejjem lejn Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Araw li dan ikun in-normali ġdid tagħkom .

Għixu n-normali ġdid tagħkom billi tindmu kuljum. Fittxu li tkunu dejjem aktar safja fil-ħsieb, fil-kelma, u fl-għemil. Imministraw lil ħaddieħor. Araw li jkollkom dejjem perspettiva eterna. Kabbru s-sejħiet tagħkom. U jkunu xi jkunu l-isfidi tagħkom, għeżież ħuti, għixu kull jum b’tali mod li intom tkunu aktar preparati biex tiltaqgħu mal-Ħallieq tagħkom.4

Hu għalhekk li għandna t-tempji. L-ordinanzi u l-patti tal-Mulej iħejjuna għall-ħajja eterna, l-akbar fost il-barkiet kollha ta’ Alla.5 Kif tafu, il-pandemija tal-COVID kienet teħtieġ li nagħlqu temporanjament it-tempji tagħna. Imbagħad bdejna nerġgħu niftħuhom ftit ftit b’mod ikkoordinat. Issa li ħafna tempji jinsabu fit-2 fażi, f’dawn l-aħħar xhur eluf ta’ koppji ġew issiġillati, u eluf irċevew id-dota tagħhom. Aħna nħarsu ’l quddiem għal jum li fih il-membri denji kollha tal-Knisja jkunu jistgħu jerġgħu jservu lill-antenati tagħhom u jqimu ġewwa t-tempju mqaddes.

Issa, bi pjaċir inħabbar il-pjanijiet għall-bini ta’ sitt tempji ġodda fil-postijiet li ġejjin: Tarawa, Kiribati; Port Vila, Vanuatu; Lindon, Utah; iz-zona metropolitana tal-Belt tal-Guatemala, il-Guatemala; il-Lvant ta’ São Paulo, Brażil; u Santa Cruz, Bolivia.

Hekk kif nibnu u nieħdu ħsieb dawn it-tempji, nitolbu li lkoll kemm intom tibnu u tieħdu ħsieb tagħkom infuskom ħalli tkunu denji li tidħlu fit-tempju mqaddes.

Issa, għeżież ħuti, jiena inberikkom biex tkunu mimlijin bil-paċi tal-Mulej Ġesù Kristu. Il-paċi tiegħu tisboq kulma l-moħħ jista’ jifhem.6 Inberikkom b’xewqa u abbiltà akbar li tobdu l-liġijiet ta’ Alla. Inwegħidkom li kif tagħmlu dan, intom tirċievu barkiet b’abbundanza fosthom kuraġġ akbar, aktar rivelazzjoni personali, armonija aktar ħelwa fi djarkom, u ferħ anke f’nofs l-inċertezza.

Jalla aħna nimxu ’l quddiem flimkien biex inwettqu l-mandat divin tagħna—li nħejju lilna nfusna u lid-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej. Għal dan jiena nitlob, b’turija tal-imħabba tiegħi lejkom, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen

Ipprintja