Id-Duttrina tal-Appartenenza
Id-duttrina tal-appartenenza nistgħu niddeskrivuha b’dan il-mod għal kull wieħed u waħda minna: jiena ħaġa waħda fi Kristu fil-patt tal-evanġelju.
Nixtieq nitkellem dwar dik li nsejħilha d-duttrina tal-appartenenza fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Din id-duttrina maqsuma fi tliet partijiet: (1) l-irwol tal-appartenenza fil-ġabra tal-poplu tal-patt tal-Mulej, (2) l-importanza tas-servizz u s-sagrifiċċju fl-appartenenza, u (3) iċ-ċentralità ta’ Ġesù Kristu għall-appartenenza.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fiż-żminijiet bikrin tagħha kienet tikkonsisti fil-parti l-kbira minn Qaddisin bojod mill-Amerika ta’ Fuq u mill-Ewropa ta’ Fuq u b’numru relattiv żgħir ta’ Amerikani Indiġeni, Amerikani ta’ nisel Afrikan, u nies mill-Gżejjer tal-Paċifiku. Illum, tmien snin wara l-200 anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Knisja kibret sew fin-numru u fid-diversità fl-Amerika ta’ Fuq u ferm aktar fil-kumplament tad-dinja.
Hekk kif il-ġabra li kienet ilha mbassra tal-poplu tal-patt tal-Mulej tkompli għaddejja bl-ispinta tagħha, il-Knisja verament se tkun magħmula minn membri minn kull ġens, tribù, ilsien, u poplu. 1 Din mhijiex xi diversità kalkulata jew sfurzata iżda fenomenu li seħħ b’mod naturali li konna qed nistennew, fejn nagħrfu li l-evanġelju qed jiġbor nies minn kull ġens u kull poplu.
Kemm aħna mberkin li nistgħu naraw b’għajnejna l-jum li fih Sijon qed tiġi mwaqqfa simultanjament fuq kull kontinent u fl-inħawi li noqogħdu fihom. Ki qal il-Profeta Joseph Smith, il-poplu ta’ Alla f’kull żmien dejjem ħares ’il quddiem b’antiċipazzjoni ferrieħa għal dan iż-żmien, u “aħna l-poplu mbierek li Alla għażel biex iġib fis-seħħ il-glorja tal-Aħħar Żminijiet.”2
Peress li ngħatajna dan il-privileġġ, ma nistgħux nippermettu li r-razziżmu, il-preġudizzji tribali, jew xi diviżjonijiet oħra jeżistu fil-Knisja ta’ Kristu tal-aħħar żmien. Il-Mulej jordnalna, “Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”3 Jeħtieġ li nkunu diliġenti fl-isforzi tagħna biex neħilsu mill-preġudizzju u d-diskriminazzjoni fil-Knisja, fi djarna, u fuq kollox ġewwa qalbna. Hekk kif il-popolazzjoni tagħna tal-Knisja dejjem qed tikber fid-diversità, il-merħba tagħna jeħtieġ li dejjem tikber fl-ispontanjità u fl-imħabba. Aħna neħtieġu lil xulxin.4
Fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu ddikjara li dawk kollha li huma mgħammdin fil-Knisja huma ħaġa waħda fil-ġisem ta’ Kristu:
“Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu.
Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. …
“B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin.
“U jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.”5
Sens ta’ appartenenza huwa importanti għall-benesseri fiżika, mentali, u spiritwali tagħna. Madankollu, huwa bla dubju possibbli li xi kultant ilkoll kemm aħna nafu nħossuna qisna ħuta barra mill-ilma. F’mumenti ta’ qtiegħ il-qalb, nafu nħossuna li qatt m’aħna se nilħqu l-istandards għolja tal-Mulej jew l-aspettattivi ta’ ħaddieħor.6 Aħna bla ma nintebħu nkunu qed nimponu aspettattivi fuq ħaddieħor—jew saħansitra fuqna nfusna—li mhumiex l-aspettattivi tal-Mulej. Aħna nafu nikkomunikaw b’mod sottili li l-valur ta’ ruħ jiddependi fuq ċerti kisbiet jew sejħiet, iżda dan mhuwiex il-kejl tad-denjità f’għajnejn il-Mulej. “Il-Mulej jara fil-qalb.”7 Hu jimpurtah mix-xewqat u mit-tamiet tagħna u minn dak li nistgħu nsiru.8
Sister Jodi King kitbet dwar l-esperjenza tagħha tal-imgħoddi:
“Jien qatt ma ħassejtni li posti mhuwiex fil-knisja sakemm jien u żewġi, Cameron, bdejna niffaċċjaw il-problema tal-infertilità. It-tfal u l-familji li normalment kienu jġibuli l-ferħ meta narahom fil-knisja issa bdew jikkawżawli ċerta diqa u niket.
“Ħassejtni vojta mingħajr tarbija f’dirgħajja jew b’xi basket bil-ħrieqi f’idi. …
“L-aktar Ħadd diffiċli kien l-ewwel darba li attendejna f’qasam ġdid. Peress li ma kellniex tfal, bdew jistaqsuna jekk konniex miżżewġin friski u meta konna qed nippjanaw li nibdew familja. Drajt mhux ħażin inwieġeb dawn il-mistoqsijiet mingħajr ma nħallihom jaffettwawni—kont naf li ma kellhomx intenzjoni li jweġġgħuni.
“Madankollu, f’dan il-Ħadd partikolari, kien diffiċli ħafna għalija li nwieġeb dawk il-mistoqsijiet. Konna għanda kif ġejna mgħarrfin, wara li kellna xaqq ta’ tama, li ma kontx—għal darb’oħra—tqila.
“Dħalt għal-laqgħa tas-sagrament bla tama f’qalbi, u kien diffiċli ħafna għalija li nwieġeb dawk il-mistoqsijiet tipiċi ‘biex insir nafek aħjar’. …
“Iżda l-akbar weġgħa li ħassejt f’qalbi kienet fl-Iskola tal-Ħadd. Il-lezzjoni—li kienet intenzjonata biex tkun dwar l-irwol divin tal-ommijiet—ma damitx ma bidlet il-vijja u saret sessjoni dwar kemm hu diffiċli li tkun omm. Ħassejt bħal xokk fija u d-dmugħ beda nieżel ma’ ħaddejja hekk kif smajt mara tilmenta dwar barka li kont lesta nagħti kollox għaliha.
“Ħriġt mill-knisja bħal sajjetta. Għall-ewwel, ma ridtx immur lura. Ma ridtx nerġa’ nesperjenza dak is-sentiment ta’ iżolament. Iżda dik il-lejla, wara li tkellimt ma’ żewġi, konna nafu li konna se nibqgħu nattendu l-knisja mhux biss għaliex il-Mulej talabna nagħmlu dan iżda wkoll għaliex it-tnejn konna nafu li l-hena li niksbu meta nġeddu l-patti u nħossu l-Ispirtu fil-knisja tiżboq in-niket li ħassejt dakinhar. …
“Fil-Knisja, hemm membri romol, divorzjati, u single; dawk li għanhom membri tal-familja li tbiegħdu mill-evanġelju; nies b’mard kroniku jew diffikultajiet finanzjarji; membri li jesperjenzaw attrazzjoni lejn l-istess sess; membri li qed jaħdmu biex jegħlbu l-vizzji jew id-dubji, membri ġodda; oħrajn li għadhom kemm ġew joqogħdu fl-inħawi; membri bla tfal; u l-lista ma tispiċċa qatt. …
“Is-Salvatur jistedinna biex niġu għandu—huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna. Aħna niġu l-knisja biex inġeddu l-patti tagħna, biex inkabbru l-fidi tagħna, biex insibu l-paċi, u biex nagħmlu dak li għamel hu b’perfezzjoni f’ħajtu—nimministraw lil dawk li jħossuhom li ma jappartjenux.”9
Pawlu spjega li l-Knisja u l-uffiċjali tagħha ġew mogħtija minn Alla biex “jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu:
“Sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; sakemm insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.”10
Hija ironija kiefra, mela, meta xi ħadd, li jħoss li hu jew hi ma jikkwalifikawx għall-ideal f’kull aspett tal-ħajja, jaslu għall-konklużjoni li huma ma jappartjenux f’dik il-vera organizzazzjoni mfassla minn Alla biex tgħinna nimxu lejn l-ideal.
Ejjew inħallu l-ġudizzju f’idejn il-Mulej u f’idejn dawk ikkummissjonati minnu u nkunu lesti li nħobbu u nittrattaw lil xulxin bl-aħjar mod li nistgħu. Ejjew nistaqsuh sabiex jurina t-triq, jum wara jum, biex “indaħħlu … il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop”11—jiġifieri, lil kulħadd—għall-festa l-kbira tal-Mulej.
It-tieni aspett tad-duttrina tal-appartenenza għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet tagħna. Minkejja li rari naħsbu dwar dan, parti kbira mill-appartenenza tagħna tiġi mis-servizz ta u s-sagrifiċċji li nagħmlu għal ħaddieħor u għall-Mulej. Attenzjoni eċċessiva fuq il-bżonnijiet personali tagħna jew fuq il-kumdità tagħna tista’ teqred dak is-sens ta’ appartenenza.
Aħna nagħmlu li nistgħu biex nimxu wara d-duttrina tas-Salvatur:
“Min irid ikun il-kbir fostkom, għandu jkun il-qaddej tagħkom. …
Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”12
L-appartenenza ma tasalx meta noqogħdu nittamaw għaliha iżda meta nippruvaw ngħinu lil xulxin.
Illum, sfortunatament, li nikkonsagraw lilna nfusna għal xi kawża jew li nissagrifikaw xi ħaġa għal xi ħadd ieħor qed issir xi ħaġa kontrokulturali F’artiklu għal Deseret Magazine is-sena l-oħra, l-awtur Rod Dreher irrakkonta konverżazzjoni li kellu ma’ omm f’Budapest:
“Ninsab fuq tram f’Budapest ma’ … ħabiba li għandha xi ħaġa fuq it-tletin—ejja ngħidu li jisimha Kristina—waqt li ninsabu sejrin biex nintervistaw mara Kristjana aktar anzjana li, flimkien ma’ żewġha li ħalliena, batiet il-persekuzzjoni mill-istat komunista. Mar-ritmu tal-iskossi matul it-triq, Kristina qed titkellem dwar kemm hu diffiċli tkun onesta mal-ħbieb tal-età tagħha dwar id-diffikultajiet li hi tiffaċċja bħala mara miżżewġa u omm bi tfal żgħar.
“Id-diffikultajiet ta’ Kristina huma mill-aktar komuni għal tfajla li għadha qed titgħallem kif tkun omm u mara miżżewġa—madankollu l-attitudni ewlenija fost nies tal-ġenerazzjoni tagħha hi li d-diffikultajiet tal-ħajja huma ta’ theddid għall-benesseri ta’ dak li jkun u għandna ninjorawhom. Hi u żewġha jargumentaw xi kultant? Mela, għandha titilqu, jgħidulha. U wliedha jirritawha? Mela għandna tibagħthom fiċ-ċentru ta’ matul il-jum.
“Kristina tinkwieta li sħabha ma jifhmux li l-isfidi, u anke t-tbatija, huma parti normali mill-ħajja—u forsi anke parti minn ħajja tajba, jekk dik it-tbatija tgħallimna kif nuru aktar sabar, ħlewwa u mħabba. …
“… Is-soċjologu tar-reliġjon mill-Università ta’ Notre Dame Christian Smith sab fl-istudju tiegħu ta’ adulti ta’ bejn 18 u 23 sena li ħafna minnhom jemmnu li s-soċjetà mhi xejn ħlief ‘ġabra ta’ individwi awtonimi lesti biex igawdu l-ħajja.’”13
Skont din il-filosofija, kull ħaġa li wieħed isib diffiċli “hija forma ta’ oppressjoni.”14
B’kuntrast għal dan, il-pijunieri ta’ qabilna rawmu sens profond ta’ appartenenza, għaqda, u tama fi Kristu permezz tas-sagrifiċċji li għamlu biex iservu missjonijiet, jibnu t-tempji, jabbandunaw djar komdi minħabba persekuzzjoni u jibdew mill-ġdid, u b’għadd kbir ta’ modi oħra huma kkonsagraw lilhom infushom u l-mezzi tagħhom għall-kawża ta’ Sijon. Kienu lesti jissagrifikaw saħansitra l-istess ħajjithom jekk ikun hemm bżonn. U aħna lkoll il-benefiċjarji tar-reżistenza tagħhom. Nistgħu ngħidu l-istess illum għal ħafna li jafu jitilfu l-familja u l-ħbieb, jirrifjutaw opportunijiet ta’ impjieg, jew inkella jbatu ċerta diskriminazzjoni jew intolleranza konsegwenza tal-magħmudija tagħhom. Il-premju tagħhom, madankollu, huwa sens qawwi ta’ appartenenza fost il-poplu tal-patt. Kull sagrifiċċju li nagħmlu għall-kawża tal-Mulej jgħin jikkonferma fejn ninsabu ma’ dak li ta ħajtu biex jifdi lill-kotra.
L-aħħar u l-aktar element importanti tad-duttrina tal-appartenenza huwa l-irwol ewlieni ta’ Ġesù Kristu. Aħna ma ningħaqdux mal-Knisja biss għall-fellowship, importanti kemm hi importanti. Ningħaqdu għall-fidwa permezz tal-imħabba u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu. Ningħaqdu biex niżguraw l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni għalina nfusna u għal dawk li nħobbu fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Ningħaqdu biex nieħdu sehem fi proġett kbir li nwaqqfu lil Sijon bi tħejjija għall-miġja mill-ġdid tal-Mulej.
Il-Knisja hija l-kustodju tal-patti tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni li Alla joffrilna permezz tal-ordinanzi tas-saċerdozju mqaddes.15 Huwa billi nħarsu dawn il-patti li nistgħu niksbu l-ogħla u l-akbar sens ta’ appartenenza. Il-President Russell M. Nelson m’ilux kiteb:
“La darba intom u jien għamilna patt ma’ Alla, ir-relazzjoni tagħna miegħu ssir ħafna eqreb milli kienet qabel il-patt tagħna. Issa aħna marbutin flimkien. Minħabba l-patt tagħna ma’ Alla, Huwa qatt mhu se jegħja fl-isforzi tiegħu biex jgħinna, u aħna qatt m’aħna se naħlu s-sabar mimli ħniena tiegħu għalina. Kollha kemm aħna għandna post speċjali fil-qalb ta’ Alla. …
“… Ġesù Kristu huwa l-garanti ta’ dawk il-patti (ara Lhud 7:22; 8:6).”16
Jekk aħna niftakru dan, it-tamiet kbar li għandu l-Mulej għalina jaslu biex jispirawna mhux jiskuraġġuna.
Nistgħu nħossu l-ferħ hekk kif infittxu, individwalment u bħala komunità, “il-milja ta’ Kristu.”17 Minkejja d-diżappunt u l-ostakli tul it-triq, hija tiftixa mill-aktar kbira. Aħna ngħinu u nħeġġu lil xulxin hekk kfi infittxu t-triq ’il fuq, fejn nafu li minkejja l-għawġ u minkejja d-dewmien fil-wegħdiet imbierka, nistgħu “nagħmlu l-qalb għax Kristu rebaħ lid-dinja,”18 u aħna ninsabu miegħu. Li nkunu ħaġa waħda mal-Missier, mal-Iben, u mal-Ispirtu s-Santu hija mingħajr dubju l-ogħla tip ta’ appartenenza.19
B’hekk, id-duttrina tal-appartenenza nistgħu niddeskrivuha b’dan il-mod—fejn kull wieħed u waħda minna jafferma: Ġesù Kristu miet għalija; Hu rani denju ta’ demmu. Hu jħobbni u jista’ jagħmel id-differenza kollha f’ħajti. Hekk kif jien nindem, il-grazzja tiegħu tittrasformani. Jiena ħaġa waħda miegħu fil-patti tal-evanġelju; jiena nappartjeni għall-Knisja u s-saltna tiegħu; u jiena nappartjeni għall-kawża tiegħu li jġib il-fidwa lill-ulied kollha ta’ Alla.
Jiena nixhed li intom tappartjenu, f’isem Ġesù Kristu, ammen.