Konferenza Ġenerali
Inxandru l-Evanġelju tal-Paċi
konferenza ġenerali April 2022


Inxandru l-Evanġelju tal-Paċi

Aħna għandna r-responsabbiltà sagra li naqsmu l-qawwa u l-paċi ta’ Ġesù Kristu ma’ dawk kollha li lesti jisimgħu.

Għeżież ħuti, merħba għall-konferenza ġenerali! Ili ħafna nistenna dan il-jum b’antiċipazzjoni kbira. Jien għalikom kull jum. Tlabt ukoll li din il-konferenza tkun żmien ta’ tiġdid spiritwali għal kull wieħed u waħda minnkom.

Mill-aħħar konferenza, id-diffikultajiet fid-dinja għadhom għaddejjin. Il-pandemija globali għadha taffettwa ħajjitna. U issa d-dinja ntlaqtet minn kunflitt li qed ipoġġi f’terrur miljuni ta’ rġiel, nisa, u tfal innoċenti.

Il-profeti pprevedew iż-żmien li qed ngħixu fih fejn se nesperjenzaw gwerer u xnigħat ta’ gwerer, u meta d-dinja kollha se tkun f’konfużjoni.1 Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna nisħqu mal-mexxejja tal-ġnus biex isibu reżoluzzjonijiet paċifiċi għad-differenzi tagħhom. Insejħu lin-nies ma’ kullimkien biex jitolbu għal dawk fil-bżonn, biex jagħmlu li jistgħu biex jgħinu lill-imnikktin, u jfittxu l-għajnuna tal-Mulej ħalli jtemmu kwalunkwe kunflitt ewlieni.

Ħuti, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu qatt ma kien bżonnjuż aktar mil-lum. Il-ġlied imur kontra kull ħaġa li ppromwova u għallem is-Salvatur. Jien inħobb lill-Mulej Ġesù Kristu u nixhed li l-evanġelju tiegħu hu l-uniku soluzzjoni dejjiema għall-paċi. L-evanġelju tiegħu hu evanġelju ta’ paċi.2

L-evanġelju tiegħu huwa l-uniku soluzzjoni meta bosta fid-dinja jinsabu maħkumin mill-biża’.3 Dan jenfasizza l-bżonn urġenti li nimxu wara t-tagħlim tal-Mulej lid-dixxipli tiegħu meta qal: “Morru … fid-dinja kollha, u xandru l-evanġelju kull kreatura.”4 Aħna għandna r-responsabbiltà sagra li naqsmu l-qawwa u l-paċi ta’ Ġesù Kristu ma’ dawk kollha li lesti jisimgħu u jħallu lil Alla jiddomina f’ħajjithom.

Kull persuna li għamlet patti ma’ Alla għamlet wegħda li tieħdu ħsieb ħaddieħor u sservi lil dawk fil-bżonn. Aħna nistgħu nuru l-fidi f’Alla u dejjem nkunu lesti biex inwieġbu lil dawk li jistaqsu dwar “it-tama li tinsab fina.”5 Ilkoll kemm aħna għandna rwol xi nwettqu fil-ġabra ta’ Iżrael.

Illum nirriafferma b’qawwa li l-Mulej talab lil kull żagħżugħ denn u kapaċi biex jitħejja u jmur iservi missjoni. Għall-ġuvintur Qaddisin tal-Aħħar Żmien, is-servizz missjunarju huwa responsabbiltà tas-saċerdozju. Intom il-ġuvintur ġejtu riservati għal dan iż-żmien meta qed isseħħ il-ġabra mwiegħda ta’ Iżrael. Hekk kif intom isservu missjoni, intom twettqu rwol mill-aktar importanti f’dan l-avveniment bla preċedent!

Għalikom l-aħwa nisa żgħażagħ u kapaċi, missjoni hija wkoll opportunità qawwija, iżda mhux obbligatorja. Aħna nħobbu lill-missjunarji nisa u nilqgħuhom b’qalbna kollha. Dak li tikkontribwixxu għal din il-ħidma hija ħaġa meraviljuża! Itolbu biex tkunu tafu jekk il-Mulej iridkomx isservu missjoni, u l-Ispirtu s-Santu jweġibkom f’qalbkom u f’moħħkom.

Għeżież ħbieb tiegħi, intom ilkoll mill-aktar importanti għall-Mulej. Huwa żammkom riservati s’issa biex tgħinuh fil-ġabra ta’ Iżrael. Id-deċiżjoni tagħkom li sservu missjoni, kemm jekk missjoni li xxandru l-kelma jew ta’ servizz, tkun ta’ barka għalikom u għal bosta oħrajn. Nilqgħu wkoll lill-koppji anzjani li jservu meta ċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettu. L-isforzi tagħhom huma sempliċiment insostitwibbli.

Kull missjunarju jgħallem u jixhed dwar is-Salvatur. Id-dalma spiritwali fid-dinja twassal biex id-dawl ta’ Ġesù Kristu jkun meħtieġ aktar minn qatt qabel. Kulħadd jistħoqqlu ċ-ċans li jsir jaf dwar l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Kull persuna jistħoqqilha li tkun taf fejn tista’ ssib it-tama u l-paċi li tgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem.”6

Jalla din il-konferenza tkun għalikom żmien ta’ paċi u manteniment spiritwali. Jalla intom tfittxu u tirċievu r-rivelazzjoni personali waqt dawn is-sessjonijiet, hija t-talba tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.