Konferenza Ġenerali
It-Trijonf tat-Tama
konferenza ġenerali Ottubru 2024


13:32

It-Trijonf tat-Tama

It-tama hija don ħaj, don li tikber hekk kif nkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti madwar id-dinja, hekk kif nibdew dan iż-żmien mill-aktar speċjali tal-”konferenza ġenerali,” għajnejn is-smewwiet ċertament se jkunu ffokati fuqna. Aħna se nisimgħu leħen il-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu; se nħossu l-influwenza “li tiggwidana, tidderiġina, [u] tfarraġna” tal-Ispirtu s-Santu, u l-fidi tagħna se tissaħħaħ.

Tliet snin ilu, il-President Russell M. Nelson beda l-konferenza ġenerali b’dan il-kliem: “Ir-rivelazzjoni safja għall-mistoqsijiet li hemm f’qalbkom tagħmel din il-konferenza waħda ta’ sodisfazzjon u indimentikabbli. Jekk għadkom ma fittixtux l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex tgħinkom tisimgħu dak li jridkom tisimgħu l-Mulej f’dawn il-jumejn, nistedinkom tagħmu dan issa. Jekk jogħġobkom araw li f’din il-konferenza intom tiffesteġġjaw permezz tal-messaġġi li se tisimgħu mingħand il-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu.”

L-iskrittura torbot tliet kelmiet mill-aktar qawwija flimkien: l-fidi, it-tama, il-karità. Id-don tat-tama huwa dota imprezzabbli mingħand Alla.

Il-kelma tama tintuża għal ħafna affarjiet li rriduhom iseħħu. Per eżempju, “nittama li ma tagħmilx xita” jew “nittama li t-tìm tagħna jirbaħ.” L-intenzjoni tiegħi hi li nitkellem dwar kull tama sagra u eterna tagħna li tiċċentra fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat, u ”l-aspettattivi kunfidenti tagħna … tal-barkiet imwiegħda tas-sewwa.”

It-Tama Tagħna għall-Ħajja ta’ Dejjem

It-tama tagħna tal-ħajja ta’ dejjem hija assigurata permezz tal-grazzja ta’ Kristu u l-għażliet tagħna stess, li jippermettulna l-barka meraviljuża li nerġgħu lura lejn darna fis-smewwiet u ngħixu għal dejjem fil-paċi u l-kuntentizza ma’ Missierna fis-Smewwiet, ma’ Ibnu l-Maħbub, u mal-familja fidila u l-ħbieb prezzjużi tagħna, u l-irġiel u n-nisa ġusti tad-dinja minn kull kontinent u kull seklu.

Fid-dinja nesperjenzaw il-ferħ u n-niket hekk kif aħna niġu ttestjati u ppruvati. Ir-rebħa tagħna niksbuha permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu hekk kif nittrijonfaw fuq dnubietna, fuq id-diffikultajiet, u t-tentazzjonijiet, u l-inġustizzja, u l-isfidi ta’ din il-ħajja mortali.

Hekk kif insaħħu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, aħna nkunu nistgħu naraw lil hinn minn kull taqbid tagħna l-barkiet u l-wegħdiet tal-eternità. Bħal dawl li jiddi aktar qawwi, it-tama ddawwal id-dinja mudlama, u aħna naraw il-ġejjieni glorjuż tagħna.

It-Tama Ġejja mingħand Alla.

Mill-bidu nett, Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Maħbub bierku bil-ħerqa lill-ġusti bid-don prezzjuż tat-tama.

Wara t-tluq mill-ġnien, Adam u Eva ġew mgħallmin minn anġlu dwar il-wegħda taʼ Ġesù Kristu. Id-don tat-tama dawwal ħajjithom. Adam iddikjara, “Għajnejja nfetħu, u f’din il-ħajja se nikseb l-hena.” Eva tkellmet dwar “l-hena tal-fidwa [tagħhom], u l-ħajja ta’ dejjem li Alla jagħti lil kulmin hu ubbidjenti.”

L-istess kif l-Ispirtu s-Santu ġab it-tama lil Adam, il-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej illum iddawwal lill-fidili, u tillumina r-realtà tal-ħajja ta’ dejjem.

Is-Salvatur jibgħatilna l-Farrâġ, l-Ispirtu s-Santu, bħala sieħeb li jġibilna l-fidi, it-tama, u s-sliem “mhux kif tagħtih id-dinja.”

“Fid-dinja,” is-Salvatur qal, “tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb [b’tama ta’ dija]: jiena rbaħt id-dinja.”

Fi żminijiet ta’ diffikultà, aħna nagħżlu li nafdaw fil-Mulej bil-fidi. Aħna nitolbu fil-kwiet, “Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” Aħna nħossu l-approvazzjoni tal-Mulej għar-rieda ħelwa tagħna, u nistennew il-paċi mwiegħda li l-Mulej se jibgħat fl-orarju tiegħu.

L-Appostlu Pawlu għallem, “Alla tat-tama jimliekom … bil-ferħ u s-sliem … , sabiex it-tama tagħkom toktor” “tifirħu bit-tama; stabru fl-hemm;” “permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”

Lezzjoni ta’ Tama

Il-Profeta Moroni kien jaf sew dwar it-tama fi Kristu matul it-tbatija. Huwa spjega s-sitwazzjoni orribli tiegħu:

“Ninsab waħdi. … La għandi … fejn immur.”

“Ma ħallejthomx isiru jafu bija li ma jmorrux joqtluni.”

Notevolment, f’din is-siegħa mudlama u solitarja, Moroni kiteb rakkont tal-kliem ta’ tama ta’ missieru.

“Biex bniedem ikollu l-fidi hu meħtieġ li jkollu t-tama; għax mingħajr fidi ma jista’ jkun hemm l-ebda tama.”

“Għalxiex għandkom tittamaw? … Intom għandkom ikollkom it‑tama, permezz tal‑espjazzjoni ta’ Kristu u l‑qawwa tal‑qawmien tiegħu, li intom tiġu mqajmin għall‑ħajja ta’ dejjem.”

Ħuti, it-tama hija don ħaj, don li jikber hekk kif nkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu. “Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw.” Aħna nibnu dan il-pedament—il-blokok tal-evidenza tal-fidi tagħna—permezz tat-talb, tal-patti tat-tempju, billi nħarsu l-kmandamenti, billi nmantnu lilna nfusna kontinwament permezz tal-iskrittura u kliem il-profeti ta’ żmienna, billi nieħdu s-sagrament, naqdu lil ħaddieħor, u permezz tal-qima ta’ kull ġimgħa mal-Qaddisin sħabna.

Dar ta’ Tama

Biex insaħħu t-tama tagħna fi żmien ta’ ħażen li qed jiżdied, il-Mulej idderieġa lill-profeta tiegħu biex jiksi d-dinja bit-tempji tiegħu.

Hekk kif nidħlu fid-dar tal-Mulej, aħna nħossu l-Ispirtu ta’ Alla, jivverifika t-tama tagħna.

It-tempju jixhed dwar il-qabar vojt u li l-ħajja lil hinn mill-velu tkompli għal kulħadd.

Għal dawk fostkom li m’għandhomx sieħba jew sieħeb eterni, l-ordinanzi jikkonfermaw bil-qawwa li kull persuna ġusta se tirċievi kull barka mwiegħda.

Hemm tama sublimi hekk kif koppja żagħżugħa jħejju ruħhom sabiex jinżlu għarkupptejhom quddiem l-artal biex jiġu ssiġillati mhux biss għal żmien dil-ħajja iżda għal dejjem.

Hemm tama mmensa għalina fil-wegħdiet li saru lin-nisel tagħna, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħhom bħalissa.

M’hemm l-ebda uġigħ, l-ebda mard, l-ebda inġustizzja, l-ebda tbatija, xejn li jista’ jdallam it-tama tagħna hekk kif aħna nemmnu u nżommu sod mal-patti tagħna ma’ Alla fid-dar tal-Mulej. Hija dar tad-dawl, dar tat-tama.

Meta t-Tama Tgħib.

Aħna nxerrdu dmugħ ta’ niket hekk kif naraw id-dwejjaq u d-disperazzjoni f’dawk li m’għandhom l-ebda tama fi Kristu.

M’ilux jiena osservajt mill-bogħod koppja li xi darba kellhom fidi fi Kristu iżda mbagħad iddeċidew li jwarrbu t-twemmin tagħhom. Fl-affarijiet ta’ din il-ħajja kisbu s-suċċess, sabu pjaċir fl-intellett u fiċ-ċaħda tal-fidi tagħhom.

Kollox deher tajjeb sakemm ir-raġel li kien għadu żgħir u mimli enerġija, f’daqqa waħda marad u miet. Bħal eklissi tax-xemx, kienu mblukkaw id-dawl tal- Iben, u r-riżultat kien eklissi ta’ tama. Il-mara, fin-nuqqas ta’ twemmin tagħha, issa ħassitha diżorjentata, u bi tbatija ħassitha mhux ippreparata, fejn ma setgħetx tfarraġ lil uliedha. L-intellett tagħha kien qalilha li ħajjitha kienet f’ordni perfetta sakemm f’daqqa waħda ma setgħet tara l-ebda għada. Id-disprament tagħha ġabilha dlam u konfużjoni.

It-Tama fi Traġedja ta’ Qtugħ il-Qalb

Ippermettuli nuri l-kuntrast li hemm bejn id-disperazzjoni kollha wġigħ tagħha mat-tama fi Kristu ta’ familja oħra fi żmien ta’ qsim il-qalb.

Wieħed u għoxrin sena ilu t-tarbija tan-neputi tiegħi, Ben Andersen, u martu, Robbie, ġiet imtella’ f’ħelikopter ambulanza mill-post tal-komunità tal-biedja tagħhom f’Idaho għall-Belt ta’ Salt Lake. Meta jien wasalt l-isptar Ben kien spjegali l-kumplikazzjonijiet serji relatati ma’ qalb it-tarbija tagħhom li setgħu jwasslu għall-mewt. Aħna poġġejna jdejna fuq ir-ras ċkejkna tat-tarbija, Trey. l-Mulej bierku b’aktar ħajja.

Trey kellu operazzjoni tal-qalb fl-ewwel ġimgħa ta’ ħajtu, kif ukoll il-bosta operazzjonijiet li segwew aktar ‘il quddiem. Hekk kif għaddew is-snin, deher ċar li Trey kien se jkollu bżonn trapjant tal-qalb. Minkejja li l-attivitajiet fiżiċi tiegħu kienu limitati, il-fidi tiegħu kibret. Huwa kiteb, “Qatt ma ħassejtni ddispjaċut għalija nnifsi għax dejjem kont naf l-importanza li jkolli l-fidi f’Ġesù Kristu u testimonjanza tal-pjan tas-salvazzjoni.”

Trey Andersen

Fuq il-mowbajl tiegħu, Trey żamm din il-kwotazzjoni mill-President Nelson: “L-hena li nħossu ma tiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda tiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.”

Trey Andersen

Trey kiteb: “Jien minn dejjem kont ħerqan li nservi missjoni full-time, iżda … it-tobba tiegħi ma kenux se jħalluni nservi missjoni qabel mill-inqas sena minn wara t-trapjant tiegħi. … Poġġejt il-fidi tiegħi f’Ġesù Kristu.”

Trey kien verament ferħan li ġie aċċettat fil-major tal-ekkawnting ġewwa BYU li beda dan is-semestru, iżda kien saħansitra aktar ferħan fl-aħħar ta Lulju meta rċieva t-telefonata li kien ilu jistenna ħafna biex jiġi l-isptar għat-trapjant tal-qalb tiegħu.

“Sena biss,” qal Trey, “u nkun qiegħed fuq il-missjoni tiegħi.”

Kien hemm ħwejjeġ kbar mistennija hekk kif daħal fit-teatru. Madankollu, waqt l-operazzjoni kien hemm kumplikazzjonijiet devastanti, u Trey qatt ma reġa’ ġie f’sensih.

Ommu, Robbie, qalet: “Il-Ġimgħa kien l-aktar jum ta’ qsim il-qalb … moħħna lanqas beda jiffunzjona. … Bqajt imqajma tard bil-lejl biex nipprova nipproċessa kollox. … Iżda s-Sibt, qomt b’sensazzjoni ta’ ferħ immens. Ma kinitx biss paċi li ħassejt; u lanqas ma kont qed niċħad ir-realtà. Ħassejt ferħ għal ibni, kif ukoll ħassejt ferħ bħala ommu. … Ben kien qam ħafna aktar kmieni minni, u meta fl-aħħar kellna ċ-ċans nitkellmu, Ben qalli li hu kien qam bl-istess sentiment.”

Robbie u Ben Andersen

Ben spjega: “Iċ-ċarezza ġiet f’ruħi hekk kif Alla għallimni permezz tal-Ispirtu s-Santu tiegħu. Jiena qomt fl-4 ta’ filgħodu u kont mimli paċi u hena inspejgabbli. Dan kif inhu possibbli? … Il-mewt ta’ Trey hija mill-aktar diffiċli, u nimmissjah ħafna. Iżda l-Mulej mhux se jħallina ltiema. … Inħares ’il quddiem għar-riunjoni ferrieħa.”

Il-Wegħda tat-Tama

Fid-djarju tiegħu, Trey kien kiteb dan il-kliem mid-diskors fil-konferenza ġenerali tal-President Nelson: “Ma tidhirx ħaġa possibbli li tħoss l-hena meta wliedkom ikunu qed ibatu minn marda inkurabbli jew meta titilfu ix-xogħol tagħkom jew meta l-konjuġi tagħkom jittradukom. Madankollu dan huwa preċiżament il-ferħ li joffrilna s-Salvatur. L-hena tiegħu hija kostanti, tiżgurana li t-tbatija tagħna se tkun biss għal żmien qasir [Doctrine and Covenants 121:7] u se tkun ikkonsagrata għall-gwadann tagħna.”

Ħuti, Il-paċi li tfittxu taf ma tiksbuhiex malajr kemm tixtiequ, iżda nwegħedkom li jekk tagħmlu l-parti tagħkom, tiksbuha żgur.

Jalla aħna nikkultivaw il-fidi prezzjuża tagħna, waqt li nimxu ‘l quddiem b’tama ta’ dija perfetta. Jiena nixhed li t-tama tagħna huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Permezz tiegħu kull ħolma xierqa tagħna se tiġi fis-seħħ. Huwa Alla tat-tama—it-trijonf tat-tama. Huwa jgħix u jħobbkom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96.

  2. Russell M. Nelson, “Verità Safja, Duttrina Safja, u Rivelazzjoni Safja,” Liahona, Nov. 2021, 6–7.

  3. “Innotajtu fl-iskrittura li t-tama rari tinstab waħedha? It-tama ħafna drabi hija marbuta mal-fidi. It-tama u l-fidi huma b’mod komuni marbutin mal-karità. Għalfejn? Peress li t-tama hija essenzjali għal-fidi; il-fidi u it-tama huma essenzjali għall-karità (ara 1 Korintin 13:13, Alma 7:24, Għeter 12:28, Doctrine and Covenants 4:5). Jissapportjaw lil xulxin bħal siġġu bi tliet saqajn. It-tlieta li huma għandhom x’jaqsmu mal-Feddej.

    “Il-fidi [hi msejsa fuq] Ġesù Kristu. It-tama tiffoka fuq l-espjazzjoni tiegħu. Il-karità tidher ‘fl-imħabba safja ta’ Kristu’ (ara Moroni 7:47). Dawn it-tliet kwalitajiet huma marbutin ma’ xulxin bħal l-ħajt ta’ wajer tal-elettriku u mhux dejjem jistgħu jiġu distinti b’mod preċiż. Flimkien, huma jsiru r-rabta tagħna mas-saltna ċelestjali” (Russell M. Nelson, “A More Excellent Hope” [Brigham Young University devotional, 8 ta‘ Jan. 1995], 3, speeches.byu.edu).

  4. Gospel Topics, “Hope,” Librerija tal-Evanġelju.

  5. “Għalhekk, kull min jemmen f’Alla jista’ jittama b’ċertezza għal dinja aħjar, … sewwasew post fuq il-lemin ta’ Alla, liema tama tasal permezz tal-fidi, li tkun ankra għal ruħ il-bnedmin, li twassalhom biex ikunu determinati u qalbiena” (Għeter 12:4).

  6. Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf qal: Ippermettuli nenfasizza li d-dipressjoni u sfidi diffiċli oħra mentali u emozzjonali huma xi ħaġa reali, u t-tweġiba mhijiex sempliċiment, ‘Ipprova kun ferħan.’ L-għan tiegħi llum mhuwiex biex innaqqas jew nitrivjalizza l-isfidi tas-saħħa mentali. Jekk intom qed tħabbtu wiċċkom ma’ dawn l-isfidi, jiena nitnikket magħkom u nieqaf magħkom. Għal xi nies, li jsibu l-hena jaf ifisser li jfittxu l-għajnuna minn professjonisti mħarrġa fis-saħħa mentali li jiddedikaw ħajjithom biex jipprattikaw ix-xogħol mill-aktar importanti tagħhom. Jeħtieġ inkunu grati għal għajnuna bħal dan” (“Hena Aktar Ogħla,” Liahona, Mejju 2024, 66).

  7. Missierna tas-Smewwiet iddikjara li l-ħidma u l-glorja tiegħu hi li jġib fis-seħħ il-ħajja ta’ dejjem tagħna (ara Moses 1:39).

  8. Ara Moses 5.

  9. Moses 5:10.

  10. Moses 5:11.

  11. Ara Moses 5:9.

  12. Ġwanni 14:27.

  13. Ġwanni 16:33.

  14. Ara Luqa 22:42.

  15. Rumani 15:13.

  16. Rumani 12:12.

  17. Rumani 15:13.

  18. Mormon 8:5.

  19. Moroni 1:1.

  20. Moroni 7:42.

  21. Moroni 7:41.

  22. Lhud 11:1. Fit-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith naqraw, “Il-fidi hija l-assigurazzjoni tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw għalihom, l-evidenza tal-ħwejjeġ li ma narawx.” (fl-appendiċi tal-Bibbja). Naraw l-assigurazzjoni tal-fidi tagħna fil-barkiet li jaslu għal dawk li jħarsu l-patti li għamlu mal-Mulej.

  23. Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82.

  24. Id-diskors mogħti minn Robbie Andersen waqt il-funeral tat-tifel tagħha, Trey Andersen, fit-12 ta’ Awwissu, 2024. Trey kellu l-operazzjoni tiegħu fil-31 ta’ Lulju, 2024. Huwa miet fit-3 ta’ Awwissu, 2024.

  25. Id-diskors mogħti minn Ben Andersen waqt il-funeral tat-tifel tiegħu, Trey Andersen, fit-12 ta’ Awwissu, 2024.

  26. Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” 82.

  27. Ara 2 Nefi 31:20. It-tama li jitkellem dwarha Nefi hija perfett u tiddi għax hi ċċentrata fi Kristu. Huwa perfett, u l-Espjazzjoni tiegħu, li toffri din it-tama ta’ dija, hija perfetta wkoll.