Konferenza Ġenerali
Idu Tinsab Lesta Biex Tgħinna
konferenza ġenerali Ottubru 2024


10:13

Idu Tinsab Lesta Biex Tgħinna

Hekk kif nersqu lejn Ġesù Kristu bil-fidi, Hu dejjem ikun jinsab hemm.

Meta kont għadni tifel, bħala familja konna morna vaganza f’bajja mal-kosta ta’ art twelidi, iċ-Ċili. Kont ħerqan biex nqatta’ ftit jiem ingawdi s-sajf mal-familja tiegħi. Ħassejtni mill-aktar eċċitat li issa stajt ningħaqad ma’ ħuti u nagħmel dak li iż-żewg ħuti akbar minni normalment jagħmlu fuq l-ilma.

Jum fost l-oħrajn, ħuti marru jilagħbu fejn il-mewġ beda jħabbat, u ħassejtni kbir u matur biżżejjed biex immur warajhom. Hekk kif bdejt nersaq viċin tagħhom, indunajt li l-mewġ kien ferm akbar milli deher minn max-xatt. F’daqqa waħda ġiet fuqi mewġa għallgħarrieda. U ħassejt li jiena ġejt melgħub mil-qawwa tan-natura li ħatfu l-kontroll fuqi, u ġejt imkaxkar f’qiegħ il-baħar. Ma stajtx nara jew nagħmel sens ta’ xejn hekk kif kont qed niġi mitfugħ taħt il-mewġ tal-baħar. Hekk kif ħsibt li ħajti f’din id-dinja setgħet waslet fi tmiemha, ħassejt id tiġbidni lejn il-wiċċ. Fl-aħħar, stajt nara x-xemx u nieħu n-nifs.

Meta ħija Claudio nnota bl-isforzi tiegħi biex inġib ruħi ta’ adult, ġie għall-għajnuna tiegħi. Ma kontx ’il bogħod mix-xatt. Għalkemm l-ilma kien baxx u x-xatt kien viċin, kont wisq diżorjentat biex ninduna li stajt ngħin lili nnifsi. Claudio qalli li kelli noqgħod attent u jekk irrid, jista’ jgħallimni ngħum. Minkejja li blajt ħafna ilma, il-kburija u x-xewqa tiegħi li nuri li jien raġel kienu aktar b’saħħithom, u ħassejt li hekk ħa nagħmel.

Claudio qalli li għandi bżonn ngħum kontra l-mewġ. Għidt lili nnifsi li hija battalja mitlufa żgur kontra dak li deher bħal ħajt enormi ta’ ilma.

Hekk kif bdiet riesqa mewġa oħra lejja, Claudio qalli fil-pront, “Ħares lejja; li għandek tagħmel hu dan.” Claudio ġera lejn il-mewġa dieħla u qabeż għal rasu ġo fiha qabel ma laħqet ix-xatt. Tant kont impressjonat bl-għadsa tiegħu li lanqas biss rnexxieli ninduna bil-mewġa li jmiss. Għal darb’oħra, spiċċajt f’qieħ il-baħar mitfugħ f’qieħ il-baħar, nitqalleb ’lhawn u ’l hemm fil-baħar mill-forzi tan-natura. Wara ftit sekondi taħt l-ilma, id oħra ħatfitni minn idi, u erġajt ġejt miġbud lura ’l fuq lejn wiċċ l-ilma fejn stajt nieħu n-nifs. Il-fjamma ta’ kburiti tiegħi spiċċat infiet.

Din id-darba, ħija stedinni biex nogħdos miegħu. Bi tweġiba għall-istedina tiegħu, imxejt warajh, u għodosna flimkien. Ħassejtni bħallikieku qed negħleb l-aktar sfida kkumplikata. Bla dubju, ma kienet faċli xejn, imma rnexxieli, grazzi għall-għajnuna u l-eżempju li wera miegħi ħija. Jiena ġejt meħlus darbtejn permezz ta’ jdejh; l-eżempju tiegħu wrieni kif għandi niffaċċja u negħleb l-isfida tiegħi dakinhar.

Il-President Russell M. Nelson stedinna biex naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali, u nixtieq nieħu l-parir tiegħu u napplikah fl-istorja tas-sajf tiegħi.

Il-Qawwa tas-Salvatur fuq l-Avversarju

Jekk aħna naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali, nifhmu li fil-vjaġġ ta’ ħajjitna se niffaċċjaw ċerti sfidi li jidhru akbar mill-kapaċità tagħna li negħlbuhom. Tul il-ħajja mortali tagħna, aħna suġġett għall-attakki tal-avversarju. Bħall-mewġ li ħatafni f’dak il-jum sajfi, nistgħu nħossuna bla qawwa u rridu nċedu għal destin aktar b’saħħtu. Dak “il-mewġ malizzjuż” kellu l-qawwa li jixħetna minn naħa għall-oħra. Iżda tinsewx minn għandu s-setgħa fuq dak il-mewġ, u fil-fatt, fuq kull ħaġa oħra. Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu għandu l-qawwa biex jeħlisna minn kull kundizzjoni miżerabbli jew sitwazzjoni mill-aktar diffiċli. Irrispettivament jekk inħossuna qrib tiegħu jew le, Hu xorta waħda jista’ jilħaqna, aħna fejn aħna, aħna kif aħna.

Hekk kif nilħquh bil-fidi, Hu dejjem ikun jinsab hemm, u skont l-orarju tiegħu, Hu se jkun dejjem lest biex jaqbadna minn idejna u jiġbidna ’l fuq għal post sigur.

Is-Salvatur u l-Eżempju tal-Ministeru Tiegħu

Jekk aħna naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali, nagħrfu lil Ġesù Kristu bħala eżempju perfett fil-ministeru. Hemm mudell għalina fl-Iskrittura meta Hu jew id-dixxipli tiegħu jilħqu lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, is-salvataġġ, jew barka hekk kif jestendu idejhom. Fl-istorja tiegħi, jien kont naf li ħija kien hemm, iżda li kien hemm sempliċement ma kienx biżżejjed. Claudio kien jaf li kont fl-inkwiet, u ġie biex joħroġni mill-ilma.

Xi kultant aħna naħsbu li rridu nkunu hemm biss għal xi ħadd fil-bżonn, iżda l-verità hija li ħafna drabi ikun hemm aktar li nistgħu nagħmlu. Li jkollna perspettiva eterna tista’ tgħinna nirċievu r-rivelazzjoni biex noffru l-għajnuna tagħna lil oħrajn fil-mument tal-bżonn. Aħna nistgħu nafdaw fil-gwida u l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu biex inkunu kapaċi nagħrfu x’tip ta’ għajnuna hija meħtieġa, kemm jekk ikun is-sapport temporali bħal faraġ emozzjonali, ikel, għajnuna fil-ħidma ta’ kuljum, jew il-gwida spiritwali biex ngħinu lil ħaddieħor fil-vjaġġ tagħhom biex jippreparaw, jagħmlu, u jonoraw patti sagri.

Is-Salvatur Lest li Jsalvana

Meta Pietru, l-Appostlu anzjan, “qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù … baża’, ħabat jegħreq,” imbagħad “beda jgħajjat u jgħid: Salvani, Mulej.” Ġesù kien jaf il-fidi li eżerċita Pietru biex mar għandu fuq l-ilma. Kien ukoll konxju mill-biża’ ta’ Pietru. Skont ir-rakkont, Ġesù “Malajr Ġesù medd idu u qabdu,”filwaqt li qallu l-kliem li ġej: “Bniedem ta’ fidi żgħira, qallu, għaliex iddubitajt?” Kliemu ma kienx biex iċanfar lil Pietru iżda biex ifakkru li Hu, il-Messija, kien miegħu u mad-dixxipli l-oħra.

Jekk aħna naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali, nirċievu l-konferma f’qalbna li Ġesù Kristu huwa fil-fatt is-Salvatur tagħna, l-Avukat tagħna mal-Missier, u l-Feddej tagħna. Hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi fih, Hu jsalvana mill-istat mitluf tagħna, lil hinn mill-isfidi, mid-dgħufija, u mill-bżonnijiet tagħna f’din il-ħajja temporali, u jagħtina l-akbar fost ir-rigali kollha, li hija l-ħajja eterna.

Is-Salvatur Ma Jaqtax Qalbu Minna

Dakinhar, ħija ma kienx qata’ qalbu fuqi, iżda baqaʼ jippersisti biex jien nitgħallem kif nagħmel l-istess. Hu kompla jippersisti għal darba, minkejja li kien hemm bżonn li jeħlisni darbtejn. Hu kompla jippersisti, anke meta ma fhimtx mill-ewwel. Hu kompla jippersisti, ħalli nkun nista’ negħleb dik l-isfida b’suċċess. Jekk aħna naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali, aħna nirrealizzaw li s-Salvatur tagħna jkun preżenti kull darba li nkunu neħtiġuh biex jipprovdilna l-għajnuna jekk irridu nitgħallmu, ninbidlu, negħlbu l-isfidi, inkampaw, u nirnexxu f’dak kollu li jġibilna l-ferħ dejjiem f’ħajjitna.

Idejn is-Salvatur

L-iskrittura iżżomm ħaj is-simbolu u sinifikat ta’ idejn is-Salvatur. Fis-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, idejh ġew imtaqqbin bl-imsiemer biex jiġi msallab mas-salib. Wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, Huwa deher lid-dixxipli tiegħu f’ġisem perfett, iżda f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer tibqa’ bħala tifkira tas-sagrifiċċju infinit tiegħu. Idu dejjem tkun hemm lesta għalina, anke jekk aħna għal l-ewwel ma nsitgħux narawha jew inħossuha, għax Hu ġie magħżul minn Missierna fis-Smewwiet, il-Feddej tal-bnedmin kollha.

id merfugħa tas-Salvatur

Within Our Grasp, minn Jay Bryant Ward

id ta’ salvataġġ tas-Salvatur

Id Alla, ta’ Yongsung Kim

Jekk jiena nara li ħsibijiet tiegħi jkunu ċelestjali, inkun naf li f’din il-ħajja aħna m’aħniex weħidna. Filwaqt li jeħtieġ niffaċċjaw ċerti sfidi u provi, Missierna fis-Smewwiet jaf x’inhuma l-kapaċitajiet tagħna u jaf li aħna nistgħu negħlbu u nikkumbattu d-diffikultajiet tagħna. Jeħtieġ li nagħmlu l-parti tagħna u nduru lejh bil-fidi. Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu, huwa dak li jsalvana u dejjem sa jkun hemm għalina. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.

Noti

  1. Ara Russell M. Nelson, “Aħseb Ċelestjali!,” Liahona, Nov. 2023, 118:

    “Meta intom tagħmlu l-għażliet tagħkom, nistedinkom biex tħarsu mill-perspettiva fit-tul—il-perspettiva eterna. Poġġu lil Ġesù Kristu l-ewwel, għax il-ħajja eterna tagħkom tiddependi fuq il-fidi tagħkom fih u fl-Espjazzjoni tiegħu. …

    “Meta intom tiffaċċjaw xi dilemma, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta tiġu mġarrba araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta l-ħajja jew xi maħbubin tagħkom jiddiżappuntawkom, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta xi ħadd imut qabel iż-żmien, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. Meta xi ħadd idum jitqabad ma’ xi marda kiefra, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. Meta l-pressjoni tal-ħajja tħossuha tgħejjikom, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Waqt li tkunu qed tirkupraw minn xi aċċident jew korriment, kif qed nagħmel jien bħalissa, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali!”

  2. Ara Mark 4:35–41.

  3. Filwaqt li nemmnu li Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għandhom l-abbiltà li jgħinuna kull meta jkollna bżonn l-għajnuna, l-għajnuna tagħhom tista’ mhux dejjem tiġi bil-mod li nkunu qed nistennew. Hu importanti li nafdaw li Huma jafuna aħjar milli aħna nafu lilna nfusna u li se jipprovdulna s-sapport u l-għajnuna li hu l-aħjar għalina fil-ħin xieraq; “Kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek” (Doctrine and Covenants 122:7).

    Il-provi u sfidi li niffaċċjaw jgħinuna niżviluppaw il-qawwa u l-karattru biex nirreżistu t-tentazzjoni u negħlbu l-bniedem naturali.

  4. Ara Mattew 14:31; Mark 1:31; 5:41; 9:27; Atti 3:7; 3 Nefi 18:36.

  5. Meta l-President Russel M. Nelson stedinna biex nimministraw b’mod aktar ġdid u qaddis, (ara “Ministering,” Liahona, Mejju 2018, 100), huwa talabna wkoll biex nifhmu li dan il-mod ġdid ta’ kif nimministraw mhuwiex dwarna u lanqas dwar dak li aħna rridu noffru imma dak li ħaddieħor jeħtieġ. Ġesù Kristu qiegħed jagħtina l-opportunità li nħobbu lil għajrna (ara Luqa 10:27) b’mod ogħla u aktar qaddis.

  6. Mattew 14:29–30.

  7. Mattew 14:31.

  8. Biex verament nifhmu l-kuntentizza, jeħtieġ li nifhmu l-irwol tal-barkiet f’ħajjitna. It-tifsira ta’ barkiet tgħin biex dan il-kunċett jiġi kkjarifikat: barka hija “li tagħti favur divina lil xi ħadd. Kull ħaġa li tikkontribwixxi għall-kuntentizza, il-benesseri, jew il-prosperità vera hija barka“ (Guide to the Scriptures, “Bless, Blessed, Blessing,” Librerija tal-Evanġelju). Ħafna drabi d-dinja tfixkel l-vera kuntentizza ma’ pjaċir temporanju, li jimita ferħ li ma jdumx wisq.

  9. Ara Isaija 49:16.