Konferenza Ġenerali
Fittxuh b’Qalbkom Kollha
konferenza ġenerali Ottubru 2024


12:4

Fittxuh b’Qalbkom Kollha

Jekk Ġesù fittex ħin fil-kwiet biex jikkomunika ma’ Alla u jiġi mqawwi minnu, inkunu għaqlin jekk aħna nagħmlu l-istess.

Bosta snin ilu, jien u marti servejna bħala mexxejja tal-missjoni f’Tokyo, il-Ġappun. Meta żar il-missjoni tagħna dak li dak iż-żmien kien il-Presbiteru Russell M. Nelson, wieħed mill-missjunarji staqsieh x’inhu l-aqwa rispons meta xi ħadd jgħidilhom li mħabbat wisq biex joqgħod jismagħhom. Mingħajr ma ħasibha wisq, il-President Nelson qal, “Kieku jien insaqsih jekk kienx imħabbat wisq biex jiekol u mbagħad ngħallmu li għandu kemm ġisem u kemm spirtu, u li, eżatt kif ġismu kien imut jekk ma jitimgħux, l-istess jiġrilu l-ispirtu tiegħu jekk ma jitimgħux bil-kelma t-tajba ta’ Alla.”

Ta’ min wieħed jinnota li l-kelma Ġappuniża għal “imħabbat,” isogashii, hija magħmula minn karattru b’żewġ simboli (). Dak fuq ix-xellug ifisser “qalb” jew “spirtu,” u dak fuq il-lemin ifisser “mewt”—xi ħaġa li forsi tissuġġerixxi, kif għallem il-President Nelson, li meta nkunu wisq imħabbtin biex nitimgħu l-ispirtu tagħna jista’ jwassalna biex immutu spiritwalment.

Il-Mulej kien jaf—f’din id-dinja ta’ għaġġla sfrenata, mimlija b’distrazzjonijiet u storbju, li li nisbu ħin ta’ kwalità għalih se tkun waħda mill-ikbar sfidi għall-ġurnata tal-lum. Filwaqt li tkellem permezz tal-profeta Isaija, Huwa pprovda dan il-kliem ta’ kunsill u twiddib li jista’ jitqabbel mal-ġranet ta’ konfużjoni li ngħixu fihom illum:

“Fil-konverżjoni u l-kalma ssibu s-salvazzjoni tagħkom; fil-kwiet u l-fiduċja qiegħda l-qawwa tagħkom: imma intom ma ridtux.

“Iżda għedtu: fuq żwiemel naħarbu; għalhekk tassew għad taħarbu. Fuq żwiemel ħfief nirkbu u ħfief ikunu dawk li għad jiġru warajkom.”

Fi kliem ieħor, anki jekk is-salvazzjoni tagħna tiddependi fuq il-konverżjoni ta’ spiss lejh u l-kalma mill-inkwiet tad-dinja, aħna ma nagħmlux dan. U anki jekk il-fiduċja tagħna se tasal minn qawwa żviluppata f’ħinijiet fil- kwiet flimien mal-Mulej fil-meditazzjoni u r-riflessjoni, aħna ma nagħmlux dan. Għala le? Għaliex ngħidu, “Le, aħna mħabbtin b’affarjiet oħra”—nirkbu fuq żwiemel, biex ngħidu hekk. Għalhekk, ħa nitbiegħdu iktar u iktar minn Alla; ħa ninsitu li ħa nħaffu iżjed u iżjed; u iżjed ma nħaffu, b’iżjed ħeffa se jiġri warajna Satana.

Forsi għal din ir-raġuni l-President Nelson kemm-il darba talabna bil-ħniena biex insibu ħin għall-Mulej f’ħajjitna—“jum wara jum.” Huwa jfakkarna li “ħin kwiet huwa ħin sagru—ħin li jiffaċilita rivelazzjoni personali u jnissel il-paċi.” Iżda biex nisimgħu l-leħen ħiemed tal-Mulej, skont il-parir tiegħu, “intom ukoll tridu tkunu ħiemda.”

Li tkun ħiemed, madanakollu, jeħtieġ iktar milli sempliċiment insibu ħin għall-Mulej—ifisser li rridu nabbandunaw tal-ħsibijiet mimlijin dubju u biża’ u niffukaw qalbna u moħħna fuqu. Il-Presbiteru David A. Bednar għallimna, “It-twiddiba tal-Mulej biex “inkunu ħiemda” tkopri ħafna iktar minn kemm ma nitkellmux u ma niċċaqilqux.” Li nkunu ħiemda, issuġġerixxa, “jaf huwa mod li jfakkarna li għandna niffukaw fuq is-Salvatur bla waqfien.”

Li tkun ħiemed hija att ta’ fidi u teħtieġ sforz. Lectures on Faith jiddikjara, “Meta wieħed jaħdem bil-fidi huwa jaħdem bi sforz mentali.” Il-President Nelson iddikjara: “Jeħtieġ li aħna nkunu ffokati sewwa fuq is-Salvatur u l-evanġelju tiegħu. Hemm bżonn ta’ sforz mentali min-naħa tagħna biex aħna nibqgħu dejjem inħarsu lejh f’kull ħsieb. Iżda meta aħna nagħmlu dan, id-dubji u l-beżgħat tagħna jgħibu.” Meta kien qed jitkellem dwar din il-ħtieġa biex niffukaw moħħna, il-President David O. McKay qal: “Naħseb ma tantx nagħtu attenzjoni għas-siwi tal-meditazzjoni, prinċipju tad-devozzjoni. … Il-meditazzjoni hija waħda mill- … bibien sagri li minnu wieħed jgħaddi għall-preżenza tal-Mulej.”

Hemm kelma bil-Ġappuniż, mui, li għalija taqbad aħjar dak is-sens mimli fidi u kontemplattiv ta’ dak li jfisser li tkun ħiemed. Tikkonsisti f’żewġ karattri (無為). Il-karattru tax-xellug ifisser “xejn” jew “il-kundizzjoni ta’ xejn,” u dak tal-lemin ifisser “għamel.” Flimkien ifisser “tagħmel-xejn.” Jekk wieħed jeħodha litteralment, wieħed jista’ jinterpreta l-kelma ħażin bħala “ma tagħmel xejn” bl-istess mod kif “li tkun ħiemed” tista’ tiġi interpretata ħażin bħala “ma titkellimx jew ma tiċċaqlaqx”. Madanakollu, bħall-frażi “tkun ħiemed” għandha tifsira ogħla; għalija hija tfakkira biex innaqqas il-pass u biex ngħix b’għarfien spiritwali ikbar.

Meta kont qed inservi fil-Presidenza Reġjonali tat-Tramuntana tal-Asja flimkien mal-Presbiteru Takashi Wada, sirt naf li martu, Sister Naomi Wada, hija kalligrafista Ġappuniża mill-aqwa. Tlabt lil Sister Wada biex tiddisinjali l-karattri Ġappuniżi għall-kelma mui. Ridt indendel il-kalligrafija fuq il-ħajt tal-kamra tiegħi bħala tfakkira biex inkun ħiemed u niffoka fuq is-Salvatur. Kont sorpriż meta m’aċċettatx minnufih din it-talba tiegħi, li dehritli kienet waħda sempliċi.

L-għada, peress li kien fehem li aktarx jien ma kontx fhimt l-eżitazzjoni tagħha, il-Presbiteru Wada spjegali li biex tikteb dawk il-karattri ħa jkun jeħtieġ sforz sinifikattiv. Kellha bżonn taħseb u timmedita fuq il-kunċett u l-karatttri sakemm tifhem it-tifsira fil-fond ta’ qalbha u hekk tkun tista’ tagħti espressjoni lil dawn l- impressjonijiet li tħoss f’qalbha permezz ta’ kull daqqa tal-pinzell tagħha. Ħassejtni imbarazzat li kont staqsejtha bil-kunfidenza kollha biex tagħmel xi ħaġa li kienet totlob daqshekk impenn. Tlabtu biex jitlobha skuża għall-injornaza tiegħi u biex jgħarrafha li kont qed nikkanċella t-talba tiegħi.

Karattri Ġappuniżi fl-uffiċju tal-Isqof Budge.

Tistgħu timmaġinaw is-sorpriża u l-gratitudni tiegħi meta, meta ġejt biex inħalli l-Ġappun, Sister Wada, minn rajha, tagħtni bħala rigal dil-biċċa xogħol ta’ kalligrafija sabiħa bil-karattri Ġappuniżi għall-kelma mui. Dendiltha mal-ħajt tal-uffiċċju tiegħi biex dejjem tfakkarni li nfittex lill-Mulej kuljum u biex inservih b’qalbi kollha, bil-qawwa tiegħi kollha, b’moħħi, u bis-saħħti kollha. Kien irnexxielha taqbad, f’dan l-għemil tant altruwista, it-tifsira ta’ mui, jew skiet, b’mod aqwa milli l-kliem stess jista’. Minflok pinġiet il-karattri bla ħsieb u għax hekk kienet mitluba, kienet użat il-kalligrafija tagħha bl-għan sħiħ ta’ qalbha u b’intenzjoni reali.

Bl-istess mod, Alla jixtieqna nużaw ħina miegħu bl-istess tip ta’ devozzjoni bil-qalb. Meta nagħmlu hekk, il-qima tagħna ssir espressjoni ta’ mħabbitna għalih.

Huwa jixxenaq għalina biex aħna nikkomunikaw miegħu. F’okkażjoni minnhom, wara li offrejt l-invokazzjoni f’laqgħa mal-Ewwel Presidenza, il-President Nelson dar lejja u qalli, “Meta kont qed titlob, għaddieli minn moħħi u għidt min jaf kemm Alla japprezza meta nisbu ħin waqt l-iskedi mħabbtin tagħna biex nagħrfuh.” Kienet tfakkira sempliċi imma qawwija ħafna ta’ kemm tfisser għall-Mulej meta nieħdu pawsa ħalli nikkomunikaw miegħu.

Għalkemm jixtieq ħafna l-attenzjoni tagħna, Hu mhux ħa jisfurzana biex aħna nersqu lejh. Lin-Nefiti, il-Mulej imqajjem mill-imwiet qalilhom, “U kemm‑il darba wkoll jiena ġbartkom flimkien kif qroqqa tiġbor il‑flieles taħt ġwinħajha, u intom ma ridtux.” Wara dan huwa kompla bi stedina li tapplika wkoll għalina llum il-ġurnata: “jien lest niġborkom flimkien kemm‑il darba kif qroqqa tiġbor il‑flieles tagħha taħt ġwinħajha, jekk intom tindmu u dduru lejja b’impenn sħiħ f’qalbkom.”

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jagħtina l-opportunitajiet li nduru lura lejh ta’ spiss. Dawn l-opportunitajiet jinkludu talb ta’ kuljum, studju tal-iskrittura, l-ordinanza tas-sagrament, jum il-Mulej, u l-qima fit-tempju. Xi tgħidu kieku kellna nneħħu dawn l-opportunitajiet mil-lista tagħna ta’ “x’għandi nagħmel” u npoġġuhom minflok fuq il-lista “tagħmel-xejn”—fi kliem ieħor, li nersqu lejhom bl-istess intensità u konċentrazzjoni li biha Sister Wada tersaq lejn il-kalligrafija tagħha?

Tafu qed tgħidu, “M’għandix ħin biex nagħmel dan.” Jien spiss ħassejt l-istess. Iżda ħalluni nissuġġerilkom li dak li forsi huwa meħtieġ mhuwiex neċessarjament iżjed ħin iżda fil-fatt iżjed għarfien ta’, u ffukar fuq, Alla matul il-ħinijiet li diġà nwarrbu għalih.

Per eżempju, waqt li qed nitolbu, min jaf kieku nagħmlu inqas ħin nitkellmu u iktar ħin flimkien ma’ Alla biss; u meta niġu biex nitkellmu, min jaf kieku nagħtu iktar espressjonijiet mill-qalb u speċifiċi ta’ gratitudni u mħabba?

Il-President Nelson tana parir biex ma naqrawx biss l-iskrittura imma nħossuha. X’differenza tagħmel li kieku naqraw inqas u nħossu iktar?

X’jiġri li kieku kellna nagħmlu iktar biex inħejju moħħna għal meta nieħdu sehem fis-sagrament u nixtarru bil-ferħ il-barkiet tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu matul din l-ordinanza sagra?

F’Jum is-Sabbath, li b’Ebrajk ifisser “mistrieħ,” x’jiġri li kieku kellna nistrieħu minn preokkupazzjonijiet oħra u nsibu l-ħin biex noqogħdu fil-kwiet mal-Mulej biex noffru d-devozzjonijiet tagħna lejh?

Matul il-qima tagħna fit-tempju, x’jiġri kieku kellna nagħmlu sforz iktar dixxiplinat u iktar iffukat biex noqogħdu iktar attenti jew inkella li kieku nqattgħu ftit iktar ħin fil-kamra ċelestjali f’riflessjoni kwieta?

Meta l-fokus tagħna jonqos minn fuq dak li nkunu qed nagħmlu u jissaħħaħ fuq il-konnessjoni tal-patt tagħna mal-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, jiena nixhed li kull wieħed minn dawn il-mumenti isir iktar sinifikattiv, u ħa nirċievu l-gwida meħtieġa fil-ħajja personali tagħna. Aħna, l-istess bħal Marta fir-rakkont ta’ Luqa, nkunu wisq attenti u inkwetati dwar ħafna affarjiet. Madanakollu, meta nikkomunikaw mal-Mulej ta’ kuljum, Hu se jgħinna biex nagħrfu dak li huwa l-iktar meħtieġ.

Anki s-Salvatur sab il-ħin fil-ministeru tiegħu biex ikun sieket. L-iskrittura hija mimlija b’eżempji tal-Mulej li jirtira x’imkien imwarrab—xi muntanja, x’inħawi abbandunati, xi post tad-deżert jew imur x’imkien “waħdu”—biex jitlob lill-Missier. Jekk Ġesù fittex ħin fil-kwiet biex jikkomunika ma’ Alla u jiġi mqawwi minnu, inkunu għaqlin jekk aħna nagħmlu l-istess.

Waqt li nikkonċentraw qalbna u moħħna fuq il-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu u nisimgħu lil-leħen ħelu u sieket tal-Ispirtu s-Santu, aħna jkollna ċarezza ikbar dwar dak li huwa l-iktar meħtieġ, aħna niżviluppaw sens iktar fond ta’ kompassjoni, u aħna nsibu mistrieħ u qawwa fih. Paradossalment, biex ngħinu lil Alla jħaffef il-ħidma tiegħu tas-salvazzjoni u eżaltazzjoni jaf jeħtiġilna li nnaqqsu l-pass tagħna. Li nkunu dejjem imħabbtin jaf iżidilna fil-ħamba ta’ ħajjitna u dan jisirqilna l-paċi li qed infittxu.

Jiena nixhed li hekk kif nirritornaw ta’ sikwit għand il-Mulej bl-għan kollu ta’ qalbna, fil-kwiet u bil-fiduċja aħna se nsiru nafuh u se nħossu l-imħabba tiegħu infinita għalina.

Il-Mulej wiegħed:

“Ersqu intom lejja u jien se nersaq lejkom; fittxuni bla heda u intom se ssibuni.”

“Tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni.”

Jiena nixhed li din il-wegħda hija vera. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Għeter 2:14–15.

  2. Isaija 30:15–16; enfażi miżjuda.

  3. 2 Nefi 10:24 jistedinna biex nirre-kon-ċiljaw ir-rieda tagħna ma’ ta’ Alla. “Re” tfisser darb’oħra, “kon” tfisser ma’, u “ċil” huwa siġġu jew tron. Li nirrikonċiljaw ir-rieda tagħna ma’ ta’ Alla tfisser litteralment li npoġġu bilqiegħda darb’oħra ma’ Alla.

  4. Russell M. Nelson, “Iddedikaw Ħin għall-Mulej,” Liahona, Nov. 2021, 120.

  5. Russell M. Nelson, “X’Qed Nitgħallmu u Qatt M’Aħna Se Ninsew,” Liahona, Mejju 2021, 80.

  6. Russell M. Nelson, “X’Qed Nitgħallmu u Qatt M’Aħna Se Ninsew,” 80.

  7. David A. Bednar, “Be Still, and Know That I Am God,” Liahona, Mejju 2024, 28.

  8. Ara Lhud 11:6.

  9. Lectures on Faith (1985), 72.

  10. Russell M. Nelson, “Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2017, 41.

  11. David O. McKay, “Consciousness of God: Supreme Goal of Life,” Improvement Era, Ġunju 1967, 80.

  12. Ara Doctrine and Covenants 4:2.

  13. Ara Mosija 7:33; Għeter 2:14.

  14. “Qalb sana u tiffunzjona hija ċentrali għas-saħħa u l-benesseri ta’ kull wieħed u waħda minna. Madanakollu, dak li jien tgħallimt bħala qaddej u xhud ta’ Ġesù Kristu huwa li qalb sana fiżika hija nofs biss tal-isfida li għandna. Jiena nieħu bis-serjetà l-kmand li nħobb lil Alla b’qalbi kollha, għaliex li nħobbuh huwa dak li jżommna vibranti” (Russell M. Nelson, The Heart of the Matter: What 100 Years of Living Have Taught Me [2023], 8; enfasi miżjuda).

  15. Ara Salm 14:2; Apokalissi 3:20.

  16. 3 Nefi 10:5; enfażi miżjuda.

  17. Il-Presbiteru Dale G. Renlund għallem: “Li nibdlu l-imġieba tagħna u li nerġgħu lura fit-‘triq il-ġusta’ huma parti mill-indiema, iżda huma biss parti minnha. Il-vera ndiema tinkludi wkoll li ndawru qalbna u r-rieda tagħna lejn Alla u li nirrununzjaw id-dnub” (“L-Indiema: L-Għażla ta’ Ferħ,” Liahona, Nov. 2016, 121; enfasi miżjuda).

  18. 3 Nefi 10:6; enfażi miżjuda.

  19. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem, “Iż-żieda fil-konsagrazzjoni mhix daqstant talba għal iktar sigħat ta’ ħidma fil-Knisja daqskemm hija ż-żieda ta’ iktar għarfien ta’ dak li tiegħu hija din il-ħidma!” (“Settle This in Your Hearts,” Ensign, Nov. 1992, 67).

  20. Meta għamel kumment dwar kif it-talb tiegħu evolva matul iż-żmien, Desmond Tutu qal: “Naħseb [qed] nipprova nikber f’kemm inkun hemm. Bħal meta toqgħod mistrieħ quddiem in-nar fix-xitwa—int sempliċiment qiegħed hemm quddiem in-nar. M’għandekx bżonn turi kemm int bravu. In-nar isaħħnek” (“Desmond Tutu, Insisting We Are ‘Made for Goodness’” [NPR, intervista ta’ Renee Montagne, Mar. 11, 2010], npr.org).

  21. Ara Russell M. Nelson, “Aħseb Ċelestjali!,” Liahona, Nov. 2023, 117–19.

  22. Ara Russell M. Nelson, “Living by Scriptural Guidance,” Liahona, Nov. 2001, 19-22; ara wkoll Russell M. Nelson, “The Answer Is Always Jesus Christ,” Liahona, Mejju 2023, 127–28.

  23. Ara 3 Nefi 17:3. Il-President David O. McKay iddikjara:

    “Nemmen li dak il-perjodu qasir li fih namministraw is-sagrament huwa waħda mill-aqwa opportunitajiet li għandna għal din it-tip ta’ meditazzjoni, u m’għandu jkun hemm xejn matul dak il-perjodu sagru li jtellef l-attenzjoni tagħna mill-għan ta’ dik l-ordinanza. …

    Bil-ħrara nisħaq li din l-ordinanza sagra tkun imdawra b’reverenza ikbar, f’ordni perfetta; li kull min jiġi fid-dar ta’ Alla jista’ jimmedita fuq it-tjubija ta’ Alla u, fis-silenzju u fit-talb, jesprimi apprezzament għaliha. … Ħalli s-siegħa tas-sagrament tkun esperjenza speċjali fil-ġurnata li fiha l-persuna li qed tagħti qima tista’ tipprova għallinqas tirrealizza fiha nfisha li hija xi ħaġa possibbli għaliha li tikkomunika ma’ Alla tagħha” (“Consciousness of God: Supreme Goal of Life,” Improvement Era, Ġunju 1967, 80–81).

  24. Ara Duttrina u Patti 59:10.

  25. “Meta tikseb ir-rakkomandazzjoni tat-tempju, qalb niedma, u l-moħħ lest biex jitgħallem tagħkom fid-dar tat-tagħlim tal-Mulej, Hu jgħallimkom” (Russell M. Nelson, “It-Tempju u s-Sisien Spiritwali Tiegħek,” Liahona, Nov. 2021).

  26. “Hu dak li jmexxi u jiggwida lilkom fil-ħajja personali tagħkom jekk intom tiddedikaw ħin għalih f’ħajjitkom—kull jum” (Russell M. Nelson, “Make Time for the Lord,” 121).

  27. Ara Luqa 10:40–42.

  28. 3 Nefi 19:19; ara wkoll Joseph Smith Translation, Mattew 4:1 (f’Mattew 4:1, note tal-qiegħ a); Mattew 5:1; 14:13, 23; Mark 1:35; 6:46; Luqa 5:16; 6:12.

  29. Ara 3 Nefi 21:29.

  30. Doctrine and Covenants 88:63.

  31. Ġeremija 29:13; ara wkoll Lamentazzjonijiet 3:25.