Konferenza Ġenerali
Żmien li Qatt Mhu Se Jintesa
konferenza ġenerali Ottubru 2024


14:19

Żmien li Qatt Mhu Se Jintesa

L-avvenimenti li ġejjin se jipprovdu lill-membri tal-Knisja ma’ kullimkien opportunitajiet akbar biex jaqsmu l-bxara t-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Introduzzjoni

Għeżież ħuti, l-istorja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, f’din id-dispensazzjoni hija risplendenti b’esperjenzi divini li juru kif il-Mulej dejjem gwida l-Knisja tiegħu. Madankollu, hemm diċenju fl-istorja tagħna li jispikka bil-kbir fuq kull diċenju ieħor—id-diċenju mill-1820 sal-1830. Minn meta beda bl-esperjenza tal-Profeta Joseph Smith fil-Masġar Sagru fir-rebbiegħa tal-1820, meta huwa ra lil Alla l-Missier u l-Ibnu, Ġesù Kristu, sas-6 ta’ April, 1830, dak id-diċenju m’hawx ieħor bħalu.

Moroni jwassal il-pjanċi tad-deheb.
Restawrazzjoni tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek.
Oliver Cowdery.

Ikkunsidraw ftit dawk il-ġrajjiet meraviljużi. Il-profeta żagħżugħ tkellem mal-anġlu Moroni, ittraduċa l-pjanċi tad-deheb, u ppubblika l-Ktieb ta’ Mormon! Huwa kien strument li permezz tiegħu s-Saċerdozju ta’ Aron u ta’ Melkisedek ġew irrestawrati, u wara huwa organizza l-Knisja! Oliver Cowdery iddeskriva dak iż-żmien tajjeb ħafna: “Dan hu żmien li qatt mhu se jintesa.” Ġrajjiet oħra mirakolużi komplew iseħħu sal-ġurnata tal-lum.

Ippermettuli nkun ċar u nissuġġerixxi li din is-sena, aħna bdejna diċenju li jaf ikun sinifikanti daqs kwalunkwe diċenju ieħor li ġie wara dak id-diċenju bla paragun li fih twaqqfet il-Knisja kważi mitejn sena ilu.

Id-Diċenju Tagħna

Ippermettuli nispjega ruħi. Bejn illum 2024, u l-2034, aħna se nesperjenzaw ġrajjiet importanti li se jwasslu għal opportunitajiet straordinarji biex inservu, ningħaqdu mal-membri u l-ħbieb, u nintroduċu l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ma’ aktar nies minn qatt qabel.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-għeluq il-100 sena mit-twelid tal-President Nelson.

Għadna kif rajna l-qawwa ta’ mument tassew storiku hekk kif niċċelebraw ma’ għexieren ta’ miljuni għeluq il-100 sena mit-twelid tal-President Russell M. Nelson.

F’rapport li għamlu dwar għeluq snin il-President Nelson, Newsweek kitbu titlu li jgħid “L-Ixjeħ Mexxej Reliġjuż fid-Dinja jagħlaq 100 sena.” Imbagħad semmew l-ixjeħ 10- mexxejja reliġjużi fid-dinja—bil-President Nelson l-ewwel f’lista li tinkludi fiha lill-Papa Franġisku u d-Dalai Lama.

Din id-dikjarazzjoni minn artiklu minn New York Times tirrappreżenta l-ispirtu ta’ ħafna mir-rapportaġġ internazzjonali: “F’ċiklu ta’ elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti li ħafna spiċċaw jitkellmu dwar l-età u t-tmexxija, l-avveniment tas-Sur. Nelson jurina li, ta’ lanqas fil-knisja tiegħu, li wieħed jagħlaq età ta’ numru bi tliet ċifri mhijiex xi ħaġa li għandha tiffrustrana. Huwa jibqa’ figura popolari fost il-membri tal-Knisja, li jħarsu lejn il-president tagħhom mhux sempliċiment bħala xi ħadd eżekuttiv iżda bħala ‘profeta, veġġent u rivelatur.’”

Kemm aħna grati li dan l-avveniment mill-aktar sinifikanti ta’ għeluq snin il-President Nelson jagħtina opportunità li nintroduċu lil udjenza globali ma’ profeta ta’ Alla, ċelebrazzjoni li qatt m’għandha tintesa.

Il-pjazza tal-Bini tal-Uffiċċju tal-Knisja li ngħatat libsa ġdida.

Aktar kmieni f’din ir-rebbiegħa, plaza li ngħatat libsa ġdida fil-Pjazza tat-Tempju—li fiha tpoġġew numru ta’ bnadar internazzjonali li jirrappreżentaw pajjiżi fejn il-Knisja ġiet rikonoxxuta—ġiet iddedikata. Fid-dħul ta’ din il-plaza hemm monument tal-granit li fuqu hemm dan il-kliem profetiku: “U għad jiġri fl-aħħar żminijiet, li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet; lejha għad jiġru l-ġnus kollha.”

Bla dubju li l-ġrajjiet monumentali li se jseħħu f’dawn l-10 snin li ġejjin jafu juruna din il-profezija ta’ Isaija tiġi fis-seħħ.

It-Tempju ta’ Salt Lake.

Ikkontemplaw ftit dwar in-numru bla preċedent ta’ ftuħ għall-pubbliku u dedikazzjonijiet ta’ tempji li huma ppjanati li jseħħu fid-diċenju li jmiss, saħansitra numru li potenzjalment jaf ikun ta’ 164 tempju u aktar. Immaġinaw għexieren ta’ miljuni minnkom u minn sħabkom mexjin f’dar tal-Mulej. Iċ-ċentru simboliku ta’ dawn il-ġrajjiet se tkun id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju ta’ Salt Lake u l-attivitajiet marbuta magħha. Dawn ċertament se jkunu żminijiet li qatt mhu se jintesew.

Organizzazzjoni tal-Knisja.

Is-sena 2030 se ġġib magħha opportunitajiet dinjija biex nikkommemoraw il-biċentinarju tal-organizzazzjoni tal-Knisja. Minkejja li għadu kmieni wisq biex ngħidu kif il-Knisja se tfakkar dan l-avveniment, żgur li se jagħtina ċ-ċans nistiednu lill-familja, ħbieb, kollegi, u mistednin distinti biex “jiġu u jaraw” u jifhmu aħjar l-impatt qawwi li l-Knisja għandha fil-ħajja tal-membri tal-Knisja.

L-Olimpjadi tax-Xitwa 2002 fil-Belt ta’ Salt Lake.

Fl-2034, eluf ta’ dinjitarji, viżitaturi, u atleti minn madwar id-dinja se jimlew it-toroq tal-Belt ta’ Salt Lake, fejn se jiġi organizzat il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. Probabbilment m’hemm l-ebda demostrazzjoni akbar tal-għaqda dinjija minn dik li tidher fil-Logħob Olimpiku. Għajnejn id-dinja se jkunu fuq il-Knisja u l-membri tagħha, u se jagħtina opportunitajiet kbar biex nagħmlu l-volontarjat, inservu, u naqsmu l-bxara t-tajba permezz ta’ għemejjel tajba—avveniment li qatt ma jintesa.

Dawn il-mumenti li ġejjin se jipprovdu lill-membri tal-Knisja ma’ kullimkien opportunitajiet akbar biex jaqsmu l-bxara t-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu permezz tal-fomm u l-għemil, diċenju li qatt mhu se jintesa.

Bxara t-Tajba

F’laqgħa ftit ġimgħat qabel għeluq sninu, il-President Nelson qasam magħna r-raġuni li huwa għandu għal qalbu l-frażi “bxara t-tajba.” Minn naħa, huwa nnota, il-frażi ġġib magħha hena u kuntentizza. Iżda “bxara t-tajba” tfisser ferm aktar minn hekk. Huwa spjega li din il-frażi ġejja mill-kelma oriġinali Griega euangelion, li letteralment tfisser “l-aħbar it-tajba” jew “l-evanġelju.” Il-kuntentizza u l-hena f’din il-ħajja u f’li ġejja huma dejjem marbuta mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. B’hekk il-frażi “bxara t-tajba” tirrifletti din it-tifsira doppja b’mod meraviljuż.

“II-bnedmin ġew fis-seħħ, biex ikunu jistgħu jgawdu l-hena.” Missierna fis-Smewwiet pprovdielna l-pjan ta’ ferħ li jwasslilna l-hena permezz ta’ barkietu. Dawn jinkludu li ngħixu fil-preżenza tiegħu għal dejjem bħala familji. L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hija fil-qofol tal-pjan ta’ Alla biex jifdina. Biex nirċievu l-ħajja eterna, jeħtieġ li nersqu lejn Kristu. Kif nagħmlu dan “u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess, aħna nkunu qed nipparteċipaw fil-ħidma ta’ Alla tas-salvazzjoni u tal-eżaltazzjoni.”

Dan il-messaġġ tal-bxara t-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa l-aktar messaġġ importanti fid-dinja. U hawn hu fejn tibda l-ħidma taż-żgħażagħ u l-adulti żgħażagħ tal-Knisja.

Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ

Issa, filwaqt li dan id-diċenju li ġej jaf ikun mimli b’jiem li qatt mhu se jintesew għal kull membru tal-Knisja, dan hu speċjalment minnu għalikom tal-ġenerazzjoni li tielgħa. Intom tinsabu hawn fid-dinja bħalissa għaliex intom ġejtu magħżulin biex tkunu hawn bħalissa. Intom għandkom il-qawwa u l-kapaċità li tkunu dixxipli ta’ Kristu b’mod bla preċedent.

Il-President George Q. Canon għallem, “Alla baqa’ jżomm ħdejh numru ta’ spirti, għal din id-dispensazzjoni, li għandhom il-kuraġġ u d-determinazzjoni li jiffaċċjaw id-dinja, u l-qawwiet tax-xitan, u biex … jibnu l-Sijon ta’ Alla tagħna mingħajr biża’ ta’ xi konsegwenzi.”

Għalhekk, nixtieq inkellem lilkom tal-ġenerazzjoni li tielgħa, biex nistedinkom biex timmaġinaw kemm dan id-diċenju li ġej se jkunu wieħed eċċitanti, u li qatt mhu se jintesa, għalikom. Jien se noffrilkom ftit kliem sempliċi ta’ parir u nkuraġġiment li jista’ jsaħħaħkom tul dan id-diċenju li ġej.

Bħal ħafna minnkom, jien għandi smartphone li, xi kultant u mingħajr ebda indikazzjoni, jurini numru ta’ ritratti ta’ x’kont qed nagħmel f’tali jum. Dejjem tkun ta’ sorpriża li nara kemm inbidlu l-affarijiet għalija u għal familti fi ftit ta’ snin.

Immaġinaw ir-ritratti li l-mowbajl tagħkom se jurikom 10 snin oħra. Tafu taraw lilkom infuskom qed tiggradwaw mill-iskola sekondarja jew mill-università, tirċievu d-dota tagħkom, tmorru fuq missjoni, tiżżewġu, u jkollkom l-ewwel tarbija. Għalikom personalment, dan se jkun diċenju li qatt mhu se jintesa. Iżda dan kollu jirdoppja jekk intom b’mod attiv tagħmlu li tistgħu biex issiru dawl għad-dinja ta’ kif il-bxara t-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu tista’ ttejjeb u ssaħħaħ mhux biss ħajjitkom iżda wkoll il-ħajja tal-familja, tal-ħbieb, u tas-segwaċi tagħkom fuq il-midja soċjali.

Tafu tistaqsu kif għandkom tagħmlu dan.

Il-profeti ta’ Alla għallmuna li dan jista’ jseħħ permezz ta’ erba’ attivitajiet sempliċi, li rreferu għalihom bħala responsabbiltajiet maħtura b’mod divin: l-ewwel, ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu; it-tieni, nieħdu ħsieb dawk fil-bżonn; it-tielet, nistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju; u r-raba’, ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità. Notevolment, kull waħda minnhon tista’ sseħħ bl-aktar mod normali u naturali.

Responsabbiltajiet Maħtura b’Mod Divin

Inwegħidkom li dan se jkun diċenju li qatt mhu se jintesa for you jekk intom tħaddnu dawn l-erba’ responsabbiltajiet maħtura b’mod divin. Ejjew nikkunsidraw dan x’jitlob minnkom.

Erba’ responsabbiltajiet maħtura b’mod divin.
Tfajla qed titlob.

L-ewwel, tgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Studjaw kliem il-profeti u tgħallmu ħobbu lil Missierkom fis-Smewwiet. Dawru qalbkom lejn u agħmlu l-almu tagħkom biex timxu fi triqatu. Elevaw ruħkom permezz tal- “kunfidenza tal-patt” li l-Presbiteru Ulisses iddeskriva. Din il-kunfidenza tasal meta tagħmlu l-patti li sejrin timxu wara Ġesù Kristu, u tagħrfu li s-Salvatur, min-naħa l-oħra, se jqawwikom u jgħinkom.

Ħallu lil sħabkom jaraw l-hena li intom tħossu meta tgħixu l-evanġelju u intom tkunu l-aqwa messaġġ tal-evanġelju li huma qatt jistgħu jirċievu.

It-tieni, ilħqu b’kompassjoni u ħudu ħsieb lil dawk fil-bżonn. Il-ġenerazzjoni tagħkom normalment jimpurtakom minn dawk anqas iffortunati. Kull meta jseħħ xi diżastru u l-membri tal-Knisja jmorru jiġru biex jgħinu jnaddfu t-tifrik tal-bini u jfarrġu lill-milquta, ikun jidher li l-maġġoranza li jkunu lebsin il-flokk “Idejn tal-Għajnuna” jkunu żgħażagħ u oħrajn fuq l-għoxrin. Hija fin-natura tagħkom li “ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin” u “tfarrġu lil dawk li jeħtieġu l-faraġ.” Jekk nagħmlu dan aħna nkunu qegħdin “inħarsu l-liġi ta’ Kristu.”

Tfal jiġbru l-ġamm għan-nies fil-bżonn.

Evan, tifel żgħir tal-età tal-Primarja, iddeċieda li jqatta’ l-btala tiegħu tas-sajf lil hinn mill-iskola jiġbor l-ingredjenti għal sandwiches bil-butir tal-karawett u l-ġeli biex jagħtihom lill-bank tal-ikel ta’ fejn joqgħod. Huwa sar jaf bil-proġett fuq il-website JustServe. Iċ-ċkejken Evan kiteb lil sħabu kollha tal-klassi biex jgħinuh jiġbor madwar 700 skutella ġeli! Araw li n-nies li intom isservu jkunu jafu li l-imħabba tagħkom lejhom għandha l-għeruq tagħha fl-imħabba tagħkom lejn Alla u x-xewqa tagħkom li tħobbu lil għajrkom bħalkom infushom.

Missjunarji fil-Brażil.

It-tielet, stiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju. Din is-sena ftaħna 36 missjoni ġdida madwar id-dinja li lkoll jakkomodaw lil dawk kollha li jixtiequ jservu missjonijiet full-time. Fi żmien meta bosta żgħażagħ qed jitbiegħdu mill-attività reliġjuża formali, din hi ħaġa tal-għaġeb u tirrifletti n-natura meraviljuża tat-testimonjanzi tagħkom. Kemm jekk isservu full-time jew le, jekk jogħġobkom agħrfu l-kapaċità immensa tagħkom li tinfluwenzaw lil sħabkom hekk kif tħobbuhom, taqsmu magħhom u tistednuhom jesploraw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Żgħażagħ fit-Tempju ta’ Preston, l-Ingilterra.

Ir-raba’ għaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità. Hekk kif inżur it-tempji madwar id-dinja, jien nimmeravilja ruħi bil-folol ta’ żgħażagħ kollha bilwieqfa jistennew ħdejn il-battisterju u n-numri li kiber ta’ adulti żgħażagħ iservu bħala ħaddiema tal-ordinanzi. M’ilux grupp ta’ aktar minn 600 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Iskozja u l-Irlanda marru fit-Tempju ta’ Preston, l-Ingilterra, u wettqu ’l fuq minn 4,000 ordinanza, ħafna minnhom kienu għal antenati mejtin personali tagħhom! Nitlobkom biex tibdew taħdmu b’serjetà fl-istorja tal-familja, tqattgħu ħin fit-tempju, u bir-reqqa tħejju lilkom infuskom biex tkunu rġiel u nisa lesti li tiżżewġu sħab denji bħalkom fit-tempju. Araw li tiżviluppaw mudell f’ħajjitkom issa fejn li żżuru t-tempju tkun parti regolari minn ħajjitkom.

Konklużjoni

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, iċ-ċans hu li fiż-żmien li ġej aħna lkoll se niffaċċjaw diffikultajiet. Madankollu, hekk kif nibdew dan id-diċenju li ġej mimli mumenti bla preċedent, jalla aħna naqsmu l-bxara t-tajba permezz tal-attivitajiet sempliċi ta’ kif ngħixu, nieħdu ħsieb, nistiednu, u ngħaqqdu lil ħaddieħor. Hekk kif nagħmlu dan, il-Mulej iberikna b’esperjenzi li ma ninsew qatt.

Jiena nixhed li dawk minnkom li tersqu quddiem il-Mulej b’qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina, dawk li għandkom isem is-Salvatur fuq fommkom u l-Ispirtu s-Santu f’ruħkom, dawk li timxu f’dan il-pellegrinaġġ grandjuż u glorjuż, għad tiskopru u tesperjenzaw barkiet ċelestjali bil-kotra u tirċievu xhieda li Alla jismagħkom, jafkom, u jħobbkom. Intom tesperjenzaw żminijiet li qatt mhu se jintesew. F’isem Ġesù Kristu, ammen.