Qdusija lill-Mulej fil-Ħajja ta’ Kuljum
Il-Qdusija lill-Mulej tagħmel l-għixien ta’ kuljum xi ħaġa sagra. Tressaqna eqreb u iktar kuntenti lejn il-Mulej u lejn xulxin.
Ir-riunjoni riċenti li għamilna aħna l-familja Gong kienet tinkludi preżentazzjoni ta’ talenti, u ma setax jonqos li jkun hemm ukoll kompetizzjoni bejn il-missirijiet għall-aqwa ċajta tal-papà.
Imma din il-kompetizzjoni ma kinitx tas-soltu. F’wieħed mit-timijiet kien hemm in-Nannu (jien) u tnejn min-neputijiet, li għandhom 12 u 11-il sena. Fit-tim l-ieħor kien hemm programm ta’ intelliġenza artifiċjali (AI) mmexxi mill-Kuġin Peter biex lill-papà jgħidlu ċajt fuq l-istil ta’ Gerrit W. Gong. In-nannu Gerrit Gong kontra AI Gerrit Gong.
Bdejna jien u n-neputijiet.
X’jgħidulu dinosawru li jaħbat bil-karozza tiegħu. Tyrannosaurus Wrecks.
AI Gerrit Gong ingħata struzzjoni—aħseb bħal Gerrit W. Gong. Tkellem bħalu.
AI Gerrit Gong: “Din ċajta tal-papà daqslikieku qed jgħidha Gerrit W. Gong, li fiha l-istil tiegħu, fabbli, ħassiebi, u edifikanti: Għaliex is-siġra umli nisslet tbissima fin-nies? Għaliex kellha għeruqha fl-imħabba u kienet tinfirex bi friegħi ta’ tjubija. L-istess bħal dik is-siġra, aħna wkoll nistgħu nsibu l-qawwa f’għeruqna u l-hena billi nifirxu t-tjubija fost oħrajn.”
Insomma, x’taħsbu? Ħeq, għalhekk isejħulhom ċajt tal-papà.
Kull fejn iddur se ssib opportunitajiet biex tidħaq, tferraħ, u tħares b’għajnejn ta’ gratitudni. L-evanġelju tagħna huwa wieħed ta’ hena u qdusija fil-ħajja ta’ kuljum. Il-qdusija tiddistingwi l-affarjiet għal skop sagru. Iżda l-qdusija tistedinna wkoll biex ninjettaw il-ħajja ta’ kuljum b’dak li huwa sagru—biex nithennew bil-ħobż ta’ kuljum, bil-manna biex ngħidu hekk, fost ix-xewk u l-għollieq ta’ din id-dinja. Biex nimxu mal-Mulej, jeħtiġilna li nsiru mqaddsa, għax Hu hu qaddis; u biex jgħinna nsiru mqaddsa, il-Mulej jistedinna biex nimxu miegħu.
Aħna lkoll għandna storja. Hekk kif Sister Gong u jien niltaqgħu magħkom—membri u ħbieb tal-Knisja f’bosta postijiet u ċirkostanzi—jispirawna l-istejjer tagħkom tal-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum. Intom tgħixu b’valuri kbar: komunjoni ma’ Alla, komunità u kompassjoni ma’ xulxin, impenn u patt ma’ Alla, familja u ħbieb—kollox iċċentrat fuq Ġesù Kristu.
Evidenza dejjem tiżdied taċċentwa dan il-fatt impressjonanti: dawk li jemmnu f’reliġjon huma ġeneralment iktar kuntenti, b’saħħithom, u sodisfatti minn dawk li m’għandhomx impenn jew konnessjoni spiritwali. Il-kuntentizza u s-sodisfazzjon fil-ħajja, is-sanità mentali u fiżika, tifsira u skop, karattru u virtù, relazzjonijiet soċjali mill-qrib, stabbiltà finanzjarja u materjali—fuq kull kamp, il-prattikanti ta’ reliġjon jifjorixxu.
Huma jgawdu saħħa fiżika u mentali aħjar u sodisfazzjon tal-ħajja ikbar f’kull età u grupp demografiku.
Dak li r-riċerkaturi jsejħu “stabbiltà strutturali reliġjuża” toffri kjarezza, skop, u ispirazzjoni fost it-tidwir sfiq tal-ħajja. Il-familja ta’ fidi u komunità tal-Qaddisin tikkumbatti l-iżolament u l-folla li tħossha waħedha. Il-qdusija lill-Mulej tgħid “le” lill-profan, “le” lill-bravura qarrieqa meta ssir għall-ispejjeż ta’ oħrajn, “le” lil algoritmi li jimonetizzaw r-rabja u l-polarizzazzjoni. Il-qdusija lill-Muelj tgħid “iva” lil dak li huwa sagru u reverenti, “iva” lil dak li jagħmilna l-iktar ħielsa, l-iktar kuntenti, l-iktar awtentiċi, l-aqwa aħna hekk kif nimxu warajh fil-fidi.
Kif tkun tidher il-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum?
Il-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum tidher bħal żewġ adulti żgħażagħ, miżżewġin għal sena, li jaqsmu b’awtentiċità u vulnerabilità l-patti tal-evanġelju, is-sagrifiċċju, u s-servizz fil-ħajjithom li qed tiżvolġi.
Hija tibda, “Meta kont il-kulleġġ, kont inħossni mitlufa f’post mudlam. Kont inħossni qisu Alla ma kienx hemm għalija. Lejla minnhom, jasalli messaġġ minn ħabib, ‘Isma’, qatt qrajt Alma 36?’
“Hekk kif bdejt naqra, imtlejt b’sens ta’ paċi u mħabba. Ħassejtni qisu xi ħadd kien tani tgħanniqa kbira. Meta qrajt Alma 36:12, kont naf li l-Missier fis-Smewwiet rani u kien jaf eżatt kif kont qed inħossni.”
U tkompli, “Qabel ma żżewwiġna, kont onesta mal-għarus tiegħi li ma kellix testimonjanza qawwija tad-dieċmi. Alla għalfejn għandu bżonna li nagħtu l-flus meta oħrajn kellhom tant x’jagħtu? L-għarus għenni nifhem li din ma kinitx kwistjoni ta’ flus imma li nimxu fuq kmandament li ntalab minna. Huwa sfidani biex nibda nħallas id-dieċmi.
“Tabilħaqq rajt it-testimonjanza tiegħi tikber. Xi minn daqqiet il-flus isiru problema, imma rajna ħafna barkiet u b’xi mod il-paga kienet dejjem suffiċjenti.”
Barra minn hekk, “fl-iskola tal-infermiera, jiena kont l-unika membru tal-Knisja u l-unika waħda miżżewġa. Ħafna drabi ħriġt mill-klassi frustrata jew nibki għaliex ħassejt li sħabi tal-klassi kienu jarawni differenti u kienu jgħaddu rimarki negattivi dwar it-twemmin tiegħi, dwar il-fatt li nilbes il-garments tiegħi, jew li kont żżewwiġt ta’ età tant żgħira.
“F’das-semestru li għadda tgħallimt kif nesprimi t-twemmin tiegħi aħjar u nkun eżempju tajjeb tal-evanġelju. L-għarfien u t-testimonjanza tiegħi kibru għaliex kont ittestjata fl-abbiltà tiegħi biex inkun soda u qawwija f’dak li nemmen.”
Iż-żagħżugħ żewġha jżid jgħid, “Qabel il-missjoni tiegħi, kelli offerti biex nilgħab mat-tim tal-baseball tal-università. Għamilt id-deċiżjoni diffiċli u warrabt dawk l-offerti u mort biex inservi lill-Mulej. Dawk is-sentejn ma nibdilhom ma’ xejn.
“Meta rritornajt id-dar, stennejt tranżizzjoni diffiċli, iżda ntbaħt li kont sirt iktar b’saħħti, żvelt, u san. Bdejt nilgħab aħjar minn meta kont tlaqt. Kelli iktar offerti biex nilgħab minn meta kont tlaqt, inkluż mill-iskola tal-ħolm tiegħi. U, fuq kollox, “huwa qal” niddependi fuq il-Mulej iktar minn qatt qabel.”
Huwa jtemm jgħid, “Bħala missjunarju għallimt li l-Missier fis-Smewwiet jwegħidna l-poter fit-talb tagħna, imma xi kultant dan ninsieh fil-każ tiegħi stess.”
It-teżorija tagħna ta’ barkiet ta’ qdusija missjunarja lill-Mulej hija għanja u mimlija. Il-finanzi, iż-żmien stipulat, u ċirkostanzi oħra spiss mhumiex faċli. Iżda meta missjunarji ta’ kull età u sfond jikkonsagraw il-qdusija lill-Mulej, l-affarjiet jistgħu jitfasslu skont l-orarju u l-manjiera tal-Mulej.
Issa b’perspettiva ta’ 48 sena, missjunarju anzjan jistqarr magħna, “Missieri riedni nidħol l-università, mhux immur missjoni. Għadda ftit taż-żmien, kellu attakk f’qalbu u miet ta’ 47 sena. Ħassejtni ħati. Kif stajt insewwi s-sitwazzjoni ma’ missieri?
“Iktar tard, wara li ddeċidejt li nservi missjoni, ħlomt b’missieri. Kien jidher fil-paċi u sodisfatt, kuntent li jien kont se nservi.”
Il-missjunarju anzjan ikompli, “Kif tgħallem Doctrine and Covenants 138 , jien nemmen li missieri jista’ jservi bħala missjunarju fid-dinja tal-ispirti. Nimmaġina lil missieri jgħin lill-bużnannu tagħna, li telaq mill-Ġermanja meta kellu 17-il sena u l-famija ma semgħetx iżjed bih, biex jerġa’ jinstab mill-ġdid.”
Martu żżid tgħid, “Fost il-ħames aħwa fil-familja ta’ missieri, l-erbgħa li servew missjoni huma dawk li għandhom lawrji avvanzata universitarja.”
Il-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum qisha bħal missjunarju żagħżugħ li qed jirritorna li tgħallem kif iħalli lil Alla jieħu kontroll f’ħajtu. Iktar qabel, meta ntalab ibierek lil xi ħadd li kien marid serjament, il-missjunarju qal, “Jien għandi l-fidi; ħa nbierku biex ifiq. Madanakollu,” qal il-missjunarju meta rritorna, “tgħallimt f’dak il-mument biex nitlob mhux għal dak li ridt, imma għal dak li l-Mulej kien jaf li l-persuna kienet teħtieġ. Berikt lil ħuna bil-paċi u l-faraġ. Wara ħalla din il-ħajja b’mod seren.”
Il-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum tinħass bħal xrara għaddejja mill-velu biex tikkonnetja, tfarraġ, u tqawwi. Amministratur f’università importanti jgħid li jħoss individwi, li jaf biss bir-reputazzjoni, jitolbu għalih. Dawk l-individwi ddedikaw ħajjithom lill-università u jkomplu juru interess kbir dwar il-missjoni tagħha u l-istudenti tagħha.
Oħt tagħmel l-almu tagħha kuljum, wara li żewġha kien infidil magħha u telaq lilha u lil uliedhom. Nammira ħafna, u nies oħra bħalha. Ġurnata waħda meta kienet qed titwi l-ħwejjeġ, u ħadet f’idha qabda garments mitwijin, tniehdet u lissnet bejnha u bejn ruħha, “X’jiswa dan kollu?” Hija ħasset leħen ħlejju jassigura, “Il-patti tiegħek huma miegħi.”
Għal 50 sena sħaħ, oħt oħra xxenqet għal relazzjoni ma’ missierha. “Meta kont għadni żgħira,” qalet, “kien hemm ħuti subien u l-papà u mbagħad kien hemm jien—l-unika tifla. Kull ma xtaqt kien li nkun ‘tajba biżżejjed’ għall-papà.
“Imbagħad, mietet il-mamà! Kienet l-uniku pont bejn il-papà u jien.
“Ġurnata minnhom smajt leħen jgħid, ‘Stieden lill-papà u ħudu fit-tempju miegħek.’ Dak kien il-bidu ta’ appuntament ta’ darbtejn fix-xahar mal-papà fil-dar tal-Mulej. Lill-papà għidtlu li nħobbu. U hu qalli li jħobbni wkoll.
“Li nqattgħu ħin flimkien fid-dar tal-Mulej fejqitna. Il-mamà ma setgħetx tgħinna meta kienet fid-dinja. Kien jeħtiġilha tkun fuq in-naħa l-oħra tal-velu biex tgħin li jissewwa dak li kien miksur. It-tempju ġab fis-seħħ il-vjaġġ tagħna għall-isħuħija bħala familja eterna.”
Il-missier jgħid, “Id-dedikazzjoni tat-tempju kienet esperjenza spiritwali kbira għalija u għal binti waħdanija. Issa nattendu flimkien u nħossu l-imħabba tagħna tissaħħaħ.”
Il-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum tinkludi l-mumenti teneri meta nies li aħna nħobbu jħallu din id-dinja. Iktar kmieni din is-sena, l-għażiża ommi, Jean Gong, żelqet fl-immortalità ftit jiem biss qabel l-għeluq it-98 sena tagħha.
Kieku kellek tistqasi lil ommi, “Trid ġelat rocky road, jew ġinġer biċ-ċikkulta bajda, jew ġelat tal-frawli?” il-mamà kienet twieġeb, “Iva, jekk jogħġbok, nista’ nduqhom kollha?” Min seta’ jgħidilha “le” lil ommi, la kienet tħobb it-togħmiet kollha tal-ħajja?
Darba staqsejt lil ommi liema kienu dawk id-deċiżjonijiet li l-iktar fasslulha ħajjitha.
Weġbitni, “Li nkun mgħammda membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u nitlaq mill-Hawaii għall-kontinent, fejn iltqajt ma’ missierek.”
Mgħammda meta kellha 15-il sena, u l-unika waħda mill-familja kbira tagħha li ngħaqdet mal-Knisja, ommi kellha fidi tal-patt u fiduċja fil-Mulej li berkulha ħajjitha u lill-ġenerazzjonijiet kollha tal-familja tagħna. Nimmssjaha lil ommi, kif intom timmissjaw membri fil-familja tagħkom. Imma naf li ommi ma telqitx. Sempliċiment mhijiex hawn bħalissa. Jien nonoraha u lil dawk kollha li jmutu bħala eżempji qalbenin ta’ qdusija lill-Mulej ta’ kuljum.
Naturalment, il-qdusija lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum tfisser li mmorru iktar għand il-Mulej fil-dar qaddisa tiegħu. U dan jgħodd sew jekk aħna membri tal-Knisja u sew jew aħna ħbieb tagħha.
Tliet iħbieb żaru t-Tempu ta’ Bangkok fit-Tajlandja meta kien miftuħ għall-pubbliku.
“Dan huwa post ta’ fejqan mill-aqwa,” qal wieħed minnhom.
Fil-battisteru, ieħor qal, “Meta nkun hawnhekk, inkun irrid li ninħasel sa ma niġi nadif tazza u qatt iżjed ma nerġa’ nindem.”
It-tielet wieħed qal, “Tistgħu tħossu l-qawwa spiritwali?”
B’seba’ kelmiet sagri, it-tempji tagħna jistiednu u jipproklamaw:
“Qdusija lill-Mulej.
Il-qdusija lill-Mulej tagħmel l-għixien ta’ kuljum xi ħaġa sagra. Tressaqna eqreb u iktar kuntenti lejn il-Mulej u lejn xulxin u tħejjina biex ngħixu ma’ Alla Missierna, Ġesù Kristu, u l-maħbubin tagħna.
Kif ġratilha l-ħabiba tiegħi, forsi tiddubita kemm Misserek fis-Smewwiet iħobbok. It-tweġiba hija iva mill-aktar ċara u assoluta! Aħna nistgħu nħossu l-imħabba tiegħu hekk kif nagħmlu l-qdusija lill-Mulej tagħna kuljum, ferħanin u għal dejjem. Jalla dejjem ikun hekk, jiena nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.