Konferenza Ġenerali
Alla Jħobb lil Uliedu Kollha
konferenza ġenerali Ottubru 2024


9:37

Alla Jħobb lil Uliedu Kollha

Ġesù Kristu dejjem jinsab isejħilna, u Huwa jużana, aħna l-qaddejja ordinarji tiegħu, biex ngħinuh inressqu l-uliedu lejh.

Jixtieq minnkom Missierna fis-Smewwiet? Tifhmu li meta kontu fl-eżistenza primortali tagħkom, Missierna fis-Smewwiet kien qed iħejjikom għall-ħajja tagħkom fuq l-art? Meta kien qed ikellem liż-żgħażagħ, il-President Russell M. Nelson għallem “Missierna fis-Smewwiet baqa’ jżomm ħdejh ħafna mill-ispirti l-aktar nobbli tiegħu—probabbilment … l-ifjen tìm tiegħu—għal din il-fażi finali.” Peress li aħna ġejna riservati għal dawn l-aħħar żminijiet, hija ħaġa kruċjali li nitgħallmu nkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Il-Mulej Ġesù Kristu huwa r-Ragħaj it-Tajjeb u Hu jagħraf il-merħla tiegħu, u l-merħa tagħraf lir-Ragħaj tagħha għaliex “hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu b’isimhom.” Huwa dejjem jinsab isejħilna, u Huwa jużana, aħna l-qaddejja ordinarji tiegħu, biex ngħinuh inressqu l-uliedu lejh.

Żmien ilu, jien u president tal-pal konna qed inżuru l-membri tal-Knisja f’inħawi fil-lokal. Wara li temmejna ż-żjarat skedati tagħna, il-president tal-pal staqsieni biex immorru nżuru familja oħra. Huwa ħass li kellna mmorru nkellmuhom.

Aħna ħabbatna fuq il-bieb u ġiet tiftaħ waħda minn ħutna. Hi ħaret lejja, iżda ma kenitx taf min jien, għalhekk ma għamlet l-ebda reazzjoni. Jiena ppuntajt idi lejn il-president tal-pal, li sellmilha b’isimha. Hekk kif lilu semgħet u rat, bdiet tifraħ. Weqfin fil-bieb, huma għannqu lil xulxin u bkew flimkien. Din ix-xena kkaratterizzat iż-żjara tagħna. Ma kontx naf li din oħtna kienet għadha kemm irċeviet il-kimoterapija l-jum ta’ qabel. Bdiet tħossha dgħajfa wisq biex iddur b’binha li kien adult. Għalhekk, jiena għent lill-president tal-pal ilibbes lil binha, u poġġejnieh fis-siġġu tar-roti. Tmajnieh l-ikel li ġabet aktar kmieni oħt simpatika oħra mill-qasam, u għenna f’affarijiet oħra. Qabel ma ħallejna darhom, kellna l-opportunità li nberkuhom.

Dak kollu li kien għaddej minn moħħi waqt din iż-żjara kien konferma li Ġesù Kristu verament iħobbhom. Huwa jifhimhom u personalment jaf l-uġigħ tas-sitwazzjoni unika tagħhom. Iż-żjara seħħet kważi kollha fis-silenzju. F’din l-okkażjoni aħna m’għamilna l-ebda diskors kbir u lanqas ma qsamna magħhom xi skrittura favorita, iżda l-Mulej berikna bil-kotra bl-Ispirtu tiegħu.

Waħda mil-akbar raġunijiet għalfejn Missierkom fis-Smewwiet bagħatkom hawn f’dan iż-żmien hi biex intom tilħqu l-potenzjal sħiħ tagħkom. Preach My Gospel jgħallima li bħala dixxipli ta’ Kristu, għandna nevitaw li nqabblu lilna nfusna wieħed mal-ieħor. L-abbiltajiet spiritwali tagħkom huma uniċi, personali u intrinsiċi, u Missierkom fis-Smewwiet irid jgħinkom tiżviluppawhom. Dejjem se ssibu lil xi ħadd li tistgħu tgħinuh iħoss l-imħabba ta’ Missierkom fis-Smewwiet. Il-potenzjal tagħkom hu divin. Filwaqt li bla dubju hu importanti li tħejju lilkom infuskom biex tirnexxu f’din id-dinja mill-aktar kompetittiva, waħda mill-missjonijiet kruċjali tagħkom tul ħajjitkom hi li ssiru dixxipli ta’ Ġesù Kristu u nimxu skont is-suġġerimenti tal-Ispirtu. Hekk kif tagħmlu dan, Alla jbierek ħajjitkom, Huwa jbierek il-familja kurrenti jew futura tagħkom, u jbierek il-ħajja ta’ wliedu li tiltaqgħu magħhom.

Aħna ninsabu ngħixu fi żmien ta’ opportunità kbira. Minkejja li niffaċċjaw bosta diffikultajiet, jiena naf li dawn huma wkoll biex jagħtuna ċ-ċans ngħinu lil ħaddieħor iħoss l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet. Il-President Nelson għallem, “Fil-jiem li ġejjin, se naraw l-akbar manifestazzjoni tal-qawwa tas-Salvatur li d-dinja qatt rat.” Aħna għandna l-privileġġ li nieħdu ħsieb lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna, xi tgħannieqa, sentiment ta’ faraġ, jew sempliċiment li aħna nkunu magħhom fis-silenzju. Jekk nistgħu nħaffu t-tagħbija tagħhom, anke jekk għal ftit, aħna nkunu nistgħu naraw il-manifestazzjonijiet kbar tal-qawwa tas-Salvatur f’ħajjithom.

Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jistgħu jagħmlu differenza pożittiva fid-dinja. Nistgħu nipprovdu sens ta’ hena li jiġi rifless fid-dehra tagħna—hena li nistgħu naqsmu permezz ta’ kliem ta’ mħabba u għemejjel ta’ tjieba. Ejja nkunu ġirien tajbin, emplojers tajbin, ħaddiema tajbin. Ejja nagħmlu li tistgħu biex inkunu Kristjani tajbin f’kull ħin.

Il-Mulej irrestawra l-evanġelju tiegħu bl-ordinanzi neċessarji biex ulied Missierna fis-Smewwiet ikun jista’ jkollhom il-wegħdiet kollha li jorbtuna miegħu. Meta ngħinu lil ħutna fl-isfidi tagħhom ta’ kuljum, ejjew niftakru wkoll biex ngħinuhom jagħmlu u jħarsu dawn il-wegħdi sagri li għamlu ma’ Missierhom fis-Smewwiet biex Hu jkun jista’ jwegħidhom l-ogħla barkiet f’din il-ħajja u fl-eternità. Dawn il-barkiet huma possibbli biss permezz tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-imfietaħ tas-saċerdozju tiegħu.

Fi kliem ieħor, aħna nistgħu ngħinu lil ħaddieħor jibqa’ fit-triq tal-patt. Minn żmien għall-ieħor, xi wħud minna niddevjaw minn dik it-triq, u għalhekk jeħtieġ niftakru li għal Missierna fis-Smewwiet, dejjem għanda l-possibbiltà li nerġgħu lura. Anke jekk ir-rotta tagħna mhijiex dejjem l-aktar waħda perfetta, is-Salvatur dejjem ifakkarna, “Kemm-il darba aħna nindmu u nfittxu l-maħfra, b’intenzjoni ġenwina, aħna niġu maħfura.”

Waħda mit-tattiċi tal-avversarju llum hi li jġegħelna naħsbu u nemmnu li m’hemm l-ebda mod kif aħna nistgħu ninbidlu jew li m’għandniex aktar tama. Dan il-ħsieb distruttiv iwassal lil bosta biex jiequ jippruvaw. U huwa f’dan il-mument meta l-imħabba tagħna, il-kliem ta’ nkuraġġiment u sapport tagħna, il-ħin tagħna, u l-għajnuna tagħna jistgħu jwasslu t-tama lil dak li jkun biex jerġa’ jipprova għal darb’oħra.

Jista’ jkun li qed tgħidu, “Sewwa, iżda min se jiġi jaqdi lili?” Meta mmorru u nbierku l-ħajja ta’ ħutna, aħna niġbru għadd ta’ testimonjanzi li jimlew ħajjitna bil-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu. Dawn it-testimonjanzi jagħtuna l-ħajja mill-ġdid biex nerġgħu nippruvaw. L-ispirtu s-Santu jsaħħaħna u jgħinna b’testimonjanzi ġodda biex inkomplu għaddejjin minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi personali tagħna. Kull meta nfittxu li nbierku l-ħajja ta’ ħaddieħor, il-Mulej iħenn għalina ferm aktar; Huwa jsaħħaħna u jgħinna f’ħajjitna.

Jekk jogħġobkom ftakru li l-Mulej Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħkom u jifhimkom personalment. Huwa jaf xi tfisser li jkollok twettaq sejħa u tħalli warajk ċerti affarijiet biex tgħin lil ulied Alla. Hu għandu l-qawwa li jberikkom f’kollox, jekk temmnu fih u ma tiddubitawx.

Għeżież ħuti, dwar dak il-jum li fih mexxej tas-saċerdozju ħass li kellna mmorru nżuru omm u binha, ħaġa li ma kenitx fuq l-aġenda tagħna, jien niddikjara li Alla kien jaf li huma kellhom bżonna. U fl-aħħar mill-aħħar, kont jien li ġejt moqdi. Dakinhar, irċevejt waħda mill-akbar lezzjonijiet dwar l-imħabba tas-Salvatur għalina.

Nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja, li Huwa jgħix, li Hu għex u miet għalikom u għalija, u li Huwa qam mill-imwiet għalikom u għalija biex aħna naspiraw għal riunjoni ċelestjali mimlija hena ma’ dawk li diġà jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Jien naf li Huwa jifhem lilkom u lili perfettament. Huwa jifhem kull wieħed mill-mumenti diffiċli tagħna, u għandu l-qawwa li jgħinna f’dawk il-mumenti meta nħossuna l-aktar vulnerabbli. Jiena naf li l-Mulej Ġesù Kristu u Missierna fis-Smewwiet dehru lil Joseph Smith biex jirrestawraw l-evanġelju f’dawn l-aħħar żminijiet. Jiena naf li l-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, huwa profeti tal-Mulej, u jiena nixhed dwar dawn il-ħwejjeġ f’isem Ġesù Krtistu, Ammen.