Konferenza Ġenerali
Il-Mulej Ġesù Kristu Se Jerġa’ Jiġi
konferenza ġenerali Ottubru 2024


Il-Mulej Ġesù Kristu Se Jerġa’ Jiġi

Issa huwa l-mument għalikom u għalija biex nitħejjew għat-Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, jiena grat li l-Mulej berikni li nista’ nitkellem magħkom.

F’din il-konferenza, il-Mulej kellimna permezz tal-qaddejja tiegħu. Bil-ħerqa nitlobkom biex tistudjaw il-messaġġi tagħhom. Użawhom bħala test li jurikom x’inhu veru, u x’mhux, f’dawn is-sitt xhur li ġejjin.

Il-priżervazzjoni u r-rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake, u nħawi oħra fil-Pjazza tat-Tempju, ilhom għaddejjin kważi ħames snin. Bħalissa kollox qed juri li dan ix-xogħol se jitlesta sal-aħħar tal-2026. Aħna grati lejn dawk kollha li qed jaħdmu fuq dan il-proġett massiv.

F’dawn l-aħħar sitt xhur, aħna ddedikajna jew iddedikajna mill-ġdid disa’ tempji f’ħames pajjiżi. Bejn issa u l-aħħar tas-sena, se nkunu ddedikajna ħamsa oħra.

Illum, bi pjaċir se nħabbru l-pjanijiet li nibnu 17-il tempju ieħor. Jekk jogħġobkom isimgħu b’reverenza hekk kif jiena nħabbar il-postijiet.

  • Juchitán de Zaragoza, Messiku

  • Santa Ana, El Salvador

  • Medellín, Kolombja

  • Santiago, Dominican Republic

  • Puerto Montt, Ċilè

  • Dublin, Irlanda

  • Milan, Italja

  • Abuja, Niġerja

  • Kampala, Uganda

  • Maputo, Mozambique

  • Coeur d’Alene, Idaho

  • Queen Creek, Arizona

  • El Paso, Texas

  • Huntsville, Alabama

  • Milwaukee, Wisconsin

  • Summit, New Jersey

  • Price, Utah

Għeżież ħuti, qegħdin taraw x’inhu jiġri quddiem għajnejna? Nitlob li ma mmorrux ma nindunawx x’mument majestuż hu dan! Il-Mulej tassew jinsab iħaffef il-ħidma tiegħu.

Għalfejn qegħdin nibnu t-tempji b’pass daqstant mgħaġġel? Għalfejn? Għax il-Mulej talabna biex nagħmlu dan. Il-barkiet tat-tempju jgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Dawn il-barkiet jgħinu wkoll biex iħejju nies li jistgħu jgħinu jħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej!

It-Tieni Miġja tas-Salvatur

Kif ħabbar il-profeta Isaija, u kif huwa mfakkar f’ Messiah, ta’ Handel, meta Ġesù Kristu jerġa’ lura, “tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa.”

F’dak il-jum, “is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.”

Ġesù Kristu se jkun qed jiggverna kemm minn Ġerusalemm l-antika kif ukoll minn Ġerusalemm il-Ġdida “mibnija fuq il-kontinent Amerikan.” Minn dawn iż-żewġ ċentri, Huwa se jmexxi l-ħidma tal-Knisja tiegħu.

F’dak il-jum, il-Mulej se jkun magħruf bħala “s-Sultan tas-Slaten u s-Sid tas-Sidien.” Dawk li se jkunu miegħu se jkunu “msejħin, u magħżulin. u fidili.”

Ħuti, issa huwa l-mument għalikom u għalija biex nitħejjew għat-Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Issa huwa ż-żmien li naraw li d-dixxipulat tagħna huwa l-ogħla prijorità tagħna. F’dinja mimlija distrazzjoni li tgħajjik, kif nistgħu nagħmlu dan?

It-Tempju ta’ Ruma, l-Italja

Il-qima regolari fit-tempju żgur li tgħinna. Fid-dar tal-Mulej, aħna niffokaw fuq Ġesù Kristu. Aħna nitgħallmu minnu. Aħna nagħmlu patti biex nimxu warajh. Aħna nsiru nafuh. Hekk kif inħarsu l-patti tagħna tat-tempju, aħna niksbu aċċess akbar għall-qawwa setgħana tal-Mulej. Fit-tempju, aħna nirċievu l-protezzjoni mid-daqqiet ta’ ħarta tad-dinja. Aħna nesperjenzaw l-imħabba safja ta’ Ġesù Kristu u ta’ Missierna fis-Smewwiet b’abbundanza kbira! Aħna nħossu fina l-paċi u riassigurazzjoni spiritwali, b’kuntrast mat-taqlib tad-dinja.

Din hija l-wegħda tiegħek lilkom: Kull min ifittex b’sinċerità lil Ġesù Kristu jsibu fit-tempju. Intom tħossu l-ħniena tiegħu. Intom issibu tweġiba għall-aktar mistoqsijiet frustranti tagħkom. Intom tibdew tifhmu aħjar l-hena tal-evanġelju tiegħu.

Jiena tgħallimt li l-aktar mistoqsija kruċjali li aħna lkoll għandna nwieġbu hi din: Għal min u għal xiex se niddedika ħajti?

Il-President Nelson bħala kirurgu.

Id-deċiżjoni tiegħi li nimxi wara Ġesù Kristu hija l-aktar deċiżjoni importanti li qatt ħadt. Fi żmien l-iskola medika jiena ksibt testimonjanza tad-divinità ta’ Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-Salvatur tagħna kien il-blata li fuqha bnejt ħajti. Dik l-għażla għamlet id-differenza kollha! Dik id-deċiżjoni wasslet biex bosta deċiżjonijiet oħra jkunu aktar faċli. Dik id-deċiżjoni tagħtni skop u direzzjoni. Għenitni wkoll nikkalma l-maltemp tal-ħajja. Ippermettuli naqsam magħkom żewġ eżempji:

L-ewwel, meta marti Dantzel mietet bla mistenni, ma stajt nagħmel kuntatt ma ħadd minn uliedna. Hemm jiena kont ninsab waħdi, imnikket għall-aħħar u fi bżonn kbir għall-għajnuna. Jiena grat li permezz tal-Ispirtu tiegħu, il-Mulej urieni għalfejn l-għażiża Dantzel kienet ittieħdet lura d-dar. Permezz ta’ dak l-għarfien, jiena mtlejt bil-faraġ. Maż-żmien, kont kapaċi aktar niffaċċja n-niket tiegħi. Aktar tard, jiena żżewwiġt lill-għażiża mara tiegħi, Wendy. Hija kienet fil-qalba tat-tieni eżempju tiegħi.

Meta jiena u Wendy ġejna mibgħuta fuq ħidma f’art imbiegħda, kien hemm ħallelin armati li poġġewli arma ma’ rasi u ġibdu l-grillu. Iżda l-arma ma ħaditx. F’dik l-esperjenza, ħajjitna t-tnejn kienet fil-periklu. Iżda jien u Wendy ħassejna fina paċi innegabbli. Kienet paċi li “l-ebda moħħ jista’ jifhem.”

Ħuti, lilkom il-Mulej ifarraġkom ukoll! Huma jqawwikom. Huwa jberikkom bil-paċi, fost it-taqlib tal-ħajja.

Il-Mulej Ġesù Kristu.

Jekk jogħġobkom isimgħu din il-wegħda li qed jagħmlilkom Ġesù Kristu: “Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.”

Il-kapaċità li biha s-Salvatur jgħinkom m’għandhiex limitu. It-tbatija inkomprensibbli tiegħu fil-Ġetsemani u fuq il-Kalvarju kienet għalikom! L-Espjazzjoni infinita tiegħu hija għalikom!

B’ħerqa nitlobkom biex tiddedikaw ħin kull ġimgħa—biex tkabbru l-għarfien tagħkom tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Qalbi titnikket għal dawk li jinsabu mċappsin bid-dnub u ma jafux kif jeħilsu minnu. Nibki għal dawk li qed jitqabdu spiritwalment jew li qed iġorru tagħbija tqila weħidhom għaliex ma jifhmux x’għamel għalihom Ġesù Kristu.

Ġesù Kristu ħa fuqu nnifsu d-dnubiet tagħkom kollha, l-uġigħ tagħkom kollu, l-uġigħ il-qalb tagħkom kollu, u l-mard tagħkom kollu. M’għandkomx għalfejn iġġorruhom weħidkom! Huwa jaħfrilkom hekk kif intom tindmu. Huwa jberikkom b’dak li teħtieġu. Huwa jfejjaq ir-ruħ imġarrba tagħkom. Hekk kif torbtu l-madmad tagħkom miegħu, it-tagħbija tagħkom teħfief. Jekk intom tagħmlu u tħarsu l-patti li sejrin timxu wara Ġesù Kristu, issibu li l-mumenti diffiċli ta’ ħajjitkom huma temporanji. It-tbatija tagħkom “tinbela fil-hena ta’ Kristu.”

La huwa kmieni wisq u lanqas tard wisq biex intom issiru dixxipli devoti ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad intom tesperjenzaw il-milja tal-barkiet tal-Espjazzjoni tiegħu. Intom tkunu aktar effettivi biex tgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.

It-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, fi żmien li għandu jiġi, Ġesù Kristu se jerġa’ lura fid-dinja bħala l-Messija millennjali. Għalhekk illum jien nħeġġiġkom biex tiddedikaw ħajjitkom mill-ġdid għal Ġesù Kristu. Nitlobkom biex tgħinu tiġbru flimkien lil Iżrael u tħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej. Nitlobkom biex titkellmu dwar Kristu, tixhdu dwar Kristu, jkollkom il-fidi fi Kristu, u tithennew fi Kristu!

Ersqu ljn Kristu u “offru ruħkom kollha” lilu. Dan hu s-sigriet ta’ ħajja hienja!

L-aqwa żmien għad irid jiġi, ħuti, għax is-Salvatur reġa’ ġej! L-aqwa żmien għad irid jiġi għax il-Mulej qed iħaffef il-ħidma tiegħu. L-aqwa żmien għad irid jiġi hekk kif aħna ndawru għal kollox qalbna u ħajjitna lejn Ġesù Kristu.

Naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi li Ġesù Kristu hu Iben Alla. Jiena d-dixxiplu tiegħu. Jiena onorat li jiena l-qaddej tiegħu. Fit-Tieni Miġja tiegħu, “tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa.” Dak il-jum se jkun mimli hena għat-twajbin!

Permezz tal-qawwa tal-imfietaħ sagri tas-saċerdozju li jiena nħaddan, inħabbar lilkom u lid-dinja kollha din il-verità. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju ta’ Manti Utah Temple (il-President Russell M. Nelson, 21 ta’ April); Tempju ta’ Urdaneta, il-Filippini (il-President Dallin H. Oaks, 28 ta’ April); it-Tempju ta’ Puebla, il-Messiku (il-Presbiteru Gerrit W. Gong, 19 ta’ Mejju); it-Tempju ta’ Taylorsville, Utah (il-Presbiteru Gerrit W. Gong, 2 ta’ Ġunju); it-Tempju ta’ Cobán, il-Gwatemala (il-Presbiteru Dale G. Renlund, 9 ta’ Ġunju); it-Tempju ta’ Salta, l-Arġentina (il-Presbiteru D. Todd Christofferson, 16 ta’ Ġunju); it-Tempju ta’ Layton, Utah (il-Presbiteru David A. Bednar, 16 ta’ Ġunju); it-Tempju ta’ Pittsburgh, Pennsylvania (il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf, 15 ta’ Settembru); it-Tempju ta’ Mendoza, l-Arġentina (il-Presbiteru Ronald A. Rasband, 22 ta’ Settembru).

  2. It-Tempju ta’ San Pedro Sula, il-Ħonduras (13 ta’ Ottubru); it-Tempju ta’ Salvador, il-Brażil (20 ta’ Ottubru); it-Tempju ta’ Deseret Peak, Utah (10 ta’ Novembru); it-Tempju ta’ Casper, Wyoming (24 ta’ Novembru); it-Tempju ta’ Tallahassee, Florida (8 ta’ Diċembru).

  3. Ara Doctrine and Covenants 88:73.

  4. Isaija 40:5; ara wkoll George Frideric Handel, “And the Glory of the Lord,” The Messiah, ed. T. Tertius Noble (1912), 16–18.

  5. Isaija 9:6.

  6. Ara Żakkarija 14:4–7; Doctrine and Covenants 45:48–66; 133:19–21; ara wkoll Mika 4:2: “Għax minn Sijon toħroġ il-liġi, u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.”

  7. Artikli tal-Fidi 1:10; ara wkoll Għeter 13:3–10; Doctrine and Covenants 84:2–4.

  8. Apokalissi 19:16; Apokalissi 17:14.

  9. Ara Alma 34:32.

  10. Tafu tħossukom tridu tgħidu kif qal Għammon, “Min qatt jixba’ jithenna fil-Mulej? … Araw, jiena ngħidilkom, … m’għandix kliem biex niddeskrivi mqar farka minn dak li qed inħoss” (Alma 26:16).

  11. Ara Ħelaman 5:12.

  12. Filippin 4:7.

  13. Doctrine and Covenants 84:88.

  14. Ara Alma 7:11–12; ara wkoll Luqa 4:18.

  15. Ara Alma 7:12.

  16. Ara Salm 147:3; Ġakobb 2:8.

  17. Ara Mosija 24:14.

  18. Alma 31:38.

  19. Ara 2 Nefi 25:26.

  20. Omni 1:26.