Kun Imfejjaq
L-indiema ta’ kuljum twassalna biex nagħrfu l-gwida tal-Mulej permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Meta kelli madwar ħames snin, kont qed nilgħab il-futbol ma’ sħabi wara l-knisja fir-raħal żgħir tiegħi ġewwa l-Kosta tal-Ivorju. Għadni niftakar b’mod ċar il-predikatur jgħajjat lill-kongregazzjoni tiegħu biex inaddfu lbieshom bi tħejjija għall-wasla tas-Salvatur. Ta’ tifel li kont, jien dak li qal ħadtu b’mod letterali. Jien tlaqt b’ġirja lejn id-dar u tlabt b’ħerqa lil ommi biex tnaddaf il-ftit ilbies li kelli ħalli l-għada jiena nkun bla tebgħa u lest għall-miġja tas-Salvatur. Minkejja li ommi kienet xettika dwar il-wasla imminenti tas-Salvatur, hija xorta waħda ħaslitli l-aħjar ilbiex li kelli.
L-għada filgħodu, jiena lbist il-ħwejjeġ li kienu għadhom lanqas nixfu għal kollox u bdejt nistenna b’ħerqa l-aħbar tal-wasla tas-Salvatur. Hekk kif il-jum kien kważi għadda u xejn ma ġara, jien iddeċidejt li mmur fid-dar tal-laqgħat. Tassew ħassejtni ddiżappuntat meta sibt li l-knisja kienet vojta u s-Salvatur ma kienx wasal. Tistgħu timmaġinaw kif ħassejtni jien u miexi bilmod lejn id-dar.
Snin wara, waqt li kont qed nirċievi l-lezzjonijiet missjunarji tiegħi bi tħejjija biex ningħaqad mal-Knisja ta’ Ġesù tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, jien qrajt li ġej: “U l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis-saltna tiegħu; għalhekk xejn ma jidħol fil-mistrieħ tiegħu ħlief dawk li ħaslu lbieshom f’demmi, minħabba l-fidi tagħhom, u l-indiema tagħhom minn kull dnub li wettqu, u minħabba l-fedeltà tagħhom sal-aħħar.”
Il-kjarifika li kont irċevejt dak il-ħin għenitni biex nifhem il-verità importanti li kienet ħawdet il-moħħ teneru tiegħi bosta snin qabel. Il-messaġġ tal-predikatur kien iċċentrat fuq l-importanza tas-safà spiritwali. Huwa ħeġġeġ lill-kongregazzjoni biex ifittxu l-indiema, jagħmlu ċertu tibdil f’ħajjithom, u jduru lejn is-Salvatur għall-indiema.
Missierna fis-Smewwiet jifhem il-vjaġġ mortali tagħna u l-inevitabilità tad-dnub f’ħajjitna. Jiena verament grat li Huwa pprovdielna Salvatur biex ipatti għat-trasgressjonijiet tagħna. Permezz tas-sagrifiċċju ta’ fidwa tas-Salvatur, ilkoll kemm aħna nistgħu nindmu u nfittxu l-maħfra u nindafu. L-indiema, prinċipju fundamentali tal-evanġelju, hija essenzjali għall-iżvilupp u r-reżiljenza spiritwali tagħna hekk kif ninnavigaw qalb l-isfidi tal-ħajja.
Waqt il-konferenza ġenerali ta’ April 2022, il-President Russell M. Nelson stieden lill-membri kollha tal-Knisja biex jesperjenzaw l-hena tal-indiema ta’ kuljum. Huwa qal:
“Jekk jogħġobkom, tibżgħux jew ddumu ma tindmu. Satana jieħu gost bil-miżerja tagħkom. Eħilsu minnu. Keċċu l-influwenza tiegħu minn ħajjitkom! Ibdew mil-lum esperjenzaw il-ferħ li tneħħu minn fuqkom il-bniedem naturali. Is-Salvatur iħobbna dejjem iżda speċjalment meta nindmu. …
“Jekk tħoss li tbegħidt wisq mit-triq tal-patt u diffiċli ħafna terġa’ lura, dan sempliċiment mhuwiex minnu.”
Jekk hemm xi ħaġa li għadkom ma ndimtux minnha, inħeġġiġkom biex tagħtu widen għas-sejħa tal-President Nelson li ma toqogħdux tipposponu l-indiema tagħkom. Jaf ikollkom bżonn ftit tal-kuraġġ biex tingaġġaw ruħkom f’dan il-proċess; madankollu, niżgurakom li l-hena li tiġi mill-indiema ġenwina tegħleb dak li l-moħħ jista’ jifhem. Permezz tal-indiema, it-toqol tal-ħtija jitneħħa u jieħu postu sens ta’ paċi u trankwilità. Hekk kif b’ħerqa nindmu, aħna nitqaddsu permezz tad-demm tas-Salvatur, u nkabbru s-sensittività tagħna għas-suġġerimenti u l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.
Is-sieħba eterna tiegħi twieldet b’nuqqas fis-smiegħ, u b’hekk jeħtieġ li tilbes apparat biex tisma’ aħjar. It-trab u l-għaraq jistgħu jaffettwaw kif jaħdem dan l-apparat, u għalhekk kull filgħodu naraha tnaddaf b’diliġenza l-pajpijiet irqaq tiegħu qabel tilbsu. Din ir-rutina sempliċi madankollu konsistenti telimina kull trab, tira, jew kondensazzjoni, u għalhekk ittejjeb l-abbiltà li hija tisma’ u tikkomunika b’mod effettiv. Meta hija ma tagħmilx dan ir-ritwal ta’ kuljum, l-abbiltà tagħha li tisma’ tbati matul l-jum; il-kliem mitkellem ftit ftit ma jinstemax ċar u eventwalment ma jibqa’ jinstama’ xejn. L-istess bħat-tindif tal-apparat tas-smiegħ tagħha jwassalha biex tisma’ b’mod ċar, l-indiema tagħna ta’ kuljum twassalna biex nagħrfu l-gwida tal-Mulej permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Qrib it-tmiem tal-ministeru mortali tal-Mulej u qabel ma’ ħalla l-Ġnien tal-Ġetsemani, Huwa ħejja lid-dixxipli tiegħu biex jiffaċċjaw l-isfidi li kienu se jesperjenzaw. Huwa żgurahom billi qalilhom: “Imma d-Difensur, li hu l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.”
Waħda mill-funzjonijiet essenzjali tal-Ispirtu s-Santu hi li jwiddeb, u jiggwida lil kull individwu li jisma’ mil-leħen sieket u ġewwieni. L-istess kif il-pajpijiet irqaq tal-apparat tas-smiegħ jistgħu jwaqqfuh milli jiffunzjona sew, il-konnessjoni spiritwali tagħna ma’ Missierna fis-Smewwiet tista’ wkoll tibda taqta’ u twassal għal ċerti kunċetti perikolużi jew iżżommna milli nagħtu widen għall-parir tiegħu. Il-wasla tal-internet wasslet biex l-informazzjoni saret aktar aċċessibbli minn qatt qabel. Dan jista’ jwassal biex aħna nduru lejn id-dinja għall-gwida minflok lejn Alla. Il-President Russell M. Nelson għallem, “Fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”
Jiena grat li lkoll kemm aħna nistgħu nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu meta niġu kkonfermati. Madankollu, il-President Dallin H. Oaks widdibna li “l-barkiet disponibbli permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu niksbuhom jekk aħna nkunu denji u li ‘l-Ispirtu tal-Mulej ma jgħammarx f’tempji mhux qaddisa’ [Ħelaman 4:24].”
Meta aħna kuxjenzjożament nagħżlu li nimxu wara l-gwida tal-profeti u l-appostli, il-kapaċità tagħna li jkollna l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna tikber. L-Ispirtu s-Santu jipprovdi ċarezza fid-deċiżjoni li nieħdu, u jwassalna biex nirċievu ħsibijiet u suġġerimenti li huma f’armonija mar-rieda ta’ Missierna fis-Smewwiet. Li jkollna l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti hija ħaġa kruċjali għat-tkabbir spiritwali tagħna.
M’ilux jiena ġejt mitlub nippresedi fuq konferenza tal-pal, fil-Pal ta’ Salt Lake Granger West, f’Utah. Waqt dan l-avveniment, jiena ltqajt mal-president tal-pal li b’mod diliġenti żviluppa l-abbiltà tiegħu li jagħraf is-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu billi jgħix ħajja tajba u jindem ta’ kuljum. Bħala parti mill-ħidma tagħna tal-ministeru, aħna kkordinajna żjara fi tlett idjar. Hekk kif temmejna l-aħħar żjara tagħna, sibna li kien fadlilna nofs siegħa qabel ma mmorru fuq il-ħidma li kien imissna nagħmlu. Waqt li konna sejrin lura lejn iċ-ċentru tal-pal, il-President Chestnut ħass li kellna mmorru nżuru familja oħra. It-tnejn qbilna li nagħmlu kif kien ħass.
Aħna bqajna sejrin inżuru lill-familja Jones, fejn sibna lil Sister Jones mixħuta fuq sodda għax kienet marida. Kien jidher ċar li kellha bżonn barka tas-saċerdozju. Bil-permess tagħha, lilha aħna amministrajna. Waqt li konna qed inħejju biex nitilqu, Sister Jones staqsiet kif konna nafu bil-ħtieġa urġenti tagħha li tingħata barka. Il-verità hi, aħna ma konniex nafu. Madankollu, Missierna fis-Smewwiet, li kien konxju mill-ħtiġijiet tagħha, kien jaf u spira lill-President Chestnut biex inżuruha f’darha. Meta aħna nkunu riċettivi għall-gwida tal-leħen ħelu u sieket, aħna nkunu armati aħjar biex nimministraw b’mod aktar effettiv lil dawk fil-bżonn.
Nixhed dwar Missierna fis-Smewwiet li hu ħanin u li jħobbna. Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tal-umanità. Nixhed li l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hija reali u hekk kif nitgħallmu nimxu wara l-gwida tal-Ispirtu s-Santu, Huwa jmexxina biex nindmu u nużaw il-qawwa tal-Espjazzjoni tas-Salvatur f’ħajjitna. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta veru u ħaj tal-Mulej, bl-imfietaħ kollha tas-saċerdozju fid-dinja llum. F’isem Ġesù Kristu, ammen.