Nallinjaw ir-Rieda Tagħna ma’ Tiegħu
Li nimxu f’ħajjitna fuq ir-rieda tal-Mulej jippermettilna nsibu l-iktar ġawhra prezzjuża fid-dinja—is-saltna tas-smewwiet.
Darba minnhom, is-Salvatur tkellem dwar neguzjant li kien qed ifittex “ġawhar fin.” Matul it-tfittxija tiegħu, in-neguzjant sab waħda “li tiswa ħafna.” Madanakollu, biex jikseb din il-ġawhra tal-għaġeb dan ir-raġel kellu jbigħ ġidu kollu, xi ħaġa li għamel minnufih u bil-qalb kollha.
Permezz ta’ din il-parabbola qasira u mimlija ħsieb, is-Salvatur għallem b’mod mill-isbaħ li s-saltna tas-smewwiet tixbah lil ġawhra imprezzabbli, tabilħaqq l-iktar teżor prezzjuż li wieħed għandu jixxennaq għalih fuq kull ħaġa oħra. Il-fatt li n-neguzjant mill-ewwel biegħ ġidu kollu biex jikseb dik il-ġawhra ta’ valur kbir jindika b’mod ċar li aħna għandna nallinjaw moħħna u x-xewqat tagħna mar-rieda tal-Mulej u bir-rieda kollha nagħmlu dak kollu li nistgħu nagħmlu matul il-vjaġġ mortali tagħna biex niksbu l-barkiet eterni tas-saltna ta’ Alla.
Biex inkunu denji ta’ dan il-premju kbir, ċertament jeħtiġilna, fost ħwejjeġ oħra, li nagħmlu l-almu kollu tagħna biex inwarrbu l-għanijiet li jiċċentraw fuqna nfusna u nabbandunaw kull rabta li żżommna lura minn impenn totali lill-Mulej u l-modi ogħla u iktar qaddisa tiegħu. L-Appostlu Pawlu jirreferi għal dawn l-għanijiet li jqaddsu bħala li “jkollna fina l-ħsieb ta’ Kristu.” Kif jagħtina l-eżempju Ġesù Kristu, dan ifisser li “dejjem [nagħmlu] dak li jogħġob [lill-Mulej]” f’ħajjitna, jew skont kif jgħidu xi nies illum il-ġurnata, dan hu li “nagħmlu dak li jaqbel għall-Mulej.”
Fis-sens tal-evanġelju, “dak li jaqbel għall-Mulej” ifisser li nissottomettu r-rieda tagħna għar-rieda tiegħu. Is-Salvatur intenzonalment għallem l-importanza ta’ dan il-prinċipju waqt li kien qed jagħti struzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu:
“Għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.
“Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
“Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”
Is-Salvatur kiseb livell perfett u divin ta’ sottomissjoni għall-Missier billi ppermetta r-rieda tiegħu li tkun miblugħa mir-rieda tal-Missier. Huwa darba qal, “U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” Waqt li kien qed jgħallem lill-Profeta Joseph Smith dwar l-imrar u l-aguniji tal-Espjazzjoni, is-Salvatur qal:
“Araw, jiena, Alla, sofrejt dan kollu għall-bnedmin kollha, ħalli huma ma jsofrux, jekk huma jindmu; …
“Liema sofferenza wasslet biex jiena, l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, nitriegħed minħabba l-uġigħ, u nxerred demmi mill-pori kollha tiegħi u nsofri kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu—u rajt jekk stajtx ma nixrobx mill-kalċi, u jitbiegħed minni—
“Madankollu, glorja lill-Missier, u jiena xrobt u temmejt it-tħejjija tiegħi għal ulied il-bnedmin.”
Matul is-soġġorn tagħna fil-mortalità, ta’ spiss nitqabdu ma’ dak li naħsbu li nafu, ma’ dak li naħsbu li hu l-aħjar, u ma’ dak li naħsbu li jaqbel għalina, minflok ma nittantaw nifhmu dak li l-Missier fis-Smewwiet attwalment jaf, dak li hu eternament l-aħjar, u dak li assolutament jaqbel għal uliedu fi ħdan il-pjan tiegħu. Din it-taqbida kbira tista’ ssir kumplessa ħafna, speċjalment jekk wieħed jikkonsidra l-profeziji fl-iskrittura għal żminijietna: “Dan għandek tkun taf: li l-aħħar tad-dinja … Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; … iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.”
Sinjal wieħed li jindika t-twettiq ta’ din il-profezija hija t-tendenza li dan l-aħħar qed tikber fid-dinja, u li qed tiġi addottata minn ħafna, ta’ nies li qed jingħataw kompletament għalihom infushom u li kontinwament jipproklamaw, “Jiġri x’jiġri, jien ngħix il-verità tiegħi stess jew nagħmel dak li jaqbel lili.” Kif qal l-Appostlu Pawlu, “kulħadd ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu ta’ Ġesù Kristu.” Din l-manjiera ta’ ħsieb huwa ta’ spiss ġustifikat li huwa “awtentiku” minn dawk li jingħataw għall-għanijiet egoistiċi, preferenzi personali, jew iridu li jiġġustifikaw ċerti tipi ta’ mġiba li spiss ma taqbilx mal-pjan kollu mħabba ta’ Alla għal uliedu u r-rieda tiegħu għalihom. Jekk inħallu qalbna u moħħna jħaddnu din l-manjiera ta’ ħsieb, nistgħu noħolqu ostakli serji għalina nfusna biex niksbu l-iktar ġawhra ta’ siwi li Alla, fil-kobor ta’ mħabbtu, ħejja għal uliedu—il-ħajja eterna.
Għalkemm huwa minnu li kollha kemm aħna nivvjaġġaw vjaġġ ta’ dixxipulat individwali fuq it-triq tal-patt, filwaqt li nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu qalbna u moħħna ċċentrati fuq Ġesù Kristu, jeħtieġ li nkunu attenti u kontinwament viġilanti biex ma nkunux ittantati li naddottaw din il-manjiera ta’ filosofija tad-dinja għal ħajjitna. Il-Presbiteru Quentin L. Cook qal li “nkunu sinċerament Kristjani huwa objettiv iktar importanti minn li nkunu awtentiċi.”
Għażież ħbieb tiegħi, meta nagħżlu li nippermettu lil Alla jkun l-iktar influwenza qawwija f’ħajjitna iktar mill-għanijiet personali tagħna, aħna nkunu nistgħu nagħmlu progress fid-dixxipulat tagħna u nkattru l-kapaċità tagħna li nunifikaw moħħna u qalbna mas-Salvatur. Min-naħa l-oħra, meta ma nippermettux lill-mod ta’ Alla biex jipprevali f’ħajjitna, aħna nispiċċaw waħedna, u, mingħajr l-gwida ispiranti tal-Mulej, nistgħu niġġustifikaw kważi kull ħaġa li nagħmlu jew ma nagħmlux. Nistgħu wkoll insibu skużi għalina nfusna billi nagħmlu l-affarjiet kif jaqbel lilna, filwaqt li daqslikieku ngħidu, “Qed nagħmel l-affarjiet skont l-istil tiegħi.”
F’okkajoni minnhom, waqt li s-Salvatur kien qiegħed ixandar id-duttrina tiegħu, xi nies, partikolarment xi Fariżej li kienu jriduha ta’ ġusti, ċaħdu l-messaġġ tiegħu u b’ħanġra ddikjaraw li huma kienu wlied Abraham, u b’hekk implikaw li n-nisel tagħhom se jagħtihom pribileġġi speċjali quddiem Alla. Dik il-mentalità wasslithom biex jistrieħu fuq il-fehma tagħhom stess u ma jemmnux dak li kien qed jgħallem is-Salvatur. Ir-reazzjoni tal-Fariżej fil-konfront ta’ Ġesù kienet evidenza ċara li l-attitudni prużuntuża tagħhom ma kienet tħalli l-ebda post f’qalbhom għal kliem is-Salvatur u l-manjiera ta’ Alla. B’risposta, b’għerf u qlubija Ġesù ddikjara li jekk huma kienu ulied vera tal-patt ta’ Abraham, huma kienu jagħmlu l-ħidma ta’ Abraham, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li l-“Alla ta’ Abraham” kien wieqaf quddiemhom u jgħallimhom il-verità propju f’dak il-waqt.
Ħuti, kif tistgħu taraw, li naġixxu fi speċi ta’ ġinnastika mentali li “dak li jaqbel għalija kontra dak li jaqbel għall-Mulej” mhijiex xi moda ġdida li hija unika għal żmienna. Hija mentalità antika għomor li tmur lura sekli sħaħ u li ta’ spiss tagħmi li dawk li f’għajnejhom stess huma għorrief u tħawwad u tgħejji lil ħafna minn ulied Alla. Il-mentalità hija, fil-fatt, biċċa qerq antika tal-avversarju; hija trejqa mqarrqa li b’reqqa kbira tbiegħed lil ulied Alla mit-triq vera u ta’ fidi, it-triq tal-patt. Filwaqt li ċirkostanzi personali bħall-ġenetika, il-ġografija, u l-isfidi fiżiċi u mentali għandhom influwenza fuq il-vjaġġ tagħna, f’dawk l-affarjiet li huma l-iktar importanti, hemm spazju intern fejn aħna liberi li nagħżlu kemm jekk se niddeċiedu li nimxu fuq il-mudell li l-Mulej ħejja għal ħajjitna, u kemm jekk le. Sewwasew, “Hu lesta l-mogħdija u lestielna t-triq, u kull punt uriena.”
Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna nixtiequ nimxu fuq it-triq li hu mmarka għalina matul il-ministeru mortali tiegħu. Aħna mhux biss nixtiequ li nagħmlu r-rieda tiegħu u dak kollu li jogħġbu, imma nfittxu wkoll li nemitawh. Hekk kif nagħmlu l-almu tagħna li nkunu leali għal kull patt li għamilna u nimxu ma’ “kull kelma li toħroġ minn fomm Alla,” aħna se nkunu protetti biex ma nispiċċawx vittma għad-dnubiet u l-iżbalji tad-dinja—żbalji ta’ filosofija u duttrina li jbegħduna minn dawk il-ġawhar mill-aktar prezzjuż.
Jien kont personalment ispirat bid-daqs tal-impatt li din it-tip ta’ sottomissjoni spiritwali għal Alla ħalliet fuq il-ħajja ta’ dixxipli fidili ta’ Kristu, meta dawn jagħżlu li jagħmlu dak li jaqbel lill-Mulej u li jogħġbuh. Naf żagħżugħ li kien għadu mhux konvint dwar għandux imur missjoni u ħassu jispira ruħu biex imur iservi lill-Mulej meta sema’ mexxej anzjan tal Knisja jaqsam it-testimonjanza personali tiegħu ma’ oħrajn dwar l-esperjenza sagra li sservi bħala missjunarju.
Fi kliemu stess, dan iż-żagħżugħ, issa bħala missjunarju rritornat, qal: “Jien u nisma’ t-testimonjanza ta’ Appostlu tas-Salvatur Ġesù Kristu, stajt inħoss l-imħabba ta’ Alla għalija, u xtaqt li naqsam dik l-imħabba ma’ oħrajn. F’dak il-mument kont naf li kelli nservi missjoni minkejja l-beżgħat, id-dubji, u t-tħassib tiegħi. Ħassejtni totalment kunfidenti fil-barkiet u l-wegħdiet tal-Mulej għal uliedu. Illum il-ġurnata, jiena persuna ġdida; għandi testimonjanza li l-evanġelju huwa veru u li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu ġiet irrestawrata fid-dinja.” Dan iż-żagħżugħ għażel il-manjera tal-Mulej u sar eżempju ta’ dixxiplu veru f’kull aspett.
Mara żagħżugħa u ta’ fidi ddeċidiet li m’għandhiex tikkomprometti l-istandards tagħha meta ntalbet tilbes b’mod mhux xieraq biex tintegra ruha fis-sezzjoni tan-negozju tal-kumpanija tal-moda fejn kienet taħdem. Peress li kienet fehmet li ġisimha huwa rigal sagru mingħand Missierna fis-Smewwiet u post fejn jista’ jgħix l-Ispirtu, kienet imqanqla li tgħix skont standard ogħla minn dak tad-dinja. Mhux biss kisbet il-kunfidenza ta’ dawk li rawha tgħix skont il-verità tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, iżda wkoll żammet l-impjieg tagħha, li għal xi żmien kien hemm riskju li titlef. Ir-rieda tagħha li tagħmel dak li jingħoġob taħt ħarset il-Mulej, iktar milli dak li jaqbel għad-dinja, taha kunfidenza tal-patt f’nofs deċiżjonijiet diffiċli.
Ħuti, aħna ninsabu kkonfrontati l-ħin kollu b’deċiżjonijiet simili fil-vjaġġ tagħna ta’ kuljum. Jeħtiġilna qalb kuraġġuża u riżoluta biex nieqfu u nfittxu li nagħmlu eżami tal-kuxjenza, eżami onest u umli, biex nagħrfu l-preżenza tad-dgħufija tal-ġisem f’ħajjitna li jista’ jżomm l-abbiltà tagħna li nissottomettu lilna nfusna quddiem Alla, u ultimament niddeċiedu li naddottaw il-manjiera tiegħu milli dak tagħna. L-aħħar test tad-dixxipulat tagħna jinstab fir-rieda tagħna li nċedu u nerħu l-ego antik tagħna u nissottomettu qalbna u ruħna kollha lil Alla sabiex ir-rieda tiegħu ssir tagħna.
Waħda mill-aktar mumenti glorjużi tal-mortalità sseħħ meta aħna niskopru l-hena li tasal meta “dak li jaqbel għall-Mulej u jogħġbuh” u “dak li jaqbel għalina” jsiru l-istess ħaġa! Biex r-rieda tal-Mulej nagħmluha tagħna b’mod irrevokabbli u bla mistoqsijia jitlob dixxipulat majestuż u erojku! F’ dak il-mument sublimi, aħna nsiru kkonsagrati lill-Mulej, u totalment nċedu r-rieda tagħna lilu. Din it-tip ta’ sottomissjoni spiritwali, biex ngħidu hekk, hija sabiħa, qawwija, u trasformazzjonali.
Jien nixhed magħkom li li nimxu f’ħajjitna fuq ir-rieda tal-Mulej jippermettilna nsibu l-iktar ġawhra prezzjuża fid-dinja—is-saltna tas-smewwiet. Nitlob li aħna lkoll, fi żmien meqjus tagħna u meta jmissna, nkunu nistgħu niddikjaraw, bil-kunfidenza tal-patt, lil Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur Ġesù Kristu li “dak li jaqbel għalik, jaqbel għalija,” Jiena ngħid dawn il-ħwejjeġ fl-isem imqaddes tas-Salvatur Ġesù Kristu, ammen.