L-Iskrittura Sagra—is-Sisien tal-Fidi
Ma nistgħux nissottovalutaw is-sinifikat tal-iskrittura sagra kemm fil-konverżjoni kif ukoll biex nibqgħu fidili fl-evanġelju.
Jien u marti, Mary, m’ilux rajna flokk li fuqu kien hemm stampa ta’ ktieb u messaġġ fuq quddiem li jgħid, “Il-Kotba: l-Apparat li Jinżamm fl-Idejn Oriġinali.”
Ħsibt ftit dwar dan il-messaġġ interessanti u kif sar sinifikanti l-apparat li jinżamm fl-idejn ta’ kull għamla. Wara aktar kontemplazzjoni, irrealizzajt li kwalunkwe apparat, anke wieħed mgħammar b’intelliġenza artifiċjali qatt ma jista’ jkun importanti jew sinifikanti daqs il-gwida spiritwali li tasal permezz tar-rivelazzjoni divina.
Sew jekk jinżamm fl-idejn u sew jekk diġitali, il-Bibbja Mqaddsa u l-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu jipprovdulna l-gwida spiritwali u t-tagħlim mingħand Ġesù Kristu, is-Salvatur tad-dinja. Aħna ngħożżu dawn il-kotba għall-irwol profond tagħhom li jiddokumentaw id-direzzjoni ta’ Alla lill-profeti u lin-nies tal-qedem u l-gwida li huma jipprovdu għall-ħajja personali tagħna.
Flimkien mat-tagħlim tal-profeti ħajjin, din l-iskrittura sagra tipprovdilna d-direzzjoni duttrinali fid-dinja tal-lum. Din l-iskrittura hija l-aktar effettiva meta twassal it-tagħlim, il-korrezzjoni, il-faraġ, u l-konsolazzjoni lill-individwi u familji li jfittxu l-gwida mill-Mulej.
L-iskrittura, flimkien mal-ispirazzjoni spiritwali mill-Ispirtu s-Santu, tibqa’ tkun is-sors ewlieni li tiffaċilita l-konverżjoni ta’ dawk li għandhom qalb maqsuma u spirtu niedem u x-xewqa li jimxu wara Ġesù Kristu. L-iskrittura tgħinna nibnu s-sisien li kapaċi jikkumbattu l-isforzi kontinwi tal-avversarju biex idgħajfilna l-fidi tagħna.
Il-membri l-ġodda kienu ta’ barka għall-Knisja u tawha l-ħajja tul l-istorja tagħha. Eżempju ta’ dan huwa mill-aktar prezzjuż għalija. Meta kont għadni isqof żagħżugħ, żewġ sisters missjunarji meraviljużi kienu qed jgħallmu lill-familja ta’ William Edward Mussman. Il-missier, avukat mill-aktar kapaċi, kien il-konslu ġenerali ta’ korporazzjoni ewlenija. Janet, il-mara devota tiegħu, bdiet tagħmel li tista’ biex il-familja tagħhom jgħixu ħajja tixbah aktar lil Kristu.
L-ulied eċċezzjonali tagħhom, tifel u tifla, li t-tnejn kellhom fuq l-20, ukoll bdew jiġu mgħallma. L-erbgħa li huma rċevew il-lezzjonijiet u bdew jattendu l-knisja. Il-missjunarji nisa kienu għamlu enfażi li huma jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon u jitolbu li jiksbu testimonjanza ta’ dik l-iskrittura sagra. Notevolment, il-membri tal-familja qraw il-Ktieb ta’ Mormon kollu fi żmien mill-aktar qasir.
Il-missjunarji tal-pal, li t-tnejn li huma qabel kienu jservu bħala president tas-Soċjetà tas-Solliev, bdew jakkumpanjawhom għal-laqgħat tas-sagrament.
Hekk kif il-magħmudija tal-familja bdiet toqrob, huma rċevew għadd kbir ta’ kitba li tikkritika l-Knisja. Dak kien żmien qabel l-internet, iżda rċevew materjal biżżejjed li jimlew kaxxa kbira tal-kartun.
Il-missjunarji nisa stednuni bħala raġel ta’ 34 sena li kont għadni kif ġejt imsejjaħ isqof biex ngħin inwieġeb il-mistoqsijiet li kellhom. Meta aħna nġbarna flimkien fil-kamra tas-salott tagħhom, il-kaxxa l-kbira mimlija fuljetti li jikkritikaw il-Knisja kienet tinsab f’nofs il-kamra. Qabel jiena mort fuq dan l-essajnment bdejt nitlob. Waqt it-talba tal-ftuħ, il-leħen sieket tal-Ispirtu qalli, “Hu diġà jaf li dan hu veru.” Din kienet ħaġa importanti. Is-sisters kienu jemmnu li l-kumplament tal-familja diġà kellhom testimonjanza. Ma kenux ċerti biss mill-missier.
Fil-pront jiena nfurmajtu li l-Ispirtu qalli li hu diġà kellu testimonjanza. “Dan veru?” Huwa ħares lejja bir-reqqa u qalli li l-Ispirtu kien ikkonferma miegħu il-verità tal-Ktieb ta’ Mormon u tal-Knisja.
Imbagħad jiena staqsejtu jekk hemmx verament bżonn li nagħtu ħarsa lejn il-fuljeti, jekk huma diġà kellhom konferma spiritwali.
Il-missier wieġeb li ma kien hemmx bżonn. Il-kumplament tal-familja qablu miegħu.
Huwa qalli li kellu mistoqsija sinifikanti: Raġuni għalfejn kienu rċevew daqstant kitba kontra l-Knisja kienet għax huma kienu membri ta’ reliġjon oħra. Barra minn hekk, huwa kien wiegħed li kien se jgħin fil-bini ta’ kappella għal dik ir-reliġjon. Huwa infurmani li l-missjunarji nisa għallmuh dwar l-importanza tad-dieċmi, li huma aċċetta bi gratitudni, iżda staqsa jekk kenitx se tkun ħaġa ħażin jekk huwa jonora wkoll il-wegħda li kien għamel qabel. Jiena ċċertajtu li l-pagament għal dik il-wegħda żgur li kien se jkun ħaġa onorabbli u xierqa.
Il-familja kollha ġiet mgħammda. Sena wara ġew issiġillati bħala familja fit-Tempju ta’ Oakland, California. Jien kelli l-privileġġ li nkun preżenti. Binhom temm l-istudji tiegħu fl-iskola tal-liġi, għaddha mill-Eżami biex jaħdem bħala avukat ġewwa California, u immedjatament serva missjoni b’fedeltà ġewwa l-Ġappun. Jiena komplejt nosserva tul is-snin hekk kif ġenerazzjonijiet ta’ wara baqgħu fidili lejn l-evanġelju. Jien kelli l-privileġġ li niffunzjona fis-siġill ta’ waħda min-neputijiet tagħhom.
Il-konverżjonijiet li qed iseħħu fi żmienna huma sinifikanti bl-istess mod. Ġunju li għadda, jiena flimkien mal-Kowċ Andy Reid, il-kowċ ewlieni tal-futbol tal-Kansas City Chiefs, flimkien ma’ oħrajn li konna qed nirrappreżentaw ir-reliġjon tagħna u reliġjonijiet oħra, tkellimna waqt avveniment għal bosta reliġjonijiet fil-Knisja ta’ Riverside, fil-Belt ta’ New York. Il-Kowċ Reid enfasizza li ningħataw it-tieni ċans, u li nwieġbu għall-istedini u l-opportunitajiet, ħwejjeġ li jissimbolizzaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-għada filgħodu, aħna attendejna l-laqgħa tas-sagrament flimkien man-nisa tagħna, Tammy Reid u Mary, fit-Tieni Qasam ta’ Manhattan. Kien servizz mill-aktar spiritwali. Kien hemm bosta membri ġodda fil-kongregazzjoni. Fost il-membri tas-Saċerdozju ta’ Aron li kienu qed jgħaddu s-sagrament kien hemm ħames membri li kienu għadhom kif tgħammdu, erba’ rġiel u ġuvni. Huwa ta’ pjaċir għalija li nirrapporta li influss simili ta’ membri ġodda qed iseħħ madwar il-Knisja kollha.
Aħna grati għat-tkabbir notevoli minħabba dawk li wieġbu għall-istediniet sagri, bidlu ħajjithom, u aċċettaw l-opportunità li jimxu wara Ġesù Kristu. Huma jidħlu fit-triq tal-patt permezz tal-fidi, l-indiema, il-magħmudija u l-konferma kif mgħallma fil-Bibbja Mqaddsa u fil-Ktieb ta’ Mormon.
Ma nistgħux nissottovalutaw is-sinifikat tal-iskrittura sagra kemm fil-konverżjoni kif ukoll biex nibqgħu fidili fl-evanġelju. Il-profeti tal-qedem li naqraw dwarhom fil-Ktieb ta’ Mormon kienu jafu dwar il-missjoni ta’ Ġesù Kristu u huma għallmu l-evanġelju tiegħu. Il-Ktieb ta’ Mormon jgħinna nersqu eqreb lejn Alla hekk kif aħna nitgħallmu, nifhmu, u napplikaw it-tagħlim tiegħu. Il-Profeta Joseph Smith għallem, “Bniedem aktar jersaq viċin Alla jekk jobdi l-preċetti li hemm fil-ktieb, milli dawk li nsibu f’kwalunkwe ktieb ieħor.”
Biex inkunu nafu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla, jeħtieġ li naqrawh, nixtarru u nitolbu dwaru, u mbagħad naġixxu skont il-preċetti tiegħu. Il-Profeta Moroni wiegħed li Alla se jiżvelalna l-verità tal-ktieb hekk kif aħna nitolbu b’qalb sinċiera, b’intenzjoni ġenwina, u b’fidi fi Kristu. Li nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon huwa essenzjali biex il-konverżjoni tagħna tkun waħda dejjiema.
Hekk kif aħna nikkontemplaw dwar ir-relazzjoni li hemm bejn il-Bibbja u l-Ktieb ta’ Mormon bħala apparat li nżommuh f’idejna, wieħed jaf jistaqsi. Kemm huma siewja u komplimentari dawn iż-żewġ kotba jekk il-Mulej iddikjara li huma jingħaqdu flimkien u jsiru “injama waħda f’idejk”? Dan hu li l-Mulej iddikjara dwar “il-ħatar ta’ Ġuda,” il-Bibbja, u “il-ħatar ta’ Ġużeppi,” il-Ktieb ta’ Mormon.
F’bosta aspetti sinifikanti, il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdi duttrina fundamentali li ttejjeb u ssaħħaħ dak li hemm fil-Bibbja. Id-duttrina tl-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hija eżempju profond.
Il-Bibbja tipprovdi rakkont preċiż tal-ministeru mortali ta’ Ġesù Kristu, bħall-mewt u l-Qawmien tiegħu. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa aktar espliċitu dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, xi ħaġa li l-profeti spjegaw fid-dettall qabel il-mewt tiegħu.
L-intestatura għal Alma kapitlu 42 tirrifletti d-duttrina sinifikanti tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.
Hemm niktub: “Il-ħajja mortali hija żmien ta’ prova fejn il-bniedem għandu ċans jindem u jaqdi lil Alla—Il-Waqgħa ġabet fuq l-umanità kollha l-mewt temporali u spiritwali—Il-fidwa tasal permezz tal-indiema—Alla nnifsu jpatti għad-dnubiet tad-dinja—Il-ħniena qiegħda hemm għal dawk li jindmu—L-oħrajn kollha huma suġġett għall-ġustizzja ta’ Alla—Il-ħniena tinkiseb minħabba l-Espjazzjoni—Huwa biss dak li jindem tassew li jsalva.”
Il-President Russell M. Nelson qal, “Inwegħidkom li hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, intom tibdew tieħdu deċiżjonijiet aħjar—kull jum.” Huwa wegħdna wkoll li, “hekk kif kuljum intom tgħaddsu raskom fil-Ktieb ta’ Mormon, intom tiġu mlaqqmin kontra l-ħażen ta’ żmienna.”
Kif semmejt qabel, jiena laqatni l-kunċett tal-apparat tal-idejn oriġinali—il-ktieb. Madankollu, nagħraf is-sinifikat inkredibbli tal-internet fid-dinja tal-lum. Apparat wieħed tal-idejn modern jista’ jipprovdi l-informazzjoni li storikament kienet timla librerija ewlenija. Aħna grati li qed ngħixu fi żmien bħal dan. Jiena partikolarment grat li dan wassal biex il-kotba sagri u l-materjal tal-Knisja huwa disponibbli b’mod diġitali. L-internet huwa għodda qawwija għall-istudju tal-evanġelju. Illum, bosta nies jaqsmu l-iskrittura ma’ sħabhom bl-użu tat-teknoloġija. L- app tal-Ktieb ta’ Mormon, per eżempju, huwa mod meraviljuż kif nintroduċu lill-ħbieb mal-Ktieb ta’ Mormon u tistgħu tixxerjawh faċilment b’mod normali u naturali tkunu fejn tkunu.
Filwaqt li l-internet jipprovdilna bosta barkiet, sfortunatament, bħall-fuljetti bil-kitba li tikkritika l-Knisja li tkellimt dwarha qabel, ġie wżat ukoll biex joħloq dubju u jdgħajjef il-fidi fi prinċipji tal-evanġelju prezzjużi. Jista’ jkun parti “mill-ħażen ta’ żmienna” li tkellem dwaru l-President Nelson.
L-avversarju u dawk li jassistuh, minn jeddhom jew bla ma jkunu konxji, ħoloq fuq l-internet l-ekwivalenti tal-kaxxa mimlija kitba li tikkritika l-Knisja li ddeskrivejt qabel, bl-intenzjoni li jbegħedkom mill-verità ta’ Alla.
Il-ħwejjeġ li ssemmew biex joħolqu dubju tul is-snin kienu notevolment simili. Dan hu speċjalment minnu meta nqabblu żmienna maż-żmien sittin, meta jien kelli fuq l-għoxrin.
L-iskrittura tgħallimna biex niġġudikaw tajjeb u nkunu għaqlin f’kollox. L-internet jista’ jintuża b’mod pożittiv jew distruttiv.
Kemm dawk li ilhom membri kif ukoll dawk li m’ilhomx jistudjaw l-evanġelju jeħtieġ li joqogħdu attenti x’jaraw. Tieqfux fuq materjal li huwa immorali, diżonest, jew ħażin. Jekk tagħmlu hekk, l-algoritmi jistgħu jixħtukom fi triq li teqerdilkom il-fidi u żżomm lura il-progress etern tagħkom. Intom tistgħu tħallu l-affarijiet jaġixxu għalikom b’mod pożittiv jew negattiv. Fittxu t-tjieba u evitaw il-ħofor mudlama tal-fniek u n-nases tal-internet. Imlew ħajjitkom b’ideat pożittivi u tajbin; fittxu l-hena; ħudu gost iżda evitaw il-bluha. Hemm differenza. It- tlettax-il artiklu tal-fidi huwa gwida meraviljuża. Fuq kollox, għoddsu lilkom infuskom fil-Ktieb ta’ Mormon, li jistieden l-Ispirtu f’ħajjitkom u jgħinkom tagħru l-verità mill-iżball.
Il-parir tiegħi għal dawk li b’xi mod ħarġu mit-triq tal-patt hu li terġgħu lura lejn l-iskrittura sagra, lejn il-gwida profetika, lejn l-osservanza reliġjuża fid-dar, u lejn il-mużika ta’ fidi. Kull ruħ hija prezzjuża għall-Mulej. Aħna għandna bżonnkom! Il-Mulej għandu bżonnkom, u intom għandkom bżonnu! Il-bieb dejjem miftuħ għalikom. F’dawn is-snin kollha ta’ sevizz tiegħi fil-Knisja, jiena għożżejt ferm lin-nies meraviljużi li reġgħu lura fit-triq tal-patt u mbagħad servew u bierku lil dawk kollha li jħobbu jew li kellhom kuntatt magħhom.
L-iskrittura sagra u l-profeti ħajjin huma mod ewlieni kif Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba jwassal il-pjan tiegħu ta’ ferħ lil uliedu kollha.
Jiena naqsam magħkom ix-xhieda ċerta tiegħi dwar id-divinità ta’ Ġesù Kristu u r-realtà tal-Espjazzjoni tiegħu, f’isem Ġesù Kristu, ammen.