Ir-Raġel Li Tkellem ma’ Jaħweh
Joseph Smith ġie “mbierek li jiftaħ l-aħħar dispensazzjoni,” u ta’ dan aħna mberkin.
L-għan tiegħi llum u dejjem hu li nixhed dwar Ġesù Kristu, li Hu Iben Alla, il-Ħallieq u s-Salvatur tad-dinja, il-Ħellies u l-Feddej tagħna. Peress li “l-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu,” illum se naqsam magħkom l-għarfien u t-testimonjanza tiegħi dwar is-Salvatur kif ġew imsaħħa u approfonditi permezz tal-ħajja u t-tagħlim ta’ appostlu u profeta ewlieni.
Il-Bidu tal-Għerf
Fl-għodwa ta’ jum ċar u mill-isbaħ fir-rebbiegħa tal-1820, Joseph Smith, li kellu 14-il sena, daħal f’bosk qrib id-dar tal-familja tiegħu biex jitlob dwar dnubietu u biex jistaqsi ma’ liema knisja kellu jingħaqad. It-talba sinċiera tiegħu, offruta b’fidi mill-aktar soda, ntlaqat mill-aktar forzi qawwija fl-univers, fosthom il-Missier u l-Iben. U x-xitan. Ilkoll kemm huma kellhom intens intens f’dik it-talba u f’dak it-tifel.
Din li issa nsejħulha l-Ewwel Dehra tat bidu għar-Restawrazzjoni ta’ kull ħaġa f’din l-aħħar dispensazzjoni. Iżda għal Joseph, l-esperjenza kienet ukoll personali u preparatorja. Kulma ried kienet il-maħfra u d-direzzjoni. Il-Mulej tah it-tnejn li huma. L-istruzzjoni li “ma jingħaqadx mal-ebda knisja” kienet direttiva. Il-kliem, “Dnubietek maħfura” kien kliem ta’ fidwa.
Fost l-aktar veritajiet sbieħ li nistgħu nitgħallmu mill-Ewwel Dehra, jista’ jkun li l-ewwel ħaġa li mpressjonat lil Joseph kienet sempliċiment, “Jiena sibt li t-testimonjanza ta’ Ġakbu hija vera—li bniedem li jonqsu l-għerf għandu jitlob lil Alla, u jingħatalu.”
Wieħed studjuż kiteb: “Ir-reżonanza tal-Ewwel Dehra llum hi li tkun taf li hija n-natura ta’ Alla li tagħti lil dawk li jonqoshom l-għerf. … L-Alla li wera lilu nnifsu lil Joseph Smith fil-masġar sagru huwa Alla li jwieġeb lill-adoloxxenti f’mumenti ta’ nkwiet.”
L-esperjenza ta’ Joseph fil-masġar tagħtu l-kunfidenza li jitlob għall- maħfra u d-direzzjoni għall-bqija ta’ ħajtu. L-esperjenza tiegħu tat lili wkoll il-kunfidenza li nitlob għall-maħfra u d-direzzjoni għall-bqija ta’ ħajti.
Indiema Regolari
Fil-21 ta’ Settembru, 1823, Joseph talab b’ħerqa għall-maħfra, kunfidenti li minħabba l-esperjenza tiegħu fil-masġar tliet snin qabel, is-smewwiet kienu se jerġgħu jisimgħuh. U hekk ġara. Il-Mulej bagħat anġlu, Moroni, biex jagħtu struzzjonijiet lil Joseph u jinformah dwar annali antiki li aktar tard huwa kien se jittraduċi bid-don u l-qawwa ta’ Alla—il-Ktieb ta’ Mormon.
Kważi 13-il sena wara li ġara dan, Joseph u Oliver Cowdery niżlu għarkupptejhom jitolbu b’mod solenni u sieket fit-Tempju ta’ Kirtland li kienu għadu kif ġie ddedikat. Ma nafux x’kienet it-talba talbhom, iżda t-talb tagħhom x’aktarx kien jinkludi talba għall-maħfra, għax, hekk kif qamu fuq saqajhom, deher is-Salvatur u ddikjara, “Araw, dnubietkom huma maħfura; intom indaf quddiemi.”
Fix-xhur u s-snin wara din l-esperjenza, Joseph u Oliver reġgħu waqgħu fid-dnub għal darb’oħra. U għal darb’oħra. Iżda f’dak il-mument, għal dak il-mument, bi tweġiba għat-talba tagħhom u bi tħejjija għar-restawrazzjoni glorjuża tal-imfietaħ tas-saċerdozju li kienet se sseħħ, Ġesù neħħa minnhom kull dnub.
Il-ħajja ta’ Joseph ta’ ndiema regolari tagħtini l-kunfidenza li “nersaq b’qalbi qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqla’ l-ħniena.” Jien tgħallimt li Ġesù Kristu verament huwa “dispost li jaħfer.” Mhijiex il-missjoni tiegħuu jew in-natura tiegħu li jikkundanna. Huwa ġie biex isalva.
Staqsu lill-Mulej!
Bħala parti mill-imwiegħed “tiġdid ta’ kull ħaġa,” il-Mulej, permezz ta’ Joseph Smith, ġab għad-dawl il-Ktieb ta’ Mormon u rivelazzjonijiet oħra li fihom il-milja tal-evanġelju tiegħu. Ċerti veritajiet importanti ġew mogħtija b’mod ċar u komplut hekk kif Joseph ripetutament staqsa lill-Mulej biex jidderiġih. Ikkunsidraw dan li ġej:
-
Il-Missier u l-Iben għandhom ġisem “tanġibbli bħall-bniedem.”
-
Ġesù ħa fuqu mhux biss dnubietna iżda wkoll il-mard, l-hemm, u t-tbatija tagħna.
-
L-Espjazzjoni tiegħu tant kienet doloruża li wasslitu biex iċarċar demmu mill-pori kollha tiegħu.
-
Aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tiegħu “wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu.”
-
Hekk kif nersqu lejn Kristu, Huwa mhux biss jaħfrilna dnubietna, iżda Huwa jibdel l-istess natura tagħna, biex “ma jkollna l-ebda dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen.”
-
Kristu dejjem ordna lin-nies tiegħu biex jibnu t-tempji, fejn Huwa juri lilu nnifsu lilhom u jiddotahom bil-qawwa mill-għoli.
Jiena nixhed li dawn il-ħwejjeġ kollha huma vera u neċessarji. Huma jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-milja ta’ dak li ġie rrestawrat minn Ġesù Kristu permezz ta’ Joseph Smith fi tweġiba għat-talba kontinwa ta’ Joseph għad-direzzjoni.
Nibnu Din is-Saltna
Fl-1842, Joseph kiteb dwar ħwejjeġ meraviljużi li sejrin iseħħu f’din l-aħħar dispensazzjoni. Huwa ddikjara li fi żmienna, “Is-Saċerdozju divin sejjer jingħaqad ma’ dak tad-dinja, biex iġib fis-seħħ dawk l-għanijiet kbar; u waqt li aħna ninsabu magħqudin f’għan wieħed, li nibnu s-saltna ta’ Alla, dawk li jħaddnu s-Saċerdozju divin mhumiex sempliċiment spettaturi.”
Lil sieħbu Benjamin Johnson, Joseph qallu, “Benjamin, jekk jiena mmut, jien mhux se nkun wisq ’il bogħod minnek, u jekk inkun fuq in-naħa l-oħra tal-velu, jien xorta se nkun qed naħdem miegħek, u b’qawwa ferm akbar, biex nibnu din is-saltna.”
Fis-27 ta’ Ġunju, 1844, Joseph Smith u ħuh Hyrum sfaw maqtula. Ġisem Joseph ġie midfun, iżda t-testimonjanza tiegħu tkompli tidwi madwar id-dinja u f’ruħi:
“Jiena rajt dehra; jien kont naf dan, u kont naf li Alla kien jaf dan, u dan ma stajtx niċħdu.”
“Jiena qatt m’għadtilkom li jiena perfett; iżda m’hemm l-ebda żball fir-rivelazzjonijiet li jiena għallimt.”
“Il-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema; u kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żjieda ma’ dan.”
Dak li ntqal dwar Ġwanni l-Battista jista’ wkoll jingħad dwar Joseph Smith: “Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu [Joseph]. … Hu ma kienx id-Dawl, imma ġie biex jixhed għad-Dawl,” “biex bih kulħadd jemmen.”
Jiena nemmen. Jiena nagħti xhieda u jien ċert li Ġesù huwa l-Kristu, Bin Alla l-ħaj. Nixhed li Alla l-ħaj huwa Missierna kollu mħabba. Jiena naf dan għax kien leħen il-Mulej li qalli dan, kif qalli dan ukoll leħen il-qaddejja, l-appostli u l-profeti tiegħu, fosthom u nibda minn Joseph Smith.
Nixhed li Joseph Smith kien u huwa profeta ta’ Alla, xhud u qaddej tal-Mulej Ġesù Kristu. Huwa ġie “mbierek li jiftaħ l-aħħar dispensazzjoni,” u ta’ dan aħna mberkin.
Il-Mulej ordna lil Oliver u lilna lkoll, “Ieqfu mal-qaddej tiegħi Joseph, b’fedeltà.” Nixhed li l-Mulej jinsab wieqaf mal-qaddej tiegħu Joseph u mar-Restawrazzjoni li nġiebet fis-seħħ permezz tiegħu.
Joseph Smith issa huwa parti mis-saċerdozju divin li jien tkellimt dwaru. Kif wiegħed lill-ħabib tiegħu, huwa ma jinsabx ’il bogħod, u min-naħa l-oħra tal-velu, huwa għadu jaħdem magħna, u b’qawwa akbar, biex nibnu din is-saltna. B’hena u radd il-ħajr, jiena ngħolli leħni “b’tifħir lir-raġel li tkellem ma’ Jaħweh.” U fuq kollox, tifħir lil Jaħweh li tkellem ma’ dak ir-raġel! F’isem Ġesù Kristu, ammen.