“Dan Hu l-Evanġelju Tiegħi”—“Din hi l-Knisja Tiegħi”
Dan hu l-evanġelju tas-Salvatur, u din hija l-Knisja tiegħu (ara 3 Nefi 27:21; Mosija 26:22; 27:13). Il-kombinazzjoni tat-tnejn hija mill-aktar qawwija u trasformattiva.
Għal sekli sħaħ, il-porvli iswed kien l-aktar splussiv b’saħħtu li kien hawn. Kien kapaċi jispara l-balal tal-kanun, iżda ma kienx effettiv għall-biċċa l-kbira ta’ proġetti ta’ bini ta’ minjieri u toroq. Kien sempliċiment dgħajjef wisq biex ifarrak il-blat.
Fl-1846, wieħed spiżjar Taljan jismu Ascanio Sobrero ħareġ b’esplussiv ġdid, in-nitrogliċerina. Dan il-likwidu żejtni kien ta’ lanqas elf darba aktar b’saħħtu mill-porvli iswed. Huwa seta’ jfarrak il-blat b’mod faċli. Sfortunatament, in-nitrogliċerina xejn ma kienet stabbli. Jekk twaqqagħha minn xi mkien ftit li xejn għoli, tisplodi. Jekk tisħon ħafna, tisplodi. Jekk tiksaħ ħafna, tisplodi. Anke jekk tħalliha weħidha f’kamra kiesħa u mudlama, eventwalment tisplodi. Bosta pajjiżi żammewha milli tkun trasportata tagħha u bosta oħrajn milli tkunu manifatturata.
Fl-1860, xjenzat Svediż jismu Alfred Nobel beda jipprova jistabbilizza n-nitrogliċerina. Wara seba’ snin ta’ esperimentazzjoni, huwa laħaq l-għan tiegħu billi assorba n-nitrogliċerina f’sustanza li ftit kellha siwi magħrufa bħala trab tad-dijatomiċi jew kieselguhr. Kieselguhr huwa blat poruż li jista’ jitfarrak u jsir porvli mill-aktar fin. Meta tħalltu man-nitrogliċerina, il-kieselguhr jassorbi n-nitrogliċerina u t-taħlita li jkollok tista’ tagħtiha l-forma ta’ “bsaten.” F’din il-forma, in-nitrogliċerina ġiet ferm aktar stabbli. Stajt taħżenha, teħodha minn post għall-ieħor, u tużaha mingħajr periklu, b’għadd bla limitu ta’ splussivi. Nobel semma din il-kombinazzjoni ta’ nitrogliċerina u kieselguhr “dinamita.”
Id-dinamita bidlet id-dinja. Lil Nobel għamlitu mill-aktar sinjur. Mingħajr stabilizzatur in-nitrogliċerina kienet fil-fatt wisq perikoluża biex tkun kummerċjalment ta’ siwi, kif sab Ascanio Sobrero. Waħdu, kif diġà semmejt, il-kieselguhr ftit li xejn kien ta’ siwi. Iżda t-taħlita taż-żewġ komponenti wasslet għad-dinamita mill-aktar trasformattiva u prezzjuża.
Bl-istess mod, il-kombinazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jipprovdulna benefiċċji qawwija u trasformattivi. L-evanġelju hu perfett, iżda knisja kkummissjonata b’mod divin teħtieġ li xxandru, iżżommu safi, u tamministra l-ordinanzi sagri tiegħu bil-qawwa u l-awtorità tas-Salvatur.
Ikkunsidraw il-kombinazzjoni tal-evanġelju tas-Salvatur u l-Knisja tiegħu kif stabbiliti mill-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon, Alma. Il-Knisja kienet responsabbli li ma xxandar “xejn ħlief dwar l-indiema u l-fidi fil-Mulej, hu li kien se jifdi lill-poplu tiegħu.” Billi użat l-awtorità ta’ Alla, il-Knisja kienet responsabbli li tamministra l-ordinanza tal-magħmudija “f’isem il-Mulej, bħala xhieda quddiemu li wieħed lest jidħol f’patt miegħu, li jaqdih u jħares il-kmandamenti tiegħu.” In-nies li tgħammdu ħadu fuqhom infushom l-isem ta’ Ġesù Kristu, ingħaqdu mal-Knisja tiegħu, u ġew imwiegħda qawwa kbira permezz ta’ abbundanza tal-Ispirtu.
In-nies telqu jiġru lejn l-Ilmijiet ta’ Mormon biex jisimgħu lil Alma jxandar l-evanġelju. Minkejja li huma kellhom rispett kbir lejn dawk l-ilmijiet u lejn il-foresti tal-madwar, il-Knisja tal-Mulej ma kenitx xi post jew bini, u l-istess illum. Il-Knisja hi sempliċiment nies ordinarji, dixxipli ta’ Ġesù Kristu, miġburin u organizzi fi struttura maħtura b’mod divin li tgħin lill-Mulej iwettaq għanijietu. Il-Knisja hija l-istrument li permezz tiegħu aħna nitgħallmu l-irwol ewlieni ta’ Ġesù Kristu fil-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Il-Knisja toffri l-mod awtorevoli kif individwi jistgħu jieħdu sehem f’ordinanzi u jagħmlu patti dejjiema ma’ Alla. Li nżommu dawk il-patti jwassalna biex nersqu aktar viċin ta’ Alla, jagħtina aċċess għall-qawwa tiegħu, u jittrasformana f’dak li Hu jridna nkunu.
L-istess kif id-dinamita mingħajr nitrogliċerina hi ħaġa mill-aktar ordinarja, il-Knisja tas-Salvatur hija speċjali biss jekk hija mibnija fuq l-evanġelju tiegħu. Mingħajr l-evanġelju tas-Salvatur u l-awtorità li tamministra l-ordinanzi tiegħu, il-Knisja mhijiex xi ħaġa eċċezzjonali.
Mingħajr l-effett ta’ stabbilizzazzjoni tal-kieselguhr, in-nitrogliċerina ftit li xejn hija siewja bħala splussiv. Kif urietna l-istorja, mingħajr il-Knisja tal-Mulej, l-għarfien tal-umanità dwar l-evanġelju tiegħu kienet bl-istess mod instabbli—suxxettibbli għal tibdil duttrinali u suġġett għall-influwenza ta’ reliġjonijiet, kulturi, u filosofiji differenti. Amalgamazzjoni ta’ dawk l-influwenzi dehret f’kull dispensazzjoni, li wasslet għal din, l-aħħar waħda. Minkejja li l-evanġelju għall-ewwel kien ġie żvelat b’mod safi, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dak l-evanġelju ftit ftit ħadu l-forma ta’ divinità nieqsa mill-qawwa minħabba li l-istruttura awtorizzata b’mod divin ma kenitx preżenti.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tagħtina l-aċċess għall-qawwa ta’ Alla għaliex hi awtorizzata minnu kemm biex tgħallem id-duttrina ta’ Kristu kif ukoll biex toffri l-ordinanzi eżaltanti tas-salvazzjoni tal-evanġelju. Is-Salvatur jixtieq jaħfrilna dnubietna, jgħinna naċċessaw il-qawwa tiegħu, u jittrasformana. Huwa bata għal dnubietna u jixtieq jeħlisna mill-kastig li kieku jistħoqqilna. Hu jridna nsiru qaddisa u nkunu pperfezzjonati fih.
Ġesù Kristu għandu l-qawwa li jagħmel dan. Huwa mhux biss jissimpatizza mal-imperfezzjoni tagħna u jibki minħabba l-kundanna eterna tagħna b’konsegwenza tad-dnub. Le, Huwa mar lil hinn minn hekk, ferm lil hinn, u Huwa rrestawra l-Knisja tiegħu biex jagħtina aċċess għall-qawwa tiegħu.
Il-qofol tal-evanġelju li tgħallem il-Knisja hu li Ġesù Kristu rafa fuqu “n-niket tagħna, u tgħabba bit-tbatija tagħna.” Huwa “xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.” Hu “qagħad għas-salib,” kisser “l-irbit tal-mewt,” “tela’ fis-smewwiet, u … poġġa bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla, biex jitlob lill-Missier id-dritt tiegħu li jeżerċita l-ħniena.” Is-Salvatur għamel dan kollu għaliex Huwa jħobb lil Missieru u jħobb lilna. Huwa diġà ħallas il-prezz infinit ħalli jkun jista’ “jagħmel tiegħu lil dawk kollha li għandhom il-fidi fih u jiddefendi l-kawża” tagħhom—u tagħna. L-aktar ħaġa li jrid Ġesù Kristu hi li aħna nindmu u nersqu lejh ħalli jkun jista’ jiġġustifikana u jqaddisna. F’din ix-xewqa, Huwa persistenti u determinat.
L-aċċess għall-qawwa tal-patt ta’ Alla u l-imħabba tal-patt tiegħu niksbuh permezz tal-Knisja tiegħu. Il-kombinazzjoni tal-evanġelju tas-Salvatur u l-Knisja tiegħu tittrasforma ħajjitna. Hija ttrasformat lin-nanniet materni tiegħi. In-nannu tiegħi, Oskar Andersson, kien jaħdem f’tarzna ġewwa Högmarsö, gżira fl-arċipelagu ta’ Stokkolma. Martu, Albertina, u wliedhom kienu joqogħdu fl-art ewlenija Svediża. Darba kull ħmistax, fil-jum tas-Sibt, Oskar kien imur jaqdef bid-dgħajsa lura d-dar għal tmiem il-ġimgħa qabel jerġa’ lura Högmarsö l-Ħadd filgħaxija. Darba waħda, meta kien f’Högmarsö, huwa sema’ żewġ missjunarji Amerikani jxandru l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Oskar ħass li dak li kien sema’ kienet il-verità safja, u hu mtela b’hena li ma jitfissirhiex bil-kliem.
Meta reġa’ mar lura d-dar, Oskar ferħan se jtir qal b’kollox lil Albertina dwar il-missjunarji. Huwa sġjega li hu kien jemmen dak li huma għallmu. Huwa talabha taqra fuljett li kienu tawh, u qalilha li hu kien tal-idea li ħadd mill-ulied li kien għad irid ikollhom ma kellhom jitgħammdu bħala tfal żgħar. Alberina tgħidx kemm irrabjat u xeħtet il-fuljetti qalb iż-żibel. Ftit li xejn tkellmu bejniethom sakemm Oskar reġa’ lura għax-xogħol il-Ħadd filgħaxija.
Hekk kif telaq, Albertina marret tiġbor lura dawk il-fuljetti. Hija bir-reqqa kollha bdiet tqabbel id-duttrina tagħhom mat-tagħlim fil-Bibbja mikduda bl-użu tagħha. Hija baqgħet mistagħġba hekk kif ħasset li dak li qrat kien veru. Meta Oskar reġa’ mar lura d-dar, hija laqgħatu bil-ħerqa, l-istess kif għamlet il-kopja tal-Ktieb ta’ Mormon li kien ġab miegħu. Albertina qratu ħerqana, għal darb’oħra bdiet tqabbel id-duttrina ma’ dik fil-Bibbja tagħha. Bħal Oskar, hija għarfet il-verità safja u mtliet b’hena inspejgabbli.
Oskar, Albertina, u wliedhom marru joqogħdu ġewwa Högmarsö biex ikunu qrib il-ftit membri tal-Knisja li kien hemm hemm. Ġimgħa wara li Oskar u Albertina tgħammdu fl-1916, Oskar ġie msejjaħ bħala mexxej tal-grupp ġewwa Högmarsö. Bħal bosta membri ġodda, Oskar u Albertina ħabbtu wiċċhom ma’ ħafna kritika minħabba t-twemmin ġdid tagħhom. Il-bdiewa lokali bdew jirrifjutaw ibigħulhom il-ħalib, għalhekk Oskar kienu jaqsam għan-naħa l-oħra bid-dgħajsa kull jum biex jixtri l-ħalib minn bidwi aktar tolleranti.
Madankollu fis-snin ta’ wara, il-membri tal-Knisja ġewwa Högmarsö kibru aktar, u raġuni minnhom kienet it-testimonjanza qawwija u l-ħeġġa missjunarja tbaqbaq fiha ta’ Albertina. Meta dan il-grupp sar fergħa, Oskar ġie msejjaħ bħala l-president tal-fergħa.
Il-membri ta’ dik il-fergħa ta’ Högmarsö għandhom qima kbira lejn dik il-gżira. Dak kien għalihom l-Ilmijiet ta’ Mormon. Kien hemm li huma waslu biex għarfu lill-Feddej tagħhom.
Maż-żmien, hekk kif huma żammew il-patt tal-magħmudija tagħhom, Oskar u Albertina ġew ittrasformati permezz tal-qawwa ta’ Ġesù Kristu. Huma bdew iħarsu ’l quddiem biex jagħmlu aktar patti u jirċievu l-barkiet tagħhom tat-tempju. Biex jiksbu dawk il-barkiet, huma emigraw b’mod permanenti mid-dar tagħhom fl-Isvezja għall-Belt ta’ Salt Lake, fl-1949. Oskar serva bħala mexxej tal-membri ġewwa Högmarsö għal 33 sena.
Il-kombinazzjoni ta’ nitrogliċerina u kieselguhr għamlet mid-dinamita xi ħaġa tiswa ħafna; il-kombinazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu huma xi ħaġa imprezzabbli. Oskar u Albertina semgħu dwar l-evanġelju rrestawrat għaliex profeta ta’ Alla sejjaħ, assenja, u bagħat missjunarji ġewwa l-Isvezja. Permezz ta’ kummissjoni divina, il-missjunarji għallmu d-duttrina ta’ Kristu u bl-awtorità tas-saċerdozju għammdu lil Oskar u Albertina. Bħala membri, Oskar u Albertina komplew jitgħallmu, jiżviluppaw, u jservu lil ħaddieħor. Huma saru Qaddisin tal-Aħħar Żmien għax huma ħarsu l-patti li huma għamlu.
Is-Salvatur jirreferi għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħala “il-knisja tiegħi” għaliex Hu kkummissjonaha biex iġġib fis-seħħ l-għanijiet tiegħu—ix-xandir tal-evanġelju tiegħu, l-offerta tal-ordinanzi u l-patti tiegħu, u li tagħmilha possibbli li l-qawwa tiegħu tiġġustifikana u tqaddisna. Mingħajr il-Knisja tiegħu, m’hemm l-ebda awtorità, l-ebda xandir ta’ veritajiet żvelati f’ismu, l-ebda ordinanzi jew patti, l-ebda manifestazzjoni tal-qawwa tad-divinità, l-ebda trasformazzjoni f’dak li Alla jridna nsiru, u l-pjan ta’ Alla għal uliedu ma jkun jiswa xejn. Il-Knisja f’din id-dispensazzjoni hija ħaġa integrali għall-pjan tiegħu.
Nistedinkom biex tikkommettu ruħkom b’mod aktar sħiħ lejn is-Salvatur, l-evanġelju tiegħu, u l-Knisja tiegħu. Hekk kif tagħmlu dan, issibu li l-kombinazzjoni tal-evanġelju tas-Salvatur u l-Knisja tiegħu iġibulkom il-qawwa f’ħajjitkom. Din il-qawwa hi ferm akbar mid-dinamita. Hija tkisser il-blat li jkun hemm quddiemkom, tittrasformakom f’werrieta fis-saltna ta’ Alla. U intom “timtlew b’hena mill-aktar glorjuża, li ma tistax titfisser bil-kliem.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.