Konferenza Ġenerali
Ir‑Riħ Ma Waqafx Jonfoħ
konferenza ġenerali Ottubru 2024


9:46

Ir‑Riħ Ma Waqafx Jonfoħ

Aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn jagħmlu progress fil-vjaġġ tagħhom biex jirċievu l-barkiet ta’ Alla.

Fl-2015, fl-istat ta’ Pernambuco, il-Brażil, 62 membru minn J. Reuben Clark Law Society ikkoperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-istat biex jinvestiga l-isfidi legali tar-residenti f’erbat idjar tal-anzjani differenti. Għal ħames sigħat f’jum partikolari tas-Sibt, dawn l-avukati intervistaw 200 resident wieħed wieħed, li kull wieħed minnhom kien ġie funzjonalment minsi mis-soċjetà.

Matul dawn l-intervisti, huma skoprew bosta reati li kienu twettqu fil-konfront ta’ residenti anzjani bħall-abbandun, trattament ħażin, u misapproprjazzjoni ta’ fondi. Pilastru ewlieni ta’ din is-soċjetà msejsa fuq il-liġi hu li nieħdu ħsieb il-foqra u lil dawk fil-bżonn. Xahrejn biss wara, il-prosekutur irnexxielu jiftaħ akkużi kontra l-partijiet responsabbli.

L-assistenza tagħhom hija eżempju perfett tat-tagħlim tas-Sultan Benjamin “li meta tkunu għas‑servizz ta’ għajrkom intom fil‑fatt tkunu għas‑servizz ta’ Alla tagħkom.”

Waħda residenta li jien intervistajt personalment matul il-proġett pro bono kienet mara qalba tajba ta’ 93 sena, jisimha Lúcia. Mimlija gratitudini għas-servizz tagħna, hija qaltli biċ-ċajt, “Iżżewwiġni!”

Kollni sorpriż, weġibtha: “Qed taraha dik il-mara żagħżugħa u sabiħa! Dik marti u l-prosekutur tal-istat.”

Bla ma qagħdet taħsibha, qabżet u qalet: “Allura b’daqshekk? Għadha żgħira, ħelwa, u faċli terġa’ tiżżewweġ. Imma jien kulma għandi huwa int!”

Dawk ir-residenti tal-għaġeb ma kellhomx il-problemi tagħhom kollha solvuti dak inhar. Bla dubju ta’ xejn li baqgħu jesperjenzaw it-tbatija minn żmien għall-ieħor bħall-Ġarediti fid-dgħajjes tagħhom fuq il-vjaġġ iebes sal-art imwiegħda, “midfuna f’qiegħ il‑baħar, minħabba l‑mewġ enormi li beda jħabbat fuqhom.”

Imma dak il-jum tas-Sibt, ir-residenti tad-dar tal-anzjani kienu jafu li, indipendentament tal-anonimità tagħhom fid-dinja, huma kienu magħrufin b’mod personali minn Missier fis-Smewwiet li jħobbhom, Wieħed li jirrispondi anki għall-iktar talba sempliċi.

L-Imgħallem tal-imgħallmin ikkawża “riħ mill-iktar qalil” biex jonfroħ lill-Ġarediti lejn il-barkiet imwegħdin. Bl-istess mod, aħna nistgħu niddeċiedu li nservu bħala buffura umli ta’ riħ f’idejn il-Mulej. Bħar-“riħ ma waqafx jonfoħ” lill-Ġarediti lejn l-art imwiegħda, aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn jagħmlu progress fil-vjaġġ tagħhom biex jirċievu l-barkiet ta’ Alla.

Ħafna snin ilu, meta Chris, l-għażiża marti, u jien ġejna intervistati għas-sejħa tiegħi bħala isqof, il-president tal-wited tagħna staqsieni biex, bl-għajnuna tat-talb, nikkonsidra nies biex nirrakkomanda bħala konsulenti. Wara li sema’ l-ismijiet li jien irrakkomandajt, huwa qalli li għandi bżonn inkun naf xi affarjiet dwar wieħed mill-aħwa.

L-ewwelnett, dan ħuna ma kienx jaf jaqra. It-tieni, ma kellux karozza li biha seta’ jmur biex iżur il-membri. It-tielet, huwa dejjem—dejjem—kien jilbes in-nuċċali tax-xemx fil-knisja. Minkejja r-riservi onesti tal-president, ħassejt bil-qawwi li kelli xorta nirrakkomandah bħala konsulent tiegħi, u l-president tal-wited tani s-sapport tiegħu.

Il-jum tal-Ħadd li fih il-konsulenti tiegħi u jien ġejna sostnuti waqt laqgħa tas-sagrament, is-sorpriża fuq wiċċ il-membri kienet evidenti. L-għażiż ħuna mexa bilmod lejn il-pjattaforma, fejn id-dawl minn fuq bdew jirriflettu bil-qawwa fuq in-nuċċali tax-xemx tiegħu.

Kif poġġa maġenbi, staqsejtu, “Brother, għandek xi problem bil-vista?”

“Le,” weġibni.

“Mela għalfejn tilbes in-nuċċali tax-xemx fil-knisja?” staqsejtu. “Ħabib, il-membri għandhom bżonn jarawlek għajnjek, u int trid tkun tista’ tarahom aħjar ukoll.”

F’dak il-mument stess, neża’ n-nuċċali tax-xemx u qatt ma reġa’ użah fil-knisja.

Dan ħuna l-għażiż serva spalla ma’ spalla miegħi sakemm ġejt rilaxxat minn isqof. Illum il-ġurnata, huwa jkompli jservi fil-Knisja bil-fidi u huwa eżempju ta’ dedikazzjoni u impenn lill-Mulej Ġesù Kristu. U madanakollu, snin ilu, kien wieħed mhux magħruf dejjem bin-nuċċali tax-xemx u bilqiegħda fuq il-bankijiet tal-kappella, essenzjalment minsi. Ta’ spiss nistaqsi bejn u bejn ruħi, “Kemm aħwa fidili jinsabu minsijin fostna llum il-ġurnata?”

Sew jekk magħrufin, sew jekk minsijin, inevitabbilment ilkoll kemm aħna se ngħaddu mill-provi. Hekk kif nduru lejn is-Salvatur, Huwa jista’ “jikkonsagra l‑hemm [tagħna] għall‑ġid [tagħna]” u jgħinna nirrispondu għall-provi tagħna b’mod li jiffaċilita l-progressjoni spiritwali tagħna. Sew fil-każ ta’ residenti ta’ dar tal-anzjani, ta’ membru tal-Knisja mhux mifhum, jew xi ħadd ieħor ikun min ikun, aħna nistgħu nkunu “r-riħ li ma waqafx jonfoħ,” u hekk innisslu t-tama u niggwidaw lil ħaddieħor lejn it-triq tal-patt.

Il-profeta maħbub tagħna, il-President Russell M. Nelson, għamel stedina eċitanti u stimulanti liż-żgħażagħ: “Nerġa’ nisħaq bil-qawwa li l-Mulej staqsa kull żagħżugħ denju u kapaċi biex jitħejji u jservi missjoni. Għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, is-servizz missjunarju huwa responsabbiltà tas-saċerdozju. … Għalikom l-aħwa nisa żgħażagħ u kapaċi, missjoni hija wkoll opportunità qawwija, iżda mhux obbligatorja.”

Kull ġurnata, eluf ta’ żgħażagħ, irġiel u nisa, iwieġbu għas-sejħa profetika tal-Mulej billi jservu bħala missjunarji. Intom brillanti, u kif qal il-President Nelson, jista’ “jkollkom iktar impatt fuq id-dinja minn kull ġenerazzjoni preċedenti!” M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li intom se tkunu l-aqwa verżjoni tagħkom infuskom malli tagħmlu pass ġewwa ċ-ċentru tat-taħriġ għall-missjunarji.

Minflok, jista’ jkun li tħossukom bħal Nefi, “kont immexxi mill-Ispirtu, għax ma kontx naf minn qabel x’kelli nagħmel. Madankollu jiena mort.”

Forsi tħossukom insiguri bħal Ġeremija u tridu tgħidu, “ma nafx nitkellem, għadni żgħir.”

Forsi anki taraw id-difetti personali tagħkom u tixtiequ tgħajtu kif għamel Mosè: “Jaħasra, Sidi, ma ninqalax biex nitkellem jien … : jien tqil f’fommi u f’ilsieni.”

Jekk xi wħud fostkom, intom ġuvintur u tfajliet maħbubin u qawwija, għandhom dan il-ħsieb bħalissa, ftakru li l-Mulej wieġeb, “Tgħidx, ‘Għadni żgħir’: inti tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kulma nordnalek.” U Hu jwiegħed, “Mela issa mur, u jien inkun ma’ fommok u ngħallmek x’għandek tgħid.”

It-trasformazzjoni mill-jien naturali għall-jien spiritwali tiegħek se sseħħ “linja wara linja, preċett wara preċett” hekk kif inti tistinka bil-ħrara kollha biex isservi lil Ġesù Kristu fl-għalqa tal-missjoni permezz ta’ ndiema ta’ kuljum, fidi, ubbidjenza eżatta, u xogħol diliġenti biex “konstantament issib ikkonvertiti ġodda, tgħallimhom l-indiema, u tgħammidhom.”

Għalkemm tilbes tikketta b’ismek, ġieli tħossok skonoxxut jew minsi. Madanakollu, jeħtieġlek tkun taf li għandek Missier fis-Smewwiet perfett, li jafek personalment, u Salvatur, li jħobbok. Se jkollkom mexxejja tal-missjoni li, minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom, se jservukom bħal “riħ li ma waqafx jonfoħ” billi jiggwidawkom fil-vjaġġ tagħkom ta’ konverżjoni personali.

Fl-“art tnixxi ħalib u għasel” li intom se sservu fil-missjoni tagħkom, intom se titwieldu mill-ġdid spiritwalment u se ssiru dixxipli ta’ Ġesù Kristu għal ħajjitkom kollha waqt lu tersqu dejjem eqreb lejh. Għad taslu biex tifhmu li intom m’intom qatt minsijin.

Għalkemm xi wħud jafu jdumu “żmien twil” għas-solliev, għaliex “m’għandhom lil ħadd” li s’issa jista’ jgħinhom, il-Mulej Ġesù Kristu għallimna li ħadd m’huwa minsi minnu. Bil-maqlub, Huwa kien eżempju perfett li jfittex lil dak li jkun f’kull mument tal-ministeru mortali tiegħu.

Aħna lkoll—u dawk ta’ madwarna—niffaċċjaw il-maltempati ta’ oppożizzjoni tagħna stess u mewġ ta’ provi li jniżżluna ta’ kuljum. Iżda “r‑riħ ma [jiqafx] jonfoħ lejn l‑art imwiegħda … ; u b’hekk [aħna se] nitmexxew bil‑qawwa tar‑riħ.”

Kull wieħed u waħda minna nistgħu nkunu parti minn dan ir-riħ—l-istess riħ li bierek lill-Ġarediti fil-vjaġġ tagħhom u l-istess riħ li, bl-għajnuna tagħkom, se jbierek lill-iskonoxxuti u l-minsijin biex jaslu sal-art imwiegħda tagħhom.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa l-Avukat Tagħna mal-Missier. Huwa Alla l-ħaj u jaġixxi bħal riħ qawwi li dejjem se jiggwidana fuq it-triq tal-patt. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. J. Reuben Clark Law Society hija assoċjazzjoni li topera bla qligħ iffurmata minn avukati u studenti tal-liġi u organizzata f’iktar minn 100 kapitlu madwar id-dinja. Kienet imsemmija hekk f’ġieħ Joshua Reuben Clark Jr., li serva għal ħafna snin bħala konsulent tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

  2. Mosija 2:17.

  3. Pro bono hija forma ridotta tal-frażi bil-Latin pro bono publico, li tfisser “għall-ġid pubbliku” jew “għall-benefiċċju tal-pubbliku.” Din hija forma ta’ xogħol volontarju li, bid-differenza ta’ volontarjat tradizzjonali, jeħtieġ kwalifiċi professjonali, għalkemm ma hemmx ħlas.

  4. Għeter 6:6.

  5. Għeter 6:5.

  6. Ara 2 Nefi 2:14, 16.

  7. Għeter 6:8.

  8. Ara Doctrine and Covenants 84:106.

  9. Ara Abraham 3:25.

  10. 2 Nefi 2:2; ara wkoll Doctrine and Covenants 122:7.

  11. Russell M. Nelson, “Inxandru l-Evanġelju tal-Paċi,” Liahona, Mejju 2022, 6.

  12. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Librerija tal-Evanġelju.

  13. 1 Nefi 4:6–7.

  14. Ġeremija 1:6.

  15. Eżodu 4:10.

  16. Ġeremija 1:7.

  17. Eżodu 4:12.

  18. Ara Mosija 3:19.

  19. 2 Nefi 28:30.

  20. Ara Alma 26:22.

  21. Neil L. Andersen, “The Faith to Find and Baptize Converts,” (indirizz mogħti waqt seminar għall-presidenti tal-missjoni ġodda, Ġunju 25, 2016), 6.

  22. Ara Dewteronomju 11:8–9.

  23. Ara “Insiru Dixxipli ta’ Ġesù Kristu Tul Ħajjitna,” Ippriedka l-Evanġelju Tiegħi: Gwida biex Naqsmu mal-Oħrajn l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu (2023), 76–100.

  24. Ġwanni 5:6–7.

  25. Ara Luqa 10:29.

  26. Għeter 6:8.

  27. Il-President Dallin H. Oaks semma l-pittura ta’ Maynard Dixon bl-isem Forgotten Man, li tinsab imdendla fl-uffiċju tiegħu fil-Bini tal-Amministrazzjoni tal-Knisja f’Salt Lake City: “Tara x-xemx tiddi fuq rasu. Missieru fis-Smewwiet jaf li qiegħed hemm. Huwa minsi mill-folla għaddejja, imma fit-tbatija tiegħu, Missieru fis-Smewwiet jaf li qiegħed hemm. … Għext ma’ dik il-pittura għal kważi 40 sena, u hi tkellimni u tfakkarni fi ħwejjeġ li jeħtieġli niftakar” (fi Sara Jane Weaver, “What I Learned from President Oaks about the ‘Forgotten Man,’” Church News, Sett. 18, 2022, thechurchnews.com).