“Araw Jiena d‑Dawl li Għandkom Iżżommu fil‑Għoli”
Aħna nżommu fil-għoli d-dawl tal-Mulej meta nibqgħu leali lejn il-patti tagħna u meta tissapportjaw lill-profeta ħaj tagħna.
Mal-ħafna testimonjanzi f’din il-konferenza, inżid ix-xhieda appostolika tiegħi li Ġesù Kristu hu Iben Alla, il-Mulej u s-Salvatur tagħna, il-Feddej tal-ulied kollha ta’ Missierna. Permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, Ġesù Kristu għamilha possibbli għalina, jekk aħna denji, li nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet u li nkunu flimkien mal-familji tagħna għall-eternità.
Is-Salvatur mhuwiex assenti tul il-vjaġġ mortali tagħna. Dawn l-aħħar jumejn smajnieh jitkellem permezz tal-mexxejja magħżula tiegħu sabiex aħna nersqu aktar viċin tiegħu. Kemm-il darba, bl-imħabba u ħniena pura tiegħu, Huwa jsostnina waqt kif niffaċċjaw id-drama tal-ħajja. Nefi jiddeskrivi: “Alla tiegħi kien l-appoġġ tiegħi; huwa mexxieni qalb is-sofferenza tiegħi. … Huwa mlieni bl-imħabba tiegħu.”
Dik l-imħabba hija evidenti meta nsostnu lil xulxin fil-ħidma tiegħu.
Aħna nsostnu lill-profeta ħaj tagħna waqt il-konferenza ġenerali, u l-Ewwel Presidenza, il-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, l-Awtoritjiet Ġenerali, u l-Uffiċjali Ġenerali tal-Knisja. Li nsostnu jfisser li nżommu fil‑għoli persuna oħra, li nagħtuhom l-attenzjoni tagħna, li nkunu fidili lejn il-fiduċja tagħhom, li naġixxu fuq kliemhom. Huma jitkellmu permezz tal-ispirazzjoni tal-Mulej; jifhmu l-ħwejjeġ kurrenti, id-deterjorament morali tas-soċjetà, u l-isforzi li qed jiżdied tal-avversarju biex ifixkel il-pjan tal-Missier. Meta nżommu fil-għoli idejna, qed nikkommettu l-appoġġ tagħna, mhux biss għal dak il-mument iżda fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Is-sosteniment jinkludi li nżommu fil-għoli l-presidenti tal-wited u l-isqfijiet tagħna, il-mexxejja tal-kworum u tal-organizzazzjoni, l-għalliema, kif ukoll id-diretturi tal-kampijiet fl-oqsma u l-utied tagħna. U min-nies viċin tagħna, aħna nżommu fil‑għoli n-nisa u l-irġiel tagħna, uliedna, il-ġenituri tagħna, il-familja estiża tagħna, u l-ġirien. Meta aħna nżommu fil‑għoli lil xulxin inkunu qed ngħidu, “Jien hawn għalik, mhux biss biex inżomm fil-għoli dirgħajk u idejk meta huma ’mitruħa‘ imma biex inkun ta’ faraġ u qawwa ħdejk.”
Il-kunċett li żżomm fil-għoli hi msejsa fl-Iskrittura. fl-Ilmijiet ta’ Mormon, il-membri tal-Knisja li għadhom kif tgħammdu impenjaw ruħhom “li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa; … li nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, u nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u kull fejn ikunu.”
Lin-Nefiti, Ġesù qal: “Żommu dawlkom fil‑għoli sabiex idawwal lid‑dinja. Araw, jiena d‑dawl li intom għandkom iżżommu fil‑għoli.” Aħna nżommu fil-għoli d-dawl tal-Mulej meta nibqgħu leali lejn il-patti tagħna u meta tissapportjaw lill-profeta ħaj tagħna hekk kif hu jitkellem kliem Alla.
Il-President Russell M. Nelson qal, meta inservu fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, “Li aħna nsostnu lill-profeti huwa impenn personali li aħna lesti nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inżommu l-prijoritajiet profetiċi tagħhom.”
Li nżommu fil‑għoli l-profeta hija ħidma sagra. Aħna ma noqodgħux spettaturi imma niddefenduh b’mod attiv, nimxu wara l-kunsill tiegħu, ngħallmu kliemu, u nitolbu għalih.
Fil-Ktieb ta’ Mormon, is-Sultan Benjamin qal lill-poplu, “jiena bħalkom, suġġett għal kull tip ta’ dgħufija fil‑ġisem u fil‑moħħ; madankollu jiena ġejt magħżul … u l‑Mulej innifsu ried li jiena nkun mexxej … u jien ġejt issmħares u ppreservat permezz tal‑qawwa inkomparabbli tiegħu, biex inservikom bil‑qawwa, bil‑moħħ u bis‑saħħa kollha li tani l‑Mulej.”
Bl-istess mod, ta’ 100 sena, il-President Nelson ġie mħares u ppreservat permezz tal-Mulej. Il-President Harold B. Lee, dak iż-żmien membru tal-Ewwel Presidenza, semma l-eżempju ta’ Mosè wieqaf fuq l-għolja f’Radifim. “Idejn [il-President tal-Knisja] jistgħu jgħajjew,” hu qal. “Xi kultant għandhom it-tendenza li jintelqu minħabba l-piż tar- responsabbiltajiet tiegħu; imma hekk kif inżommu idejh, u kif immexxu taħt id-direzzjoni tiegħu, maġenbu, il-kanċelli tal-infern mhux sa jegħlbukom u lanqas lil Iżrael. Is-sigurtà tagħkom u tagħna tiddependi fuq jekk aħna nimxu wara dawk li l-Mulej poġġa biex jippresjedi fuq il-knisja tiegħu jew le. Huwa jaf lil min irid jippresiedi din il-knisja, u mhu se jagħmel l-ebda żbalji.”
Il-President Nelson jaf sew dwar dan minn snin jaqdi lill-Mulej. Il-maturità tiegħu, l-esperjenza daqstant varji li għandu, l-għerf tiegħu, u l-prova konsistenzi ta’ rivelazzjoni tul ħajtu huma adattati speċifikament għal żmienna. Huwa qalilna: “Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien qed tħejji lid-dinja għall-jum meta ‘mimlija se tkun l-art bl-għarfien tal-Mulej’ (Isaija 11:9). … Din il-ħidma hija mogħtija s-setgħa permezz ta’ tħabbira divina li saret 200 sena ilu. Li kienet tikkonsisti biss minn seba’ kelmiet: ‘Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħuh!’ (ara Joseph Smith—History 1:17).”
Il-President Nelson qal ukoll: “Qatt ma kien hawn żmien fl-istorja tad-dinja meta l-għarfien tas-Salvatur tagħna kien aktar personalment importanti u relevanti għal kull ruħ umana. Immaġinaw kemm jiġu solvuti malajr il-kunflitti devastanti madwar id-dinja—u dawk fil-ħajja individwali tagħna—jekk aħna lkoll nagħżlu li nimxu wara Ġesù Kristu u nagħtu widen għat-tagħlim tiegħu.”
Ħuti, jeħtieġ li nerfgħu aktar u ngergru anqas, insostnu aktar il-kelma tal-Mulej, il-mogħdijiet, u l-profeta tiegħu, li qal: “Waħda mill-akbar sfidi tagħna llum hi li niddistingwu bejn il-veritajiet ta’ Alla u l-imitazzjoni ta’ Satana. Għalhekk li l-Mulej widdibna biex ‘nitolbu dejjem, … sabiex inkunu nistgħu negħlbu lil Satana, u … neħilsu minn idejn il-qaddejja ta’ Sarana li jmexxu ’l quddiem il-ħidmiet [tal-avversarju]’ [Doctrine and Covenants 10:5; enfażi miżjuda].”
F’April li għadda, jien u Sister Rasband kellna l-unur li ningħaqdu mal-maħbub profeta tagħna u ma’ Sister Nelson għad-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju ta’ Manti Utah.
Il-President Nelson issorprenda lil kulħadd meta daħal fil-kamra. Huma biss ftit fostna li kienu jafu li kien ġej. Fil-preżenza tiegħu, mill-ewwel ħassejt id-dawl u l-mantell profetiku li jġorr. Il-ħarsa ta’ ferħ fuq wiċċ in-nies li personalment raw lill-profeta tibqa’ miegħi għal dejjem.
Fit-talb tad-dedikazzjoni mill-ġdid, il-President Nelson talab lill-Mulej li d-dar imqaddsa tiegħu essenzjalment iżżomm fil-għoli lil dawk kollha li daħlu fit-tempju, “biex huma jirċievu barkiet sagri u jibqgħu denji u fidili lejn il-patti tagħhom … biex din tkun dar tal-paċi, dar ta’ faraġ, u dar ta’ rivelazzjoni personali għal dawk kollha li jidħlu minn dawn il-bibien b’mod den.”
Aħna lkoll jeħtieġ li niġu merfugħa mill-Mulej bil-paċi, bil-faraġ, u fuq kollox b’rivelazzjoni personali biex nikkumbattu l-biża’, id-dlam, u t-tilwim li jħaddnu d-dinja.
Qabel is-servizz, konna weqfin barra fix-xemx mal-President u Sister Nelson biex naraw l-ambjent sabiħ. Ir-rabtiet tal-antenati tal-President Nelson mal-post huma kbar. It-tmien bużnanniet tiegħu ssetiljaw fil-widien taʼ madwar it-tempju, kif għamlu xi wħud minn tiegħi. Il-bużnannu tiegħi Andrew Anderson serva fl-ekwipaġġ tal-kostruzzjoni tal-ewwel pijunieri li ħadmu 11-il sena biex ilestu t-Tempju ta’ Manti, it-tielet tempju tar-Rocky Mountains.
Hekk kif konna ninsabu weqfin mal-President Nelson, aħna kellna l-opportunità li nżommu fil-għoli u nappoġġjaw lill-profeta ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjoni tad-dedikazzjoni mill-ġdid tad-dar imqaddsa tal-Mulej. Kienet jum li ma ninsa qatt.
Fuq dak il-jum sagru, il-President Nelson qal, “Aħna nibnu t-tempji biex nonoraw lill-Mulej.” “Huma mibnija għall-qima u għall-wiri. Aħna nagħmlu ċerti patti sagri ta’ sinifikat etern ġewwa dawn il-ħitan sagri.” Aħna qed niġbru flimkien lil Iżrael.
Il-President Nelson u l-profeti ta’ qablu ħaddnu t-tempji mqaddsa f’dirgħajhom. Illum, madwar id-dinja, għandna 350 djar sagri tal-Mulej li qed joperaw, imħabbra, jew qed jinbnew. Bħala profeta, mill-2018, il-President Nelson ħabbar 168 tempji.
“Fi żmienna,” huwa qal, “f’għaqda sħiħa, kompluta u perfetta fost id-dispensazzjonijiet kollha, l-imfietaħ, u l-qawwiet għandhom jintrabtu flimkien (ara Doctrine and Covenants 128:18). Għal dawn l-għanijiet sagri, it-tempji mqaddsa jiksu d-dinja. Nerġa’ nenfasizza li l-bini ta’ dawn it-tempji jaf ma jwassalx biex jibdel ħajjitkom, iżda l-ħin li intom tgħaddu fit-tempju żgur jasal biex jagħmel dan.”
“Is-Salvatur u d-duttrina tiegħu jinsabu fil-qalba tat-tempju,” qal il-President. “Kulma jiġi mgħallem fit-tempju, permezz ta’ istruzzjoni u permezz tal-Ispirtu, ikabbar l-għarfien tagħna ta’ Ġesù Kristu. L-ordinanzi essenzjali tiegħu jorbtuna miegħu permezz ta’ patti sagri tas-saċerdozju. Imbagħad, hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana tal-fejqan tiegħu .”
“Dawk kollha li jqimu fit-tempju,” Il-President Nelson qal, “jkollhom il-qawwa ta’ Alla u l-anġli ‘jieħdu ħsiebhom’ [Doctrine and Covenants 109:22]. Kemm tħossukom tikbru fil-kunfidenza li tkunu tafu li, bħala nisa u rġiel [jew żgħażagħ li jattendu t-tempju] iddotati bil-qawwa ta’ Alla, m’għandkomx għalfejn tiffaċċjaw din il-ħajja weħidkom? Kemm timtlew bil-kuraġġ li tkunu tafu li l-anġli verament se jkunu lesti biex jgħinukom?”
L-anġli li jilqgħuna biex iżżommuna fil-għoli hija deskritta fl-Iskrittura meta Ġesù Kristu niżel għarkupptejh b’umiltà fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Permezz tat-tbatija tiegħu Huwa pprovdielna Espjazzjoni infinita. “Hemmhekk,” jiddikjara l-President Nelson, “seħħ l-akbar att ta’ mħabba fl-istorja kollha tal-bniedem. … Hemm fil-Ġetsemani, il-Mulej ‘sofra l-uġigħ tal-bnedmin kollha, sabiex il-bnedmin kollha jkunu jistgħu jindmu u jersqu lejh’ [Doctrine and Covenants 18:11].”
“Warrab minni dan il-kalċi” Ġesù Kristu staqsa, “Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.
U “deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb.”
Illum għandna anġli jduru madwarna. Il-President Nelson qal, “[Fit-tempju] intom titgħallmu kif taqsmu għan-naħa l-oħra tal-velu, li jinsab bejn is-sema u l-art, kif titolbu għall-għajnuna tal-anġli ta’ Alla.”
Anġli jwassal id-dawl. Id-Dawl ta’ Alla. Lill-Appostli Nefiti tiegħu, Ġesù qalilhom, “Araw jiena d‑dawl li għandkom iżżommu fil‑għoli.” Hekk kif insostnu lill-profeta tagħna, aħna nixhdu li hu ġie msejjaħ mis-Salvatur tagħna, li huwa “d-dawl … tad-dinja”
Għażiż President Nelson, f’isem il-membri u l-ħbieb tal-Knisja tal-Mulej madwar id-dinja, aħna nħossuna mberkin li nżommu fil‑għoli t-tagħlim tiegħek, li nżommu fil-għoli l-eżempju tiegħek ta’ ħajja Kristjana, u li nżommu fil-għoli t-testimonjanza ferventi tiegħek tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, il-Feddej tagħna lkoll.
Naqsam magħkom ix-xhieda appostolika tiegħi li Ġesù Kristu huwa “d-dawl … tad-dinja.” Jalla lkoll, bħala dixxipli tiegħu, “inżommu fil‑għoli” d-dawl tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.