Id-Duttrina ta’ Ġesù Kristu Hija Sempliċi
Nagħti x-xhieda tiegħi tal-ħidma sagra li ngħallmu lil ulied Missierna fis-Smewwiet id-duttrina sempliċi ta’ Ġesù Kristu.
Ilkoll kemm aħna għandna membri tal-familja li nħobbu li qed jiġu mġarrba u ppruvati minn dawk li jidhru li huma forzi kostanti ta’ Satana, il-qerried, li jrid jagħmel lil ulied kollha ta’ Alla miżerabbli. Għal ħafna minna, kienu bosta l-iljieli fejn m’għalaqniex għajn m’għajn. Ippruvajna ndawru lil dawk li jinsabu f’riskju b’kull forza għat-tajjeb. F’talbna tlabna għalihom. Ħabbejniehom. Tajtnihom l-aħjar eżempju li stajna nagħtuhom.
Alma, profeta għaqli miż-żminijiet tal-qedem, ra ma wiċċu sfidi simili. In-nies li hu mexxa u ħabb ta’ spiss kienu taħt attakk mill-għadu feroċi, madankollu huma xorta waħda baqgħu jippruvaw irabbu tfal twajbin f’dinja ta’ ħażen. Alma ħass li l-unika tama għar-rebħa kienet forza li xi kultant ninjorawha u ftit li xejn nagħmlu użu minnha. Huwa talab lil Alla għall-Għajnuna.
Alma kien jaf li biex Alla jgħinhom kienet meħtieġa l-indiema minn dawk li hu mexxa, kif ukoll mill-avversarji tiegħu. B’hekk, huwa għażel metodu differenti minflok imur għall-battalja.
Il-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi dan b’dan il-mod “U issa, peress li x-xandir tal-kelma kellu tendenza kbira li jwassal lin-nies biex jagħmlu dak li hu ġust—iva, li ħalla … effett aktar qawwi fuq moħħ il-bniedem mix-xabla, jew minn xi ħaġa oħra, li huma esperjenzaw—għalhekk Alma ħaseb li kien jaqbel li huma jippruvaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla.”
Il-kelma ta’ Alla hija d-duttrina ngħallma minn Ġesù Kristu u mill-profeti tiegħu. Alma kien jaf li l-kliem tad-duttrina kellu qawwa kbira.
F’ sezzjoni 18 tad-Duttrina u Patti, il-Mulej jiżvela s-sisien tad-duttrina tiegħu:
“Għax, araw, nordna lill-bnedmin kollha ma’ kullimkien biex jindmu. …
“Għax, araw, il-Mulej il-Feddej tagħkom sofra l-mewt fil-ġisem; għalhekk huwa sofra l-uġigħ tal-bnedmin kollha, sabiex il-bnedmin kollha jkunu jistgħu jindmu u jersqu lejh.
“U huwa reġa’ qam mill-imwiet, biex ikun jista’ jressaq lill-bnedmin kollha lejh, bil-kundizzjoni li huma jindmu.”
“U intom għandkom tinżlu mal-art u tqimu lill-Missier f’ismi.
“… Intom jeħtieġ li tindmu u titgħammdu, f’isem Ġesù Kristu.”
“Itolbu lill-Missier f’ismi b’fidi, filwaqt li temmnu li intom se tirċievu, u intom ikollkom magħkom l-Ispirtu s-Santu.”
“U issa, wara … li rċevejtu dan, jeħtieġ li tħarsu l-kmandamenti tiegħi f’kollox.”
“Ħudu fuqkom isem Kristu, għidu l-verità b’għaqal.
“U dawk kollha li jindmu u jitgħammdu f’ismi, li hu Ġesù Kristu, u jibqgħu jżommu sħiħ sal-aħħar, huma jiġu salvati.”
F’dawk il-ftit versi, is-Salvatur jagħtina l-eżempju perfett ta’ kif għandna ngħallmu d-duttrina tiegħu. Din id-duttrina hija li l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, l-indiema, il-magħmudija, l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu, u li tibqa’ sħiħ sal-aħħar iwasslu biex ibierku lill-ulied kollha ta’ Alla.
Hekk kif ngħallmu dawn il-prinċipji lil dawk li nħobbu, l-Ispirtu s-Santu jgħinna nkunu nafu l-verità. Peress li neħtieġu s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu, jeħtieġ nevitaw kull spekulazzjoni jew interpretazzjoni personali li jmorru lil hinn mit-tagħlim tad-duttrina vera.
Din taf tkun ħaġa diffiċli li nagħmlu meta inti tħobb lill-persuna li qed tipprova tinfluwenza. Huma jafu ma jagħtux każ tad-duttrina li qed tiġi mgħallma. Taf tiġina t-tentazzjoni li nippruvaw xi ħaġa ġdida jew sensazzjonali. Iżda l-Ispirtu s-Santu jiżvela l-ispirtu tal-verità biss hekk kif aħna nkunu konxji u attenti li ma mmorrux lil hinn milli ngħallmu d-duttrina vera. Wieħed mill-aktar modi ċerti biex nevitaw li nersqu saħansitra viċin duttrina falza hu li nagħżlu li nkunu sempliċi fit-tagħlim tagħna. Is-sigurtà niksbuha permezz ta’ dik is-sempliċità, u r-riskji jkunu minimi.
Li ngħallmu b’mod sempliċi jagħtina ċ-ċans li nixxerjaw id-duttrina tas-salvazzjoni meta jkun għadu kmieni, meta t-tfal ikun għadhom ħielsa mit-tentazzjoni tal-qarrieq li aktar tard jikkonfrontahom, ferm qabel mal-veritajiet li jeħtieġ li jitgħallmu jispiċċaw jintfew minħabba l-istorbju tal-midja soċjali, ta’ sħabhom, u tat-taqbid personali. Jeħtieġ li naħtfu kull opportunità biex naqsmu t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu mat-tfal. Dawn il-mumenti ta’ tagħlim huma prezzjużi u ferm anqas mill-isforzi bla heda tal-forzi opposti. Għal kull siegħa li ngħaddu niżirgħu d-duttrina fil-ħajja tat-tfal, hemm sigħat bla għadd li fihom l-oppożizzjoni tibbumbardjahom b’messaġġi u immaġini li jisfidaw jew jinjoraw dawk il-veritajiet tas-salvazzjoni.
Xi wħud minnkom tafu tistaqsu jekk ikunx aħjar li tressqu lil uliedkom qrib tagħkom permezz tad-divertiment, jew tafu tistaqsu jekk it-tfal hux qed jibdew jiddejqu bit-tagħlim tagħkom. Minflok, aħna nikkunsidraw, “Peress li ma tantx għandi ħin u ftit li xejn opportunitajiet, xi kliem tad-duttrina nista’ naqsam magħhom li jsaħħahom kontra l-isfidi inevitabbli għall-fidi tagħhom?” Il-kliem li taqsam magħhom illum jaf ikun il-kliem li jibqgħu jġorru magħhom, u llum dalwaqt jgħaddi.
Jien minn dejjem kelli ammirazzjoni lejn il-bużnanna tiegħi Mary Bommeli għad-devozzjoni tagħha biex taqsam id-duttrina ta’ Ġesù Kristu. Il-familja tagħha ġiet mgħallma mill-missjunarji ġewwa l-Isvizzera meta hija kellha 24 sena.
Wara li tgħammdet, Mary xtaqet tingħaqad mal-Qaddisin ġewwa l-Amerika, għalhekk hija telqet mill-Isvizzera għal Berlin u sabet impjieg ma’ mara li ħaddmitha magħha tinseġ it-tessuti għall-ilbies tal-familja. Mary kienet tgħix f’kamra tal-qaddejja u poġġiet il-magna tal-insiġ fis-salott tad-dar.
Dak iż-żmien, li tgħallem id-duttrina tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien f’Berlin kienet ħaġa illegali. Iżda Mary sabet li kien se jkun diffiċli għaliha li tibqa’ ma taqsamx ma’ ħaddieħor il-ħwejjeġ li hija tgħallmet. Il-mara tad-dar u sħabha kienu jinġabru madwar il-magna tal-insiġ biex jisimgħu lil Mary tgħallimhom. Hija kellmithom dwar id-dehra ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu lil Joseph Smith, iż-żjara tal-anġli, u l-Ktieb ta’ Mormon. Hekk kif ftakret ir-rakkont ta’ Alma, hi għallmithom dwar id-duttrina tal-Qawmien. Hija tat ix-xhieda tagħha li l-familji jistgħu jerġgħu jingħaqdu flimkien fis-saltna ċelestjali.
L-entużjażmu ta’ Mary li taqsam ma’ ħaddieħor id-duttrina tal-evanġelju rrestawrat ma damx ma daħħalha fl-inkwiet. Il-pulizija ma damux ma telqu b’Mary lejn iċ-ċella. Huma u sejrin, hija staqsiet lill-pulizija x’kien jismu l-imħallef li kellha tidher quddiemu l-għada filgħodu. Hija staqsiet ukoll dwar il-familja tiegħu u jekk kienx missier u raġel miżżewweġ tajjeb. Il-pulizija ddeskriva lill-imħallef bħala raġel tad-dinja.
Fiċ-ċella, Mary staqsiet għal lapes u xi ftit karti. Hi għaddiet il-lejl tikeb ittra lill-imħallef, fejn tat xhieda tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu kif inhu deskritt fil-Ktieb ta’ Mormon, iddiskutiet id-dinja tal-ispirti, u tat spjegazzjoni tal-indiema. Hija ssuġġeriet li l-imħallef jgħaddi ħin jirrifletti dwar ħajtu qabel jiffaċċja l-ġudizzju finali. Hija kitbet li kienet taf li kellu ħafna minn xiex jindem, li ħafna minnu żgur li kien se jsewwed qalb il-familja tiegħu u jwasslu hu biex jimtela b’diqa kbira. Filgħodu, meta hija temmet l-ittra tagħha, hi tatha lill-pulizija u talbitu jeħodha għand l-imħallef, u hu qabel li jagħmel dan.
Aktar tard, il-pulizija ntalab mill-imħallef biex imur fl-uffiċċju tiegħu. L-ittra li kitbet Mary kienet evidenza mill-aktar ċara li hija kienet qed tgħallem id-duttrina tal-evanġelju rrestawrat u, minħabba f’hekk, kisret il-liġi. Madankollu, il-pulizija ma damx wisq ma reġa’ lura fiċ-ċella ta’ Mary. Hu qalilha li l-akkużi kollha kontriha kienu waqgħu u setgħet tmur. It-tagħlim tagħha tad-duttrina tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu wassalha biex tiġi mixħuta f’ċella. U d-dikjarazzjoni li għamlet mal-imħallef dwar id-duttrina tal-indiema wasslitha biex tinħeles miċ-ċella.
It-tagħlim ta’ Mary Bommeli ma ntemmx meta hija nħelset. Ir-rakkont ta’ kliemha għadda d-duttrina vera sewwasew lil ġenerazzjonijiet li kienu għadhom lanqas twieldu. It-twemmin tagħha li anke saħansitra membru ġdid setgħet tgħallem id-duttrina ta’ Ġesù Kristu wassal biex jiżgura li d-dixxendenti tagħha setgħu jimtlew b’qawwa fil-battalji tagħhom.
Hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex ngħallmu lil dawk li nħobbu dwar id-duttrina ta’ Ġesù Kristu, xi wħud jafu jinjorawna. Moħħkom jaf jimtela bid-dubji. Intom tafu tiddubitaw jekk tafux id-duttrina tas-Salvatur biżżejjed li tistgħu tgħallmuha b’mod effetiv. U jekk diġà ppruvajtu tgħallmuha, tafu tistaqsu għalfejn l-effett pożittiv mhuwiex aktar viżibbli. Iċċedux għal dawk id-dubji. Duru lejn Alla għall-għajnuna.
“Iva, u b’ħerqa itlob lil Alla ħalli hu jkun dejjem ta’ sostenn għalik; … ara li fil-fond ta’ qalbek ikollok għal dejjem lill-Mulej.”
“U issa nixtieq li intom tkunu umli, sottomessi u dħulin; faċli li tavviċinakom; kollkom paċenzja u sabar; u li tkunu nies moderati f’kollox; u tkunu diliġenti fil-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla f’kull ħin; u li intom tistaqsu għal kull ħaġa li jkollkom bżonn, sew spiritwali u sew temporali; u dejjem troddu ħajr lil Alla għal kull ħaġa li intom tirċievu.”
Jekk titolbu, jekk titkellmu ma’ Alla, u jekk titolbuh b’ħerqa biex jgħin lill-maħbubin tagħkom, u jekk tirringrazzjawh mhux biss għall-għajnuna iżda wkoll għas-sabar u l-ġentilezza li tiksbu meta ma tirċevux dak kollu li tixtiequ minnufih, jew forsi qatt, mbagħad inwegħidkom li intom tersqu aktar qrib tiegħu. Intom issiru nies diliġenti kollkom sabar. U mbagħad tistgħu ssiru tafu li intom għamiltu dak kollu li stajtu biex tgħinu lil dawk li tħobbu u dawk li titolbu għalihom jirnexxielhom jibqgħu mexjin minkejja l-attentat ta’ Satana li jfixkilhom.
“Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.”
Intom tistgħu ssibu t-tama fil-kitbiet skritturali tal-familji. Naqraw dwar dawk li tbiegħdu minn dak li ġew mgħallma jew li tqabdu ma’ Alla għall-maħfra, bħal Alma ż-Żgħir, ulied Mosija, u Enos. Fil-mumenti tagħhom ta’ kriżi, huma ftakru l-kliem tal-ġenituri tagħhom, kliem tad-duttrina ta’ Ġesù Kristu. Huma ġew salvati għax ftakru. It-tagħlim tagħkom ta’ dik id-duttrina sagra se jibqa’ jiġi mfakkar.
Nagħti x-xhieda tiegħi tal-ħidma sagra li ngħallmu lil ulied Missierna fis-Smewwiet id-duttrina sempliċi ta’ Ġesù Kristu, li tagħtina ċ-ċans li niġu mnaddfa spiritwalment u ultimament niġu milqugħin fil-preżenza ta’ Alla, biex ngħixu miegħu u ma’ Ibnu fi glorja għal dejjem bħala familji. F’isem Ġesù Kristu, ammen.