Konferenza Ġenerali
Fi Spazju ta’ Ftit Snin Biss
konferenza ġenerali Ottubru 2024


16:16

Fi Spazju ta’ Ftit Snin Biss

Jekk aħna ma nkunux fidili u ubbidjenti, aħna nafu nittrasformaw il-barka li tana Alla tal-prosperità f’saħta ta’ kburija li tiddevjana u taljenana.

Għeżież ħuti, minn bilqiegħda minn fuq dan il-podju llum, jiena rajt dan iċ-Ċentru għall-Konferenza jimtela tliet darbiet, għall-ewwel darba minn żmien il-COVID. Intom dixxipli devoti ta’ Ġesù Kristu li ħerqana biex titgħallmu. Tifħir lilkom għall-fedeltà tagħkom. U jiena nħobbkom.

Ezra Taft Benson serva bħala l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien minn Novembru 1985 sa Mejju 1994. Jien kelli 33 sena meta l-President Benson sar il-President tal-Knisja u 42 meta miet. U t-tagħlim u t-testimonjanza tiegħu ħallew influwenza fuqi b’mod mill-aktar profond u qawwi.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-ministeru tal-President Benson kien l-attenzjoni ewlenija tiegħu fuq l-għan u l-importanza tal-Ktieb ta’ Mormon. Huwa enfasizza kemm-il darba li “l-Ktieb ta’ Mormon huwa ċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna—iċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanza tagħna, iċ-ċavi ċentrali tad-duttrina tagħna, u ċ-ċavi ċentrali fix-xhieda tagħna tal-Mulej u s-Salvatur tagħna.” Huwa ta’ spiss enfasizza wkoll it-tagħlim u t-twissijiet dwar id-dnub tas-suppervja li nsibu f’dan it-testment tal-aħħar żmien ta’ Ġesù Kristu.

Tagħlim partikolari li għallem il-President Benson ħalli mpatt kbir fuqi u jkompli jinfluwenza l-istudju tiegħi tal-Ktieb ta’ Mormon. Huwa qal:

“Il-Ktieb ta’ Mormon … inkiteb għal żmienna. In-Nefiti qatt ma kellhom il-ktieb; lanqas il-Lamaniti taż-żminijiet tal-qedem. Kien intenzjonat għalina. Mormon kiteb għall-aħħar taċ-ċiviltà Nefita. Taħt l-ispirazzjoni ta’ Alla, li jara kollox mill-bidu, Mormon ġabar fil-qosor sekli sħaħ ta’ kitbiet, fejn għażel l-istejjer, id-diskors, u l-ġrajjiet li l-aktar jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina.”

Il-President Benson kompla: “Kull wieħed mill-kittieba ewlenin tal-Ktieb ta’ Mormon xehed li huwa kiteb għal ġenerazzjonijiet futuri. … Jekk huma raw żmienna u għażlu dawk il-ħwejjeġ li l-aktar setgħu jkunu ta’ siwi għalina, mhuwiex b’dan il-mod kif aħna għandna nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon? Aħna għandna l-ħin kollu nistaqsu lilna nfusna, ‘Għalfejn il-Mulej ispira lil Mormon … biex jinkludu [dan ir-rakkont] fil-kitba tiegħu? X’lezzjoni nista’ nitgħallem minn [din it-twiddiba] biex tgħinni ngħix f’dawn iż-żminijiet?’”

Id-dikjarazzjonijiet tal-President Benson jgħinuna nifhmu li l-Ktieb ta’ Mormon mhuwiex primarjament kitba storika li tħares lura lejn l-imgħoddi. Pjuttost, dan il-volum ta’ skrittura jħares lejn il-ġejjieni u fih prinċipji, twissijiet, u lezzjonijiet importanti intenzjonati għaċ-ċirkustanzi u l-isfidi ta’ żmienna. B’hekk, il-Ktieb ta’ Mormon huwa ktieb dwar il-ġejjieni tagħna u ż-żminijiet li ngħixu fihom bħalissa u li għad irridu ngħixu fihom.

Nitlob sabiex l-Ispirtu s-Santu jgħinna hekk kif nikkunsidraw il-lezzjonijiet relevanti għalina llum mill-ktieb ta’ Ħelaman fil-Ktieb ta’ Mormon.

In-Nefiti u l-Lamaniti

Il-kitba ta’ Ħelaman u wliedu tiddeskrivi poplu li kienu qed iħarsu ’l quddiem għat-twelid ta’ Ġesù Kristu. In-nofs seklu li dwaru titkellem il-kitba skritturali jenfasizza il-konverżjoni u t-tjieba tal-Lamaniti u l-ħażen, l-apostasija, u l-abominazzjoni tan-Nefiti.

Numru ta’ paraguni u kuntrasti bejn in-Nefiti u l-Lamaniti minn din il-kitba tal-qedem huma mill-aktar istruttivi għalina llum.

“Il-biċċa l-kbira tal-Lamaniti saru nies twajbin, hekk li t-tjieba tagħhom kienet tiżboq lil dik tan-Nefiti, minħabba l-fermezza u s-sodezza tal-fidi tagħhom.

“U araw, kien hemm bosta Nefiti li webbsu rashom u saru nies bla ndiema u mill-aktar ħżiena, hekk li huma spiċċaw biex warrbu l-kelma ta’ Alla u dak kollu li ġie mxandar u mħabbar fosthom.”

“U b’hekk naraw li n-Nefiti ftit, ftit bdew jitilfu l-fidi, u bdew jikbru fil-ħażen u l-abominazzjonijiet, waqt li l-Lamaniti bdew jikbru ferm fl-għarfien ta’ Alla tagħhom; iva, huma bdew iħarsu l-preċetti u l-kmandamenti tiegħu, u bdew jimxu fis-sewwa u t-tjieba quddiemu.

“U b’hekk naraw li l-Ispirtu tal-Mulej beda jitbiegħed min-Nefiti, minħabba l-ħażen u l-ebusija ta’ qalbhom.

“U b’hekk naraw li l-Mulej beda jsawwab l-Ispirtu tiegħu fuq il-Lamaniti, minħabba l-inklinazzjoni u r-rieda tagħhom li jemmnu fi kliemu.”

Probabbilment l-aktar aspett meraviljuż u importanti ta’ dan id-deterjorament li wassal għall-apostasija tan-Nefiti hu l-fatt li “dan il-ħażen kollu seħħ fosthom fi spazju ta’ ftit snin biss.”

In-Nefiti Tbiegħdu minn Alla

Kif jista’ jkun li poplu li darba kien twajjeb sar daqstant rasu iebsa u ħażin fi żmien daqshekk qasir? Kif jista’ jkun li n-nies jinsew daqshekk malajr lil Alla li berikhom bil-kotra?

B’mod qawwi u profond, l-eżempju negattiv tan-Nefiti huma mill-aktar istruttiv għalina llum.

“Il-kburija … bdiet tidħol … fi qlub in-nies li kienu jiddikjaraw li jagħmlu parti mill-knisja ta’ Alla … minħabba l-għana mill-aktar kbira u l-ġid kbir li huma kellhom f’arthom.”

“[Huma] rabtu [qalbhom] mal-ġid u l-frugħa ta’ din id-dinja” “minħabba dik il-kburija li [huma] … ħallew li tiħdol [f’qalbhom,] li … [mliethom b’arroganza] li tiżboq it-tajjeb kollu tagħhom u dan minħabba l-ġid mill-aktar kbir tagħhom!”

Ilħna ta’ żmien il-qedem li mit-trab jitolbuna bil-ħerqa llum biex nitgħallmu din il-lezzjoni għal kull żmien: il-prosperità, il-ġid materjali, u l-kumdità jikkonstitwixxu kombinazzjoni potenti li tista’ twassal anke lit-twajbin biex jixorbu l-velenu spiritwali tal-kburija.

Li nħallu l-kburija tidħol f’qalbna jista’ jwassalna biex ngħaddu biż-żmien dak li hu sagru; niddubitaw l-ispirtu tal-profezija u tar-rivelazzjoni; ngħaffġu taħt saqajna l-kmandamenti ta’ Alla; niċħdu l-kelma ta’ Alla; inkeċċu, niżżufjettaw, u neħduha kontra l-profeti; u ninsew lill-Mulej Alla tagħna u “ma nixtiequx li l-Mulej Alla [tagħna,] li lilna ħalaq, imexxina u jsaltan fuqna.”

Għalhekk, jekk aħna ma nkunux fidili u ubbidjenti, aħna nafu nittrasformaw il-barka li tana Alla tal-prosperità f’saħta ta’ kburija li tiddevjana u taljenana mill-veritajiet eterni u mill-prijoritajiet spiritwali mill-aktar importanti. Jeħtieġ li nibqgħu dejjem niddefendu lilna nfusna kontra sens ta’ awto-importanza esaġerat riżultat tal-kburija tagħna, evalwazzjoni li tiżgwidana tal-awto-suffiċjenza tagħna, u li npoġġu dejjem l-ewwel lilna nfusna minflok ma nservu lil ħaddieħor.

Hekk kif kollna kbirja niffokaw fuqna nfusna, aħna wkoll nintlaqtu minn għama spiritwali u nimmissjaw ħafna, il-biċċa l-kbira, jew forsi dak kollu li jkun qed iseħħ fina u madwarna. Aħna ma nistgħux inħarsu lejn u niffokaw fuq Ġesù Kristu “il-marka” jekk ikun moħħna biss fina nfusna.

Din it-tip ta’ għama spiritwali tista’ wkoll twassalna biex nitbiegħdu mit-triq tas-sewwa, nispiċċaw f’toroq ipprojbiti, u nintilfu. Hekk kif bl-għama “nibdew nagħmlu li rridu” u nimxu wara devjazzjonijiet distruttivi, aħna nkunu inklinati li nserħu fuq l-għarfien tagħna, niftaħru b’rixna, u niddependu fuq l-għerf tagħna.

Samwel il-Lamanita jikteb fil-qosor dwar in-Nefiti li tbiegħdu minn Alla: “Intom għaddejtu ħajjitkom kollha tfittxu dak li ma tistgħux tiksbu; u bdejtu tfittxu l-kuntentizza billi twettqu l-ħażen, ħaġa li tmur kontra n-natura ta’ dak li hu sewwa, is-sewwa li tinsab fil-Mexxej kbir u Għal Dejjem tagħna.”

Il-profeta Mormon osserva, “Il-biċċa l-kbira tan-nies baqgħu mimlijin kburija u ħażen, u kienu ftit biss minnhom li bdew iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla.”

Il-Lamaniti Daru Lejn Alla

Fil-Ktieb ta’ Ħelaman, it-tjieba dejjem tikber tal-Lamaniti tipprovdi kuntrast ċar tad-deterjorament spiritwali mgħaġġel tan-Nefiti.

Il-Lamaniti daru lejn Alla u twasslu għal għarfien tal-verità billi emmnu t-tagħlim tal-iskrittura mqaddsa u tal-profeti, billi eżerċitaw il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, nidmu minn dnubiethom, u esperjenzaw bidla setgħana f’qalbhom.

“Għalhekk, dawk kollha li twasslu biex saru jafu dan, intom tafu li dawn huma nies fermi u sodi fil-fidi, u f’dik il-ħaġa li permezz tagħha huma kisbu l-ħelsien.”

“Araw li l-biċċa l-kbira tal-Lamaniti jinsabu fit-triq li mitlubin jimxu fiha, u huma qed iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla, u qed jaraw li jħarsu l-kmandamenti tiegħu u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu. …

“… Huma qed jagħmlu li jistgħu b’reqqa kbira biex forsi jkunu jistgħu jwasslu lill-bqija ta’ ħuthom għall-għarfien tal-verità.”

B’konsegwenza ta’ dan, “it-tjieba tal-Lamaniti kienet tiżboq lil dik tan-Nefiti, minħabba l-fermezza u s-sodezza tal-fidi tagħhom.”

Twissija i Wegħda

Moroni ddikjara: “Araw, il-Mulej urieni ħwejjeġ mill-aktar kbar u tal-għaġeb li jikkonċernaw dak li dalwaqt se jiġi fis-seħħ, f’dak iż-żmien li fih dawn il-ħwejjeġ sejrin iseħħu fostkom.

“Araw, jien inkellimkom bħallikieku tinsabu preżenti, meta fil-fatt m’intomx. Iżda araw, Ġesù Kristu wera lilkom lili, u jien naf dwarkom.”

Jekk jogħġobkom ftakru li l-Ktieb ta’ Mormon iħares lejn il-ġejjieni u fih prinċipji, twissijiet, u lezzjonijiet importanti intenzjonati għaċ-ċirkustanzi u l-isfidi ta’ żmienna.

L-apostasija tista’ sseħħ fuq żewġ livelli bażiċi—istituzzjonali u individwali. Fuq livell istituzzjonali, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien mhijiex se tintilef permezz ta’ apostasija jew se tittieħed mid-dinja.

Il-Profeta Joseph Smith iddikjara: “L-istendard tal-verità ġie mgħolli; l-ebda id mhux qaddisa ma tista’ twaqqaf din il-ħidma milli tibqa’ miexja ’l quddiem … ; il-verità ta’ Alla tibqa’ miexja ’l quddiem b’fermezza u b’mod nobbli u indipendenti, sakemm tippenetra kull kontinent, iżżur kull klima, tgħaddi minn fuq kull pajjiż, u tinstama’ f’kull widna, sakemm l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u Jaħweh l-Kbir jgħid il-ħidma lesta.”

Fuq livell individwali, ilkoll kemm aħna jeħtieġ “noqogħdu attenti mill-kburija, ma mmorrux nispiċċaw bħan-Nefiti ta’ żmien il-qedem.”

Ippermettuli nissuġġerixxi li jekk intom u jien nibdew naħsbu li aħna tal-azzar, b’saħħitna biżżejjed li nevitaw l-arroganza tal-kburija, meta jista’ jkun li aħna diġà qegħdin nsofru minn din il-marda qerrieda spiritwali. Biex ngħidha b’mod sempliċi, jekk intom jew jien ma naħsbux li nistgħu nintlaqtu mill-kburija, mela aħna nies vulnerabbli u f’periklu spiritwali. Fi spazju ta’ ftit jiem, ġimgħat, xhur, jew snin, aħna nafu nitilfu l-primoġenitura spiritwali tagħna għal xi ħaġa li tiswa anqas minn ftit għads.

Jekk, madankollu, intom u jien nemmnu li nistgħu nintlaqtu mill-kburija, mela aħna konsistentement nibdew nagħmlu l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi li jipproteġuna u jgħinuna nsiru “bħat-tfal, sottomessi, ta’ qalb ħelwa, umli, kollna sabar, mimlija mħabba, lesti nissottometti ruħna għal dak kollu li lest jgħabbina bih il-Mulej.” “Henjin dawk li jumiljaw ruħhom mingħajr ma jiġu mġiegħla jkunu umli.”

Hekk kif nimxu wara l-parir tal-President Benson u nistaqsu lilna nfusna għalfejn il-Mulej ispira lil Mormon biex jinkludi fis-summarju tal-ktieb ta’ Ħelaman ir-rakkonti, u t-twissijiet tiegħu, inwegħidkom li aħna nkunu kapaċi nagħrfu l-applikazzjoni ta’ dan it-tagħlim skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħajja individwali u tal-familji tagħna llum. Hekk kif nistudjaw u nixtarru din il-kitba spirata, aħna nkunu mberkin b’għajnejn li jaraw, widnejn li jisimgħu, moħħ li jagħraf, u qalb li tifhem il-lezzjonijiet li għandna nitgħallmu biex “noqogħdu attenti mill-kburija, ħalli ma naqgħux għat-tentazzjoni.”

B’ferħ jiena nagħti xhieda li Alla l-Missier Etern hu Missierna. Ġesù Kristu huwa Ibnu l-Waħdieni u Ibnu l-Maħbub. Huwa s-Salvatur tagħna. U jiena nixhed li hekk kif aħna nimxu fl-umiltà tal-ispirtu tal-Mulej, aħna nevitaw u negħlbu l-kburija u jkollna l-paċi fih. Jien nixhed dan fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, ammen.