Konferenza Ġenerali
Nafdaw f’Missierna
konferenza ġenerali Ottubru 2024


10:20

Nafdaw f’Missierna

Alla jafdana meta niġu biex nieħdu bosta deċiżjonijiet importanti u f’kull ħaġa, Huwa jitlobna biex nafdawh.

Fl-1 ta’ Ġunju, 1843, Addison Pratt ħalla Nauvoo, Illinois, biex imur ixandar l-evanġelju fil-Gżejjer tal-Hawaii, fejn ħalla warajh lil martu, Louisa Barnes Pratt, biex tieħdu ħsieb il-familja żagħżugħa tagħhom.

Hekk kif il-persekuzzjoni ġewwa Nauvoo bdiet tiħrax, u wasslet lill-Qaddisin biex jitilqu minn hemm, u aktar tard anke f’Winter Quarters waqt li huma bdew iħejju biex jemigraw lejn il-Wied ta’ Salt Lake, Louisa kellha tieħu d-deċiżjoni jekk tagħmilx il-vjaġġ. Kien ikun aktar faċli jekk baqgħet fejn kienet u tistenna r-ritorn ta’ Addison milli tivvjaġġa weħidha.

Fiż-żewġ okkażjonijiet, hija fittxet li tikseb il-gwida tal-profeta Brigham Young, li ħeġġiġha biex tmur. Minkejja d-diffikultà kbira u n-nuqqas ta’ ħeġġa personali tagħha, hija vvjaġġat b’suċċess kull darba.

Inizjalment, Louisa ftit li xejn ħadet gost b’dan l-ivvjaġġar. Madankollu, ma dametx wisq ma bdiet tieħu gost bil-ħaxix aħdar tal-pjanuri, bil-fjur selvaġġ ikkulurit, u bl-art imtarrba tul ix-xatt tax-xmara. “Is-sħab li beda jċajpar moħħi ftit ftit ħallieni,” hija qalet, “u minn dak il-ħin ma kienx hemm mara aktar ferħana fil-grupp kollu tagħna.”

L-istorja ta’ Louisa spiratni bil-kbir. Nammira d-dispożizzjoni tagħha li twarrab fil-ġenb il-preferenzi personali tagħha, l-abbiltà tagħha li tafda f’Alla u kif il-mod li bih eżerċitat il-fidi tagħha għenha tħares lejn is-sitwazzjoni b’mod differenti.

Hija fakkritni li aħna għandna Missier fis-Smewwiet li jħobbna li jimpurtah minna ninsabu fejn ninsabu u li nistgħu nafdaw fih aktar minn kulħadd u minn kull ħaġ’oħra.

Is-Sors tal-Verità

Alla jafdana meta niġu biex nieħdu bosta deċiżjonijiet importanti u f’kull ħaġa, Huwa jitlobna biex nafdawh. Din hi ħaġa speċjalment diffiċli meta l-ġudizzju tagħna, jew l-opinjoni pubblika, tkun differenti mir-rieda tiegħu għal uliedu.

Xi wħud jissuġġerixxu li għandna nerġgħu npinġu l-linji ta’ bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin għax jgħidu li l-verità hi relattiva, ir-realtà tiddefinixxi ruħha, jew Alla tant hu ġeneruż li Hu fil-fatt ma jimpurtahx minn dak li nagħmlu.

Hekk kif infittxu li nifhmu u naċċettaw ir-rieda ta’ Alla, ikun ta’ għajnuna li niftakru li l-konfini ta’ bejn it-tajjeb u l-ħażin m’għandniex niddefinixxuhom aħna. Alla stess stabbilixxa dawn il-konfini, ibbażati fuq veritajiet eterni għall-benefiċċju u l-barka tagħna.

Ix-xewqa li l-bniedem jibdel l-verità eterna ta’ Alla għandha storja twila. Bdiet qabel il-bidu tad-dinja, meta Satana ħadha kontra l-pjan ta’ Alla, u fittex b’mod egoista li jeqred il-volontà umana. Bħala nies li mxew fuq dan il-mudell, Serem, Neħor, u Koriħor saħqu li l-fidi hija bluha, li r-rivelazzjoni hija rrelevanti, u dak kollu li nixtiequ nagħmlu huwa tajjeb. Sfortunatament, kif jiġri ta’ spiss, dawn id-devjazzjonijiet mill-verità ta’ Alla wasslu għal niket kbir.

Filwaqt li ċerti ħwejjeġ jistgħu jiddependu fuq il-kuntest, ma nistgħux ngħidu l-istess għal kollox. Il-President Russell M. Nelson ta’ spiss għallem li l-veritajiet tas-salvazzjoni ta’ Alla huma assoluti, indipendenti, u defeniti minn Alla nnifsu.

L-Għażla Tagħna

Meta nagħżlu li nafdaw hija waħda mid-deċiżjonijiet l-aktar importanti fil-ħajja. Is-Sultan Benjamin għallem lill-poplu tiegħu, “Emmnu f’Alla; emmnu li jeżisti … ; emmnu li hu jippossedi kull għerf … ; emmnu li l-bniedem ma jistax jifhem dak kollu li jista’ jifhem il-Mulej.”

Fortunatament, aħna għandna l-iskrittura u l-gwida tal-profeti ħajjin biex jgħinuna nifhmu l-verità ta’ Alla. Jekk tkun meħtieġa aktar kjarifika milli għandna, Alla jipprovdiha permezz tal-profeti tiegħu. U Huwa jisma’ t-talb sinċier tagħna permezz tal-Ispirtu s-Santu hekk kif aħna nfittxu li nifhmu l-veritajiet li għandna ma napprezzawx għal kollox

Il-Presbiteru Neil L. Andersen darba għallem li m’għandniex nissorprendu ruħna “jekk xi kultant il-mod kif aħna naħsbuha għall-ewwel ma jkunx f’armonija mat-tagħlim tal-profeta tal-Mulej. Dak ikun mument ta’ tagħlim,” huwa qal, “ta’ umiltà, meta aħna ninżlu għarkupptejna biex nitlobu. Aħna nimxu ‘l quddiem b’ fidi, nafdaw f’Alla, nafu li maż-żmien aħna nirċievu aktar ċarezza spiritwali mingħand Missierna tas-Smewwiet.”

F’kull ħin, ikun ta’ għajnuna li niftakru fit-tagħlim ta’ Alma li Alla jagħti kelmtu skont l-attenzjoni u l-isforz li aħna niddedikaw ħin għaliha. Jekk nagħtu widen għall-kelma ta’ Alla; jekk ninjoraw il-parir tiegħu, aħna nirċievu anqas u anqas sakemm ma jkun baqgħalna xejn. Dan it-telfien ta’ għarfien ma jfissirx li l-verità kienet ħażina; pjuttost, turi li aħna tlifna l-kapaċità li nifhmuha.

Ħarsu lejn is-Salvatur

F’Kafarnahum, is-Salvatur għallem dwar l-identità u l-missjoni tiegħu. Ħafna sabu kliemu iebes għal widnejhom, u dan wassalhom biex jagħtuh daharhom u “jibqgħux imorru warajh.”

Għalfejn telquh?

Għaliex dak li qal m’għoġobhomx. Għalhekk, għamlu kif ħasbuha, u telquh, u ċaħħdu lilhom infushom mill-barkiet li setgħu rċevew li kienu baqgħu miegħu.

Il-kburija faċilment tiddeffes bejna u bejn il-verità eterna. Meta ma nifhmux, nistgħu nieqfu, nagħtu ċans is-sentimenti tagħna jikkalmaw, u mbagħad nagħżlu kif inwieġbu. Is-Salvatur talabna biex “nħarsu lejh f’kull ħsieb; ma niddubitawx, ma nibżgħux.” Meta niffokaw fuq is-Salvatur, il-fidi tagħna tista’ tasal biex tegħleb il-preokkupazzjonijiet tagħna.

Kif ħeġġiġna nagħmlu l-President Dieter F. Uchtdorf: “Jekk jogħġobkom, iddubitaw id-dubji tagħkom qabel tiddubitaw il-fidi tagħkom. Qatt m’għandna nħallu d-dubju jżommna ’l bogħod mill-imħabba divina, mill-paċi u mid-doni li nistgħu niksbu permezz tal-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu.”

Il-Barkiet Jaslu għand Dawk Li Jibqgħu

Hekk kif dakinhar id-dixxipli mxew lil hinn mis-Salvatur, Huwa mbagħad staqsa lit-Tnax, “Tridux titilqu intom ukoll?”

Pietru wieġeb:

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

“U aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”

Issa, l-Appostli kienu jgħixu fl-istess dinja u kienu jiffaċċjaw l-istess pressjoni soċjali bħad-dixxipli li telqu minn ħdejh. Madankollu, f’dan il-mument, huma għażlu l-fidi tagħhom u fdaw f’Alla, u b’hekk ippreservaw il-barkiet li Alla jagħti lil dawk li jibqgħu.

Forsi intom, bħali, xi kultant issibu rwieħkom fuq iż-żewġ naħat ta’ din id-deċiżjoni. Meta nsibuha diffiċli li nifhmu jew inħaddnu r-rieda ta’ Alla, hu ta’ faraġ li niftakru li Huwa jħobbna kif aħna, ninsabu fejn ninsabu. U Hu għandu xi ħaġa aħjar għalina. Jekk aħna nersqu lejh, Huwa jgħinna.

Filwaqt li nersqu lejh taf tkunu ħaġa diffiċli, bħalma qal is-Salvatur lill-missier li ra li jsib il-fejqan għal ibnu, “Kollox jista’ jkun għal min jemmen.” Fil-mumenti diffiċli, aħna wkoll nistgħu ngħajtu, “Għinni fid-fidi nieqsa tiegħi.”

Nissottomettu r-Rieda Tagħna ma’ Tiegħu

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem li “s-sottomissjoni tar-rieda tagħna hi sewwasew l-unika ħaġa unikament personali li għandna npoġġu fuq l-artal ta’ Alla.” Mhux ta’ b’xejn li s-Sultan Benjamin kien daqstant ħerqan biex niesu jsiru “bħat-tfal, sottomessi, ta’ qalb ħelwa, umli, kollhom sabar, mimlija mħabba, lesti jissottomettu ruħhom għal dak kollu li lest jgħabbihom bih il-Mulej, l-istess kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru.”

Bħal dejjem, is-Salvatur tana l-aqwa eżempju. B’qalb muġugħa, fejn kien jaf li dak li kellu jgħaddi minnu kien daqstant diffiċli, Huwa ssottometta ruħu għar-rieda ta’ Missieru, fejn ġab fis-seħħ il-missjoni messjanika tiegħu u l-wegħda tal-eternità għalikom u għalija.

L-għażla li nissottomettu r-rieda tagħna għar-rieda ta’ Alla hija att ta’ fidi li tinsab fil-qalba tad-dixxipulat tagħna. Waqt li nagħmlu dik l-għażla, aħna niskopru li l-volontà tagħna ma tonqosx; pjuttost, hija tikber u tiġi ppremjata bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, li jwasslilna ċertu għan, hena, paċi, u tama li ma nistgħu nsibu mkien aktar.

Bosta xhur ilu, jien u president tal-pal morna nżuru waħda oħt u t-tifel adult tagħha fil-pal tiegħu. Wara snin ’il bogħod mill-Knisja, timxi f’toroq diffiċli u xejn faċli, hija reġgħet lura. Waqt dik iż-żjara, aħna staqsejniha għalfejn kellha terġa’ lura.

“Għamilt tassew għażliet ħżiena f’ħajti,” hija qalet, “u kont naf fejn kelli nkun.”

Imbagħad staqsejtha x’kienet tgħallmet fil-vjaġġ tagħha.

Xi ftit emozzjonata hija qasmet magħna li kienet tgħallmet li kien meħtieġ minnha li tattendi l-knisja għal żmien twil biżżejjed li tkun tista’ tikser id-drawwa li ma tattendix u li kellha tibqa’ tiġi sakemm tħoss li huwa l-post fejn għandha tkun. Ir-ritorn tagħha ma kienx faċli, iżda hekk kif eżerċitat il-fidi tagħha fil-pjan tal-Missier, hija ħasset l-Ispirtu jerġa’ lura.

U mbagħad qaltilna wkoll, “Tgħallimt għalija nnifsi li Alla huwa tajjeb u li triqatu huma aħjar minn tiegħi.”

Naqsam ix-xhieda tiegħi dwar Alla, il-Missier Etern tagħna, li jħobbna; dwar Ibnu, Ġesù Kristu, li salvana. Huma jafu bil-weġgħat u l-isfidi tagħna. Huma qatt ma jħalluna weħidna u jafu perfettament kif jgħinuna. Aħna nistgħu nagħmlulhom il-qalb hekk kif lilhom nafdaw aktar minn kulħadd u minn kull ħaġa oħra. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.