Konferenza Ġenerali
Il-Mortalità M’Hawnx Bħalha!
konferenza ġenerali Ottubru 2024


Il-Mortalità M’Hawnx Bħalha!

Minkejja l-isfidi, il-weġgħat tal-qalb, u d-diffikultajiet li lkoll kemm aħna nġarrbu, Missierna fis-Smewwiet, li tant iħobbna, fassal pjan ta’ kuntentizza li bis-saħħa tiegħu m’aħniex iddestinati li nfallu.

Għal bosta snin jien kont assenjat li mmur għand waħda sister anzjana fil-qasam tiegħi biex ngħallimha. Xejn ma kellha ħajja faċli. Kellha ħafna problemi ta’ saħħa u għexet ħajja ta’ uġigħ minħabba aċċident li kellha l-bandli meta kienet għadha żgħira. Wara li ddivorzjat fl-età ta’ 32 sena, b’erba’ tfal żgħar biex trabbi u tmantni, hija reġgħet iżżewġet fl-età ta’ 50 sena. It-tieni raġel tagħha miet meta hi kellha 66 sena, u din l-oħt għexet 26 oħra bħala armla.

Minkejja l-isfidi tagħha tul ħajjitha kollha, hija kienet fidila lejn il-patti tagħha sal-aħħar. Din l-oħt kienet ġeneloġista akkanita, tmur it-tempju, u kollezzjonista u kittieba tal-istejjer tal-familja. Minkejja li kellha bosta provi diffiċli, u bla dubju li ġieli ħasset id-dwejjaq u s-solitudni, kellha bixra ferriħija u personalità grazzjuża u simpatika.

Disa’ xhur wara li ħalliet din id-dinja, wieħed minn uliedha kellu esperjenza straordinarja fit-tempju. Huwa sar jaf permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li ommu kellha messaġġ għalih. Hija kkomunikat miegħu, iżda mhux bl-apparenza jew bi kliem li jinstema’. Il-messaġġ tant ċar wasal f’moħħ l-iben mingħand ommu: “Irridek tkun taf li l-mortalità m’hawnx bħalha, u rridek tkun taf li issa jien nifhem għala kollox ġara [f’ħajti] bil-mod li ġara—u kollox hu OK.”

Il-messaġġ jinħass iktar straordinarju meta wieħed jikkonsidra s-sitwazzjoni tagħha u d-diffikultajiet li din l-oħt kellha ġġarrab u tegħleb.

Ħuti, il-mortalità m’hawnx bħalha! Hija mfassla biex tkun hekk! Minkejja l-isfidi, il-weġgħat tal-qalb, u d-diffikultajiet li lkoll kemm aħna nġarrbu, Missierna fis-Smewwiet, li tant iħobbna u li hu għaref u perfett, fassal pjan ta’ kuntentizza li bis-saħħa tiegħu m’aħniex iddestinati li nfallu. Il-pjan Tiegħu jipprovdilna mod biex negħlbu l-fallimenti mortali tagħna. Huwa qalilna, “Din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”

Madanakollu, jekk nixtiequ nkunu benefiċjarji tal- “ħidma u l-glorja” tal-Mulej, saħansitra “l-immortalità u l-ħajja eterna,” irridu naċċettaw li niġu ggwidati u mgħallmin, u li ngħaddu min-nar ta’ dak li se jirfinana—xi minn daqqiet sat-truf tal-limiti tagħna. Li wieħed kompletament jevita l-problemi, l-isfidi, u d-diffikultajiet ta’ din id-dinja ikun ifisser li qed jaqbeż il-proċess li huwa verament meħtieġ biex l-immortalità tirnexxi.

U għalhekk m’għandniex inkunu sorpriżi meta jiġu fuqna żminijiet ibsin. Se niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet li jgħadduna minn prova u ma’ nies li jippermettulna nipprattikaw il-vera karità u sabar. Iżda jeħtieġ li nissaportu d-diffikultajiet tagħna u niftakru, kif qal il-Mulej:

“U dawk li jmiddu ħajjithom fil-kawża tiegħi, għall-ismi, se jsibuha mill-ġdid, saħansitra l-ħajja eterna.

“Għaldaqstant, tibżgħux mill-għedewwa tagħkom [jew il-problemi, l-isfidi, jew il-provi ta’ dil-ħajja], għax jien amart …, qal il-Mulej, li jien se nipprovakom fil-ħwejjeġ kollha, jekk se twettqu l-patt tiegħi … sabiex isibukom denji.”

Meta nħossuna mġarrbin jew anzjużi dwar il-problemi tagħna jew inħossu li qed nirċievu iżjed diffikultajiet minn kemm nifilħu f’ħajjitna, nistgħu niftakru dak li l-Mulej qal lil ulied Iżrael:

“Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le.”

Bħalma Leħi għallem lil ibnu Ġakobb:

“Inti għaddejt minn tant tbatija u niket. … Madanakollu, … [Alla] sejjer jikkonsagra l‑hemm tiegħek għall‑ġid tiegħek. … Għalhekk, jiena naf li inti ġejt mifdi, minħabba t‑tjieba tal‑Feddej tiegħek.”

Minħabba li din il-ħajja hija fażi fejn niġu ppruvati u “sħab iswed ta’ għelt jinsab fuqna li jhedded il-qerda tas-sliem tagħna,” jagħmel tajjeb li niftakru dan il-parir u wegħda misjubin f’Mosija 23 dwar l-isfidi tal-ħajja: “Madankollu—kull min jittama fil-[Mulej] għad jiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum. Iva, u hekk ġara minn dan il‑poplu.”

Bħala żagħżugħ, jiena personalment esperjenzajt uġigħ kbir emozzjonali u anki mistħija li ġew bħala riżultat ta’ azzjoni inġusta ta’ xi ħadd ieħor, li għal ħafna snin affetwatli l-istima tiegħi nnifsi u s-sens ta’ stima tiegħi quddiem il-Mulej. Madanakollu, jiena nixhed b’mod personali li l-Mulej jista’ jqawwina u jgħinna nifilħu f’kwalunkwe diffikultà li aħna niġu msejħin li nesperjenzaw matul il-vjaġġ tagħna f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Aħna familjari mal-esperjenza ta’ Pawlu:

“U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.

“Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni.

“Iżda hu weġibni, Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef. Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija.”

Ma nafux x’kienet dik li Pawlu jiddeskrivi bħala “xewka f’ġismi.” Għażel li ma jiddiskrevix jekk kinitx marda fiżika, kundizzjoni mentali jew emozzjonali, jew xi tentazzjoni. Imma m’għandniex bżonn inkunu nafu dak id-dettall biex inkunu nafu li tqabad u talab bil-ħrara lill-Mulej għall-għajnuna u li fl-aħħar mill-aħħar, il-poter u l-qawwa ta’ Mulej kienu dawk li għenuh jegħlibha.

L-istess bħal Pawlu, kien bis-saħħa tal-għajnuna tal-Mulej li jien eventwalment kont imsaħħaħ emozzjonalment u spiritwalment, u li finalment għaraft wara bosta snin li jien minn dejjem kont persuna ta’ valur u denju tal-barkiet tal-evanġelju. Is-Salvatur għenni biex negħleb is-sentimenti tiegħi ta’ nuqqas ta’ valur u biex nagħti maħfra sinċiera lil min kien għamilli l-ħsara. Jien finalment għaraft li l-Espjazzjoni tas-Salvatur kienet rigal personalment għalija u li Missieri fis-Smewwiet u Ibnu jħobbuni perfettament. Minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur, il-mortalità ma ssibx bħalha.

Filwaqt li jien kont eventwalemnt imbierek biex nagħraf kif is-Salvatur salvani u waqaf ħdejja matul dawk l-esperjenzi, nifhem b’mod ċar li s-sitwazzjoni sfortunata fis-snin taż-żgħożija tiegħi kienet il-vjaġġ u esperjenza personali tiegħi, li r-riżoluzzjoni tagħha u l-eżitu eventwali tagħha ma jistgħux jiġi pproġettati fuq dawk li sofrew u jibqgħu jsofru minħabba l-imġiba inġusta ta’ oħrajn.

Jien nagħraf li l-esperjenzi tal-ħajja—tajbin u ħżiena—jistgħu jgħallmuna lezzjonijiet importanti. Issa naf u nagħti xhieda li l-mortalità m’hawnx bħalha! Jien nittama li bħala riżultat tat-totalità tal-esperjenzi ta’ ħajti—tajbin u ħżiena—jien għandi kompassjoni għal vittmi innoċenti tal-azzjonijiet ta’ xi ħadd ieħor u l-empatija għal nies li qed ibatu.

Sinċerament nittama li bħala riżultat tal-esperjenzi ta’ ħajti—tajbin u ħżiena—jien inkun iktar twajjeb ma’ oħrajn, li nittratta lil oħrajn kif kieku jittrattahom is-Salvatur, ikolli iktar kompassjoni għall-midneb, u li jkolli integrità sħiħa. Hekk kif naslu biex niddependu fuq il-grazzja tas-Salvatur u li nżommu l-patti tagħna, aħna nistgħu nservu bħala eżempju tal-effetti tant mifruxa tal-Espjazzjoni tas-Salvatur.

Ħa naqsam magħkom esperjenza aħħarija li l-mortalità m’hawnx bħalha.

Iz-zija tal-Presbiiteru Hales u ommu.

Iz-zija tal-Presbiteru Hales, Lois VandenBosch, u ommu, Klea VandenBosch.

Ommi xejn ma kellha vjaġġ faċli mill-mortalità. Ma rċeviet l-ebda premijiet jew unuri tad-dinja u ma kellhiex edukazzjoni ogħla mill-kulleġġ. Qabadha l-poljo meta kienet għadha tifla, u dan ħallielha ħafna uġigħ u skumdità f’sieqha għall-bqija ta’ ħajjitha. Bħala adulta, hija esperjenzat bosta ċirkostanzi fiżiċi u finanzjarji diffiċli u ta’ sfida iżda kienet fidila għall-patti tagħha u tħobb lill-Mulej.

Meta ommi kellha 55 sena, oħti ta’ warajja mietet, u ħalliet tarbija ta’ tmien xhur, in-neputija tiegħi, mingħajr omm. Minħabba bosta raġunijiet, il-mamà spiċċat trabbi lin-neputija tiegħi kważi waħedha għal 17-il sena, ta’ spiss taħt ċirkustanzi ibsin ħafna. Madanakollu, minkejja dawn l-esperjenzi, hija serviet, bil-qalb u r-rieda kollha tagħha, lill-familja tagħha, lill-ġirien, u lill-membri tal-qasam, u serviet bħala ħaddiema tal-ordinanzi fit-tempju għal bosta snin. Matul l-aħħar snin ta’ ħajjitha, il-mamà sofriet minn forma ta’ dimenzja, kienet ta’ spiss konfuża, u kellna ndaħħluha l-isptar. Sfortunatament, kienet waħedha meta mietet bla mistenni.

Disa’ xhur wara li ħalliet din id-dinja, jien kelli ħolma li qatt ma nsejt. F’din il-ħolma, jien kont bilqiegħda fl-uffiċċju tiegħu fil-Bini tal-Amministrazzjoni tal-Knisja. Il-mamà daħlet fl-uffiċċju. Kont naf li kienet ġiet mid-dinja tal-ispirti. Dejjem se nibqa’ niftakar is-sentimenti li ħassejt. Ma qalet xejn, imma kienet qed tiddi ġmiel spiritwali jien qatt ma kont esperjenzajt qabel u li ma nafx kif niddiskrevih tajjeb.

Il-bixra u l-esseri tagħha kienu tabilħaqq tal-għaġeb. Niftakarni ngħidilha, “Mà, kiemm int sabiħa!” b’referenza għall-qawwa u l-ġmiel spiritwali tagħha. Hija wriet li għarfitni—mill-ġdid bla diskors. Ħassejt l-imħabba tagħha għalija, u kont naf li kienet kuntenta u mfejqa mill-inkwiet u l-isfidi li kellha fid-dinja u li bi ħrara qed tistenna “qawmien glorjuż mill-imwiet.” Kont naf li għall-mamà, il-mortalità ma hawnx bħalha—u għalina wkoll.

Il-ħidma u l-glorja ta’ Alla huma li jġibu fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem. L-esperjenzi tal-mortalità huma parti mill-vjaġġ li tippermettilna nikbru u nagħmlu progress lejn l-immortalità u l-ħajja eterna. Ma nintbagħtux hawn biex infallu imma biex nirnexxu fil-pjan ta’ Alla għalina.

Is-Sultan Benjamin għallem: “Jien nixtieq li intom tikkunsidraw l-istat imbierek u ta’ ferħ ta’ dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali; u jekk huma jibqgħu fidili sat-tmiem, huma jintlaqgħu fis-sema, fejn hemm huma jkunu jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.” Fi kliem ieħor, il-mortalità m’hawnx bħalha!

Jiena nixhed li jekk kif nirċievu l-ordinanzi tal-evanġelju, nidħlu f’ordinanzi ma’ Alla u mbagħad inżommu dawk il-patti, nindmu, inservu lil oħrajn, u nkunu sħaħ sal-aħħar, aħna wkoll jista’ jkollna l-assigurazzjoni u l-fiduċja sħiħa fil-Mulej li l-mortalità m’hawnx bħalha. Jiena nagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu u li l-futur glorjuż tagħna ma’ Missierna fis-Smewwiet huwa magħmul possibbli permezz tal-grazzja u l-Espjazzjoni tas-Salvatur. F’ isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Użat bil-permess. Din l-esperjenza taqbel mat-tagħlim tal-Mulej li l-mewt “ħa tkun ħelwa” mal-ġusti (Doctrine and Covenants 42:46). Il-Profeta Joseph Smith spjega, “L-ispirti tal-ġusti huma eżaltati għal ħidma ikbar u iktar glorjuża … [fid-] dinja tal-ispirti” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 179). U kompla jgħallimna, “Huma mhumiex ’il bogħod minna, u jafu u jifhmu l-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-emozzjonijiet tagħna” (fi Discourse, Ott. 9, 1843, kif rapportat minn Times and Seasons, 331, josephsmithpapers.org).

  2. Moses 1:39.

  3. Doctrine and Covenants 98:13-14.

  4. Dewteronomju 8:2.

  5. 2 Nefi 2:1-3.

  6. “Grazzi, O Alla, li Tajtna Profeta,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 36.

  7. Mosija 23:22.

  8. 2 Korintin 12:7–9.

  9. Il-Presbiteru Richard G. Scott qal: “Jiena nixhed li naf vittmi ta’ abbuż serju li rnexxielhom jagħmlu b’suċċess il-vjaġġ diffiċli lejn fejqan sħiħ permezz tal-qawwa tal-Espjazzjoni” (“To Heal the Shattering Consequences of Abuse,” Liahona, Mejju 2008).

  10. Doctrine and Covenants 138:14.

  11. Ara Moses 1:39.

  12. Mosija 2:41.