Il-Kliem ta’ Kristu u l-Ispirtu s-Santu Se Jmexxuna sal-Verità
Li nkunu nafu dan il-pjan inkredibbli se jgħinna nkunu nafu li aħna wlied Alla u nistgħu nsiru bħalu.
Alla huwa Missierna fis-Smewwiet. Aħna wliedu spirti, u aħna maħluqin fuq ix-xbieha tiegħu. Għaldaqstant, ilkoll kemm aħna, bħala wlied Alla, għandna potenzjal divin li nsiru bħalu.
Aħna għexna miegħu bħala spirti qabel ma ġejna f’din id-dinja. Il-Missier fis-Smewwiet, bħala l-ġenitur spirtu tagħna, iħobbna, jixtieq l-aqwa għalina, u ħejja pjan għalina biex nirċievu l-ikbar barkiet tiegħu, li huma l-immortalità u l-ħajja eterna. Skont il-pjan, aħna, bħal ulied spirti, kellna ningħataw il-volontà biex nagħżlu l-pjan tiegħu. Meta niġu fid-dinja, aħna kellna nħallu l-preżenza ta’ Alla, ninsew il-ħajja primortali tagħna, nirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam, niksbu l-esperjenza tagħna stess, u niżviluppaw il-fidi. Bil-ġisem tal-laħam u l-għadam, aħna, bħala bnedmin naturali, kellna naqgħu għat-tentazzjoni, insiru mniġġsin u distanti minn Alla, u ma nkunux nistgħu nirritornaw fil-preżenza tiegħu. Minħabba l-imħabba infinta tal-Missier fis-Smewwiet għalina, Hu bagħat lill-Ibnu l-Waħdieni, Ġesù Kristu, biex ikun is-Salvatur tagħna. Permezz tas-sagrifiċju tiegħu, l-Espjazzjoni, Ġesù Kristu għamilha possibbli għalina li nkunu mifdija minn dnubietna u niksbu l-qawmien mill-imwiet u nirċievu l-ħajja eterna.
Jien inħossni grat immens għal dawn il-veritajiet glorjużi—dak li nsejħulu l-pjan tal-Missier tas-salvazzjoni, il-pjan tiegħu tal-ħniena, jew il-pjan il-kbir tiegħu tal-ferħ. Li nitgħallem dawn il-veritajiet importanti għenni nsir naf l-identità vera tiegħi u l-barkiet kbar li Alla pprepara għalina tal-eżaltazzjoni u l-ħajja eterna. Il-profeta Nefi għallimna l-mod kif: “Għalhekk, … mantnu lilkom infuskom permezz ta’ kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.” Huwa żied jgħid, “Jekk intom tidħlu mit-triq u tirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.” Illum, jien nixtieq naqsam magħkom kif kliem Kristu u l-Ispirtu s-Santu għenuni nsib dawn il-veritajiet importanti meta kont għadni fil-bidu taż-żgħożija tiegħi.
Kliem Kristu Jgħidlek Dak Kollu Li Għandek Tagħmel
L-istess kif Nefi ddikjara fl-ewwel vers li jiftaħ il-ktieb ta’ 1 Nefi, jien ukoll “li twelidt minn ġenituri twajbin.” Jien trabbejt f’Nagano, il-Ġappun, f’dar fejn l-onestà, id-diliġenza, u l-umiltà kienu inkuraġġuti bil-qawwa, u fejn il-konformità mad-drawwiet tal-imgħoddi kienet xi ħaġa stretta ħafna. Missieri kien raġel reliġjuż ħafna. Kont narah jitlob quddiem l-altari Shinto u Buddisti kull filgħodu u filgħaxija. Anki jekk ma kellix idea lil min kien qiegħed jitlob u għal xiex kien qed jitlob, kont nemmen li xi xorta ta’ qawwa ma tidhirx jew Alla kien se jkollu “l-qawwa li jsalva” jew se jgħinna jekk aħna nitolbu b’mod sinċier.
Bħal żgħażagħ oħra, jiena esperjenzajt bosta tbatijiet. Ħajti kienet taqbida sħiħa, u kont naħseb li l-ħajja kienet inġusta u mimlija nżul u tlajja’. Kont inħossni mitluf, peress li ma kelli l-ebda direzzjoni f’ħajti. Il-ħajja kienet tidher xi ħaġa vojta għall-aħħar għaliex kellha tispiċċa meta mmutu. Il-ħajja mingħajr l-għarfien tal-pjan ta’ salvazzjoni kienet konfuża.
Ftit żmien wara bdejt nitgħallem l-Ingliż fis-sekondarja, u l-istudenti kollha tal-iskola tagħna ngħatajna kopja tat-Testment il-Ġdid. Għalkemm bilkemm konna bdejna nistudjaw l-Ingliż, l-għalliem tagħna qalilna li kellna nistudjaw l-Ingliż billi naqraw it-Testment il-Ġdid. Ftaħtu u ħarist lejn il-werrej. Il-kliem tat-Testment il-Ġdid kien verament diffiċli għalija. Il-kliem bil-Ġappuniż kien diffiċli bl-istess mod. Madanakollu, għajnejja waqgħu fuq lista ta’ dikjarazzjonijiet u mistoqsijiet tar-ruħ li kienet inkluża eżatt qabel it-test bibbliku f’din il-Bibbja ta’ Gideon—mistoqsijiet dwar li tħossok waħdek, bla kunfidenza, li tkun konfuż, li tiffaċċja l-provi tal-ħajja, u oħrajn bħalhom. Kull waħda fil-lista kienet segwita b’referenza għal versi u paġni fit-Testment il-Ġdid. Laqtitni b’mod speċjali d-dikjarazzjoni “Int meta tħossok għajjien emozzjonalment.” Ir-referenza wasslitni biex niftaħ Mattew 11:28–30, fejn Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.
“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.
“Għax il-madmad tiegħi ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif.”
Din kienet l-ewwel darba li niftakarni naqra kliem Ġesù Kristu. Għalkemm ma fhimtx il-kliem kollu li qal, kliemu farraġni, refagħli ruħi, u tani t-tama. Iktar ma bdejt naqra kliemu, iktar bdejt inħossni nixtieq li nipprova l-virtù ta’ kliemu. Qatt ma kont ħassejtni bħal dakinhar. Ħassejtni maħbub. Ħassejt li Ġesù Kristu kien xi ħadd li kont naf.
U waqt li komplejt nistudja, jien ħassejtu qisu qed ikellem lili direttament meta qal: “Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.”
Kliemu mela lil qalbi, anki jekk ma stajtx niddeskrivi s-sentimenti tiegħi tajjeb biżżejjed dak iż-żmien. Għalkemm Ġesù Kristu għex bosta sekli ilu f’art li ma kinitx familjari miegħi, jien ħassejt li stajt nafda fi kliemu b’qalbi kollha. Ittamajt li xi darba fil-futur, stajt nitgħallem iktar dwar Ġesù Kristu.
L-Ispirtu s-Santu Se Jurik Dak Kollu Li Għandek Tagħmel
U dak li kellu jkun xi darba wasal ftit snin biss wara. Iltqajt ma’ missjunarji full-time mill-aktar iddedikati tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. U ma domtx biex iltqajt ma’ grupp ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien li kienu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jimxu wara Ġesù Kristu. Għalkemm domt ftit biex bdejt nafdahom għal kollox, biż-żmien bdejt nara fl-evanġelju rrestawrat dak li kont ixxennaqt għalih meta studjajt it-Testment il-Ġdid—kliem Ġesù Kristu u t-tama u l-paċi li jiġu minnu.
Esperjenza partikolarment spiritwali kienet meta l-missjunarji għallmuni nitlob. Tgħallimt li għandna nindirizzaw lil Alla b’ismu. Meta nitolbu, għandna nitkellmu minn qalbna, nesprimu l-gratitudni, u naqsmu miegħu t-tamiet u x-xewqat tagħna. Meta nkunu għidna dak kollu li għandna ngħidu, intemmu t-talba tagħna billi ngħidu, “F’isem Ġesù Kristu, ammen.” Nagħmlu dan peress li Ġesù kkmandana nitolbu f’ismu. Li nitlob lill-Missier fis-Smewwiet għenitni biex insir naf min Hu u r-relazzjoni tiegħi miegħu—li jien kont il-maħbub iben spirtu tiegħu. Tgħallimt li, peress li l-Missier fis-Smewwiet jafni u jħobbni, Huwa kien se jkellimni b’mod personali, uniku, u b’metodi li jiena nifhem permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Kien hemm żmien meta ma stajt bl-ebda mod nagħraf l-Ispirtu s-Santu. Fhimt ħażin, għaliex ħsibt li kull ma kelli bżonn nagħmel kien li nimxi fuq il-passi tat-talb u hekk tiġri xi ħaġa drammatika. Ġurnata minnhom, matul lezzjoni mal-missjunarji, jien ħriġt mil-lezzjoni biex nistrieħ ftit. Kont għadni mħawwad dwar x’kelli nagħmel b’ħajti jekk l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kienx tassew minnu.
Hekk kif kont se nirritorna lejn il-kamra fejn il-missjunarji kienu qed jistennewni, smajt il-leħen ta’ wieħed mill-missjunarji. Smajt ismi. Minflok ftaħt il-bieb, smajt mill-vuċi fuq in-naħa l-oħra tal-bieb. Bqajt mistagħġeb. Kienu sempliċiment qed jitolbu lil Missierna fis-Smewwiet. Dak li kien qed jagħmel it-talba kien qed jitlob b’ħerqa lil Alla sabiex Hu jisma’ talbi. Għalkemm il-Ġappuniż tiegħu ma kienx fluwenti, meta smajt it-talba sinċiera tiegħu ħassejt qalbi tirtab. Kważi ma stajtx nifhem għala kien jimpurtahom daqshekk minni. Imbagħad irrealizzajt li t-talba tagħhom f’ismi kienet riflessjoni tal-imħabba tal-Missier fis-Smewwiet u tas-Salvatur għalija. Dik l-imħabba tatni t-tama u, wara, jien fil-fatt staqsejt lil Alla bil-fidi u b’intenzjoni reali. Meta għamilt hekk, jien ħassejt fija sentiment mimli hena u paċi li jien kont tassew iben Alla u li jien kelli potenzjal u destin divin. Il-pjan tas-salvazzjoni rabba l-għeruq fil-fond ta’ qalbi.
Il-President Nelson qal, “Il-mod li bih taħseb min inti … jaffettwa … kull deċiżjoni li għad tieħu.” Dan kien tant minnu għalija. Id-deċiżjoni tiegħi li nimxi wara s-Salvatur Ġesù Kristu billi nitgħammed u nirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu berikli ħajti iktar milli qatt stajt nimmaġina. Hekk kif nidħlu fil-patt tal-magħmudija ma’ Allla, aħna nwiegħdu li aħna lesti li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu, li nħarsu l-kmandamenti ta’ Alla, u li nservuh għall-kumplament ta’ ħajjitna. Missierna fis-Smewwiet, min-naħa tiegħu, iwegħidna li aħna dejjem jista’ jkollna l-Ispirtu tiegħu magħna—il-gwida kontinwa tal-Ispirtu s-Santu.
Nistedinkom li jkollkom il-fidi fil-messaġġ li għallimna Nefi—li l-kliem ta’ Kristu u l-Ispirtu s-Santu se jurikom “dak kollu li għandkom tagħmlu.” Kollox! Dan huwa don inkredibbli mingħand Alla.
Ħuti, jiena grat għall-pjan tas-salvazzjoni li fassal Missierna fis-Smewwiet. Peress li Huwa jħobbna, Hu ħejja t-triq li biha nirritornaw għall-preżenza tiegħu permezz tal-Iben il-Waħdieni tiegħu, Ġesù Kristu. Li nkunu nafu dan il-pjan inkredibbli se jgħinna nkunu nafu li aħna wlied Alla u li nistgħu nsiru bħalu. Jiena grat għal din il-verità importanti. Jiena nixhed li l-kliem ta’ Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu jwassalna biex nirċievu l-ħajja eterna. Jiena naf li dawn il-ħwejjeġ huma veri. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.