Marbutin ma’ Ġesù Kristu: Insiru l-Melħ tad-Dinja
Hekk kif nibqgħu magħqudin mal-Mulej, ħajjitna b’mod naturali se tirrifletti d-dawl tiegħu, u aħna nsiru l-melħ tal-art.
Is-Salvatur għallimna li meta aħna niġu “msejħin għall-evanġelju ta’ dejjem [tiegħu], u għal patt ma’ patt ta’ dejjem, [aħna] nitqisu bħala l-melħ tad-dinja.” Il-melħ huwa magħmul minn żewġ elementi magħqudin flimkien. Ma nistgħux inkunu melħ waħedna; jekk irridu nkunu melħ tad-dinja, jeħtieġ li aħna nkunu magħqudin mal-Mulej, u dak li nara jien meta nitħallat ma’ membri tal-Knisja madwar id-dinja—nara membri fidili tal-Knisja magħqudin mal-Mulej, kommessi fl-isforzi tagħhom li jservu lil oħrajn u li jkunu l-melħ tad-dinja.
Id-dedikazzjoni tagħkom, li ma taqta’ qatt, hija eżempju brillanti. Is-servizz tagħkom huwa apprezzat u għażiż għalina.
Iż-żgħażagħ tagħna wrew qlubija u devozzjoni inkredibbli. Leqgħu bi ħrara l-ħidma tal-istorja tal-familja, u ż-żjajjar frekwenti tagħhom fid-dar tal-Mulej huwa testimonjanza tad-dedikazzjoni tagħhom. Ir-rieda tagħhom li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija biex iservu missjonijiet mal-erbat irjieħ tad-dinja tirrifletti fidi profonda u ubbidjenti. Huma mhux biss qed jipparteċipaw iżda qegħdin jagħtu l-eżempju ta’ kif insiru dixxipli magħqudin ma’ Ġesù Kristu. Is-servizz tagħhom jarmi raġġi ta’ dawl u tama, li jolqtu għadd bla tarf ta’ ħajjiet. Lilkom, iż-żgħażagħ tal-Knisja, aħna nesprimu gratitudni mill-qalb għas-servizz tagħkom, li tant jispira. Intom m’intomx biss il-futur tal-Knisja iżda il-preżent. Tassew li intom il-melħ tad-dinja!
Jien inħobb lill-Mulej Ġesù Kristu u nħossni mbierek bl-opportunità li nservi spalla ma’ spalla magħkom fil-Knisja tal-Mulej. L-unità u l-qawwa tagħna, b’sisien fil-fidi li naqsmu bejnietna, jassigurawna li qatt m’aħna waħedna f’dan il-vjaġġ. Flimkien, nistgħu nkomplu nibdnu s-saltna ta’ Alla, b’għeruq fis-servizz, l-imħabba, u l-fidi li ma taqta’ qatt.
Meta Ġesù Kristu għallem ħdejn il-Baħar tal-Galilija, ta’ spiss kien juża elementi ta’ kuljum familjari mal-udjenza tiegħu biex iwassal veritajiet spiritwali profondi. Wieħed minn dawn l-elementi kien il-melħ. Ġesù ddikjara, “Intom il-melħ tad-dinja,” dikjarazzjoni għanja fit-tifsir u s-sinifikat, speċjalment għan-nies ta’ żmienu li kienu jagħrfu l-valur divers tal-melħ.
Is-sengħa antika tal-ġbir tal-melħ fl-Algrave, ir-reġjun fin-nofsinhar ta’ art twelidi, il-Portugal, tmur lura għal eluf ta’ snin sal-epoka tal-Imperu Ruman. Ħaġa tal-iskantament, il-metodi wżati mill-ħaddiema tal-melħ, magħrufin bħala marnotos, ftit li xejn inbidlu minn dak iż-żmien. Dawn in-nies tas-sengħa ddedikati jużaw tekniċi tradizzjonali, u jwettqu xogħolhom kompletament b’idejhom, u hekk iżommu ħaj legat li ilu jintiret għal sekli sħaħ.
Dan il-metdou antik jiġbor dak li huwa magħruf bħala l-“fjur il-melħ.” Biex wieħed japprezza l-proċess intrikat tal-ġbir ta’ fjur il-melħ, huwa essenzjali li wieħed jifhem l-ambjent li fih dan huwa prodott. L-għadajjar tal-melħ mal-kosta ta’ Algrave jipprovdu l-kondizzjonijiet ideali għall-produzzjoni tal-melħ. L-ilma baħar jitwassal permezz ta’ kanali f’vaski baxxi, magħrufin bħala salini, fejn jitħalla biex jevapora taħt il-qawwa tax-xemx. Hekk kif l-ilma jevapora, fjur il-melħ joħloq kristalli delikati fuq wiċċ is-salini. Dawn il-kristalli huma inkredibilment puri u, ħaġa speċjali dwarhom, jinħassu jqarmċu. B’reqqa kbira, il- marnotos jiġbru l-kristalli minn wiċċ l-ilma billi jużaw għadod speċjalizzati, proċess li jirrikjedi ħila u preċiżjoni kbira. Fil-Portugal, dan il-melħ ta’ kwalità tajba jirrferu għalih bħala “krema tal-melħ” għaliex jista’ jitneħħa bil-ħlewwa daqslikieku krema li titla’ f’wiċċ il-ħalib. Dan il-melħ delikat huwa magħruf għall-purità u għat-togħma tiegħu eċċezzjonali, u dan jagħmlu ingredjent mill-aqwa fl-arti kulinari.
Bħalma l- marnotos jagħmlu sforzi kbar biex jassiguraw li l-ġbir tagħhom ikun l-ogħla kwalità ta’ melħ, l-istess aħna, bħala l-poplu tal-patt ta’ Alla, għandna dejjem nagħmlu l-almu tagħna sabiex l-imħabba u l-eżempju tagħna jkunu, kemm jista’ jkun possibbli, riflessjoni pura tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
Fid-dinja antika, il-melħ ma kienx jintuża biss bħala taħwir tal-ikel—kien preservattiv vitali u simbolu ta’ purità u patt. In-nies kienu jafu li l-melħ kien essenzjali biex wieħed jippreserva l-ikel u jtejjeb it-togħma tiegħu. Kienu jifhmu wkoll l-implikazzjonijiet serji jekk il-melħ jitlef l-imluħa jew il-qawwa tiegħu billi jsir kontaminat jew imħallat.
Bħalma l-melħ jista’ jitlef l-essenza tiegħu, aħwa wkoll nistgħu nitilfu l-vitalità spiritwali tagħna jekk il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu ssir xi ħaġa każwali. Jista’ jkunu li nidhru l-istess fuq barra, iżda jekk ma jkollniex fidi qawwija sew minn ġewwa, aħna nitilfu l-abbiltà tagħna biex nagħmlu differenza fid-dinja u noħorġu l-aqwa minn dawk ta’ madwarna.
Għaldaqstant, kif nistgħu nidderieġu l-enerġija u l-isforzi tagħna biex nagħmlu differenza u nkunu l-bidla li teħtieġ id-dinja llum il-ġurnata? Kif nistgħu nippreservaw id-dixxipulat u nkomplu nkunu influwenza pożittiva?
Il-kliem tal-profeta maħbub tagħna għadu jidwi f’moħħi: “Alla jridna naħdmu flimkien u ngħinu lil xulxin. Hu għalhekk jibgħatna f’din id-dinja bħala parti minn familja u jorganizzana f’oqsma u utied. Hu għalhekk jitlobna biex naqdu u nimministraw lil xulxin. Hu għalhekk li jitlobna biex ngħixu fid-dinja iżda ma nkunux tad-dinja.
Meta ħajjitna tkun mimlija skop u servizz, aħna nevitaw l-apatija spiritwali; min-naħa l-oħra, meta ħajjitna hija mċaħħda minn skop divin, servizz sinifikattiv lil oħrajn, u opportunitajiet sagri biex ngħarblu u nirriflettu, aħna gradwalment insiru soffokati mill-attività u l-interess egoistiku tagħna stess, u hekk inkunu qed nirriskjaw li nitilfu t-togħma tal-ħajja. L-antidotu ta’ dan huwa li nkomplu ninvolvu ruħna f’servizz—li nkunu ingaġġati bil-ħeġġa kollha f’ħidmiet tajbin u fit-titjib tagħna nfusna u tas-soċjetà li ngħixu fiha.
Għeżież ħuti, x’barka lkoll għandna llum li nagħmlu parti mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu u għandna l-opportunità li nservuh fil-Knisja tiegħu. Iċ-ċirkostanzi tagħna jafu jvarjaw, imma nistgħu lkoll nagħmlu differenza.
Ftakru fil-marnotos, il-ħaddiema tal-melħ; jużaw għodod sempliċi biex jiġbru l-aqwa kristalli, l-aqwa melħ! Aħna wkoll nistgħu nagħmlu affarjiet sempliċi li, bi sforzi konsistenti b’għemejjel żgħar imma sinifikattivi, jistgħu japprofondixxu d-dixxipulat tagħna u l-impenn tagħna lejn Ġesù Kristu. Ħa nagħtikom erba’ modi sempliċi imma profondi li bihom nistgħu naqdfu biex inkunu l-melħ tad-dinja:
-
Inżommu d-dar tal-Mulej fiċ-ċentru tad-devozzjoni tagħna. Issa li t-tempji huma eqreb minn qatt qabel, li nipprijoritizzaw il-qima regolari fid-dar tal-Mulej se tgħinna niffukaw fuq l-affarjiet li huma l-iktar importanti u nżommu ħajjitna ċċentrata fuq Kristu. Fit-tempju, insibu l-qalba tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u r-ruħ tad-devozzjoni tagħna lejh.
-
Inkunu intiżi fl-isforzi tagħna li nqawwu lil oħrajn billi ngħixu l-evanġelju flimkien. Nistgħu nqawwu l-familja tagħna permezz ta’ sforzi konsistenti u intenzjonali biex inġibu l-prinċipji tal-evanġelju f’ħajjitna u f’darna.
-
Inkunu lesti li naċċettaw sejħa biex inservu fil-Knisja. Is-servizz fil-kongregazzjonijiet lokali tagħna jippermettulna nappoġġjaw lil xulxin u li nikbru flimkien. Filwaqt li s-servizz mhuwiex dejjem xi ħaġa konvenjenti, huwa dejjem esperjenza li tippremjana.
-
Finalment, nużaw l-għodda tal-komunikazzjonijiet diġitali bi skop tajjeb. Illum il-ġurnata, l-għodda tal-komunikazzjoni diġitali jippermettulna li nikkonnettjaw ma’ xulxin bħal qatt qabel. Bħal biċċa l-kbira fostkom, jiena nuża dawn l-għodod biex nikkonnettja ma’ ħuti fil-knisja u ma’ tal-familja u l-ħbieb. Hekk kif nikkonnetja magħhom, jien inħossni eqreb tagħhom; nistgħu nimministraw lil xulxin fi żminijiet ta’ ħtieġa meta ma nistgħux inkunu fiżikament preżenti. Dawn l-għodod huma, mingħajr ebda dubju, barka; madanakollu jistgħu wkoll ikaxkruna ’l bogħod mill-profondità ta’ interazzjonijiet sinifikattivi u eventwalment iġegħluna biex ninġibdu lejn vizzjijiet li jaħlulna ħina f’attivitajiet ta’ nuqqas ta’ skop siewi. Li nagħmlu ħilitna biex inkunu l-melħ tad-dinja jeħtieġ bil-wisq iktar minn li nintilfu naraw reels fuq skrin ta’ sitt pulzieri (15 ċm).
Hekk kif inżommu d-dar tal-Mulej ċentrali f’ħajjitna, inqawwu lil oħrajn intenzjonalment billi ngħixu l-evanġelju, naċċettaw sejħiet biex inservu, u nużaw l-għodda diġitali, aħna nistgħu nippreservaw il-vitalità spiritwali tagħna. L-istess kif il-melħ fil-forma l-iktar pura tiegħu għandu l-qawwa li jtejjeb u jippreserva, l-istess ukoll għandha l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu meta tkun mitmugħa u protetta bid-dedikazzjoni tagħna għal servizz u mħabba Krisjtani.
Hekk kif nibqgħu magħqudin mal-Mulej, ħajjitna b’mod naturali se tirrifletti d-dawl tiegħu, u aħna nsiru l-melħ tad-dinja. F’dan l-isforz, aħna mhux biss narrikkixxu ħajjitna stess iżda wkoll inqawwu l-familja u l-komunitajiet tagħna. Jalla ma naqtgħu qalb li nippruvaw inżommu din l-għaqda mal-Mulej u li qatt ma nitilfu l-palat tagħna, u li nkunu kristall ċkejken u żgħir tal-melħ li l-Mulej iridna nkunu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.