Fokus fuq Ġesù Kristu u l-Evanġelju Tiegħu
Meta aħna ninjoraw id-distrazzjonijiet tad-dinja u niffukaw fuq Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna għandna garanzija ta’ suċċess.
Fl-1996, it-tim tal-irġiel tal-futbol Niġerjan rebaħ il-midalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiċi li kienu nżammu f’Atlanta fl-Istat Uniti. Meta waslet it-tisfira finali, folol kbar imlew it-toroq ta’ kull belt u raħal fin-Niġerja; dan il-pajjiż ta’ 200 miljun ruħ kien minnufih mibdul f’festa enormi fis-sagħtejn ta’ filgħodu! Kien hemm ferħ tal-għaġeb, kuntentizza kbira, u eċċitament ma’ kullimkien hekk kif in-nies bdew jieklu, ikantaw, u jiżfnu. F’dak il-waqt, in-Niġerja kienet unifikata, u kull Niġerjan ħassu kunent li kien Niġerjan.
Qabel l-Olimpjadi, dan it-tim tal-irġiel kien iffaċċja bosta sfidi. Meta bdiet il-kompetizzjoni, kien ġie fi tmiemu s-sapport finanzjarju tat-tim. It-tim ikkompeta bla lbies addattat, postijiet ta’ taħriġ, ikel adegwat, u servizzi ta’ ħasil tal-ħwejjeġ.
F’waqt minnhom, kienu biss ftit minuti ’l bogħod mill-eliminazzjoni, imma bla mistenni t-tim Niġerjan ittrijonfa billi għeleb kull tfixkil. Dan il-mument kruċjali bidel kif huma kienu jħarsu lejhom infushom. B’din il-kunfidenza ġdida, u bil-ħidma kontinwa kemm individwali u kemm bħala tim, u determinazzjoni stinata, huma injoraw id-distrazzjonijiet kollha u kkonċentraw biex jirbħu. Din il-konċentrazzjoni rebbħithom il-midalji tad-deheb, u n-Niġerjani laqqmuhom it-“Tim tal-Ħolm.” Sal-ġurnata tal-lum, it-Tim tal-Ħolm fl-Olimpjadi tal-1996 jibqa’ punt ta’ referenza fl-isports Niġerjan.
La darba t-tim tal-irġiel tal-futbol Niġerjan tgħallem jinjora l-ħafna distrazzjonijiet li kien qed jiffaċċja u biex jiffoka fuq l-għan tagħhom, huwa għamel suċċess aqwa minn dak li kien ħaseb possibbli u esperjenza ferħ kbir. (Kif esperjenzajna aħna fin-Niġerja!)
B’mod simili, meta aħna ninjoraw id-distrazzjonijiet tad-dinja u niffukaw fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna għandna garanzija ta’ suċċess li huwa aqwa minn dak li nistgħu tabilħaqq nimmaġinaw u nistgħu nħossu ferħ kbir. Il-President Russell M. Nelson għallem, “Meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq … Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak kollu li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.”
Jiena nitlob li l-Ispirtu s-Santu jgħin lil kull wieħed jisma’ mill-istedina tal-President Nelson biex niffukaw ħajjitna fuq “Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu” sabiex ikunu nistgħu nesperjenzaw l-hena fi Kristu “irrispettivament minn dak li qed jiġri—jew mhux jiġri—f’ħajjitna.”
Bosta ġrajjiet fil-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivu individwi u gruppi li biddlu ħajjithom dawramejt billi ffukaw fokus fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu.
Ikkonsidraw Alma ż-Żgħir. Dan irribella u ġġieled kontra l-Knisja. Missieru, Alma, talab u sam. Anġlu deher u sejjaħ lil Alma ż-Żgħir biex jindem. F’dak il-mument, Alma beda jsofri “l-uġigħ ta’ ruħ indannata.” F’dawn is-sigħat mudlama, huwa ftakar lil missieru jgħallem li Ġesù kellu jiġi biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja. Hekk kif moħħu mtela b’dan il-ħsieb, huwa talab bil-ħrara lil Alla għall-ħniena. Ir-riżultat kien il-ferħ, ferħ li huwa ddeskriva bħala skwiżit! Il-ħniena u l-hena ġew fuq Alma għaliex huwa u missieru ffokaw fuq is-Salvatur.
Għal dawk il-ġenituri li uliedhom tbiegħdu, agħmlu l-qalb! Minflok toqogħdu tistaqsu għaliex xi anġlu ma jiġix biex jgħin lil uliedkom jindmu, kunu afu li l-Mulej poġġa anġlu mortali fil-mogħdija tagħhom: l-isqof, jew xi mexxej ieħor tal-Knisja, jew xi ħadd mill-aħwa li jimministraw. Jekk tibqgħu ssumu u tibqgħu titolbu, u jekk ma tippruvawx tfasslu skeda jew data ta’ skedenza għal Alla, u jekk tafdaw li l-Mulej qed itawwal driegħu biex jgħin lil ibnek, mela—xi darba jew oħra—se ssib li Alla jmiss il-qalb ta’ ibnek meta dan jagħżel li jisma’. Jiġri hekk għax Kristu huwa l-hena—Kristu huwa t-tama; Huwa l-wegħda “tal-ħwejjeġ tajbin li għandhom jiġu.” Mela, afda lil Ġesù Kristu b’ibnek, għaliex huwa s-saħħa ta’ kull ġenitur, u ta’ kull wild.
Ġaladarba esperjenza l-hena fi Kristu, Alma ż-Żgħir għex ferħan matul ħajtu. Iżda kif irnexxielu jmantni dan il-ferħ anki fi żmien diffiċli u ta’ prova? Huwa jiddikjara:
“Minn dak iż‑żmien sal‑ġurnata tal‑lum, jiena ħdimt bla heda, [biex] inkun nista’ nwassal l‑erwieħ lejn l‑indiema; biex inkun nista’ nwassalhom ħalli jduqu l‑hena mill‑aktar kbira li minnha jiena doqt. …
“… U … il‑Mulej verament jagħtini hena mill‑aktar kbira fil‑frott ta’ ħidmieti. …
“U jiena ġejt sostnut qalb kull tip ta’ sfidi u nkwiet.”
L-hena fi Kristu għal Alba bdiet meta huwa eżerċizza l-fidi fih u talab għall-ħniena. Imbagħad Alma kompla jeżerċizza fidi fi Kristu billi jaħdem bla heda biex jgħin lil oħrajn iduqu mill-istess hena. Din il-ħidma kontinwa nisslet ferħ kbir f’Alma, anki matul provi u inkwiet ta’ kull xorta. Għax, kif tafu, “il-Mulej iħobb l-isforz,” u l-isforz iffukat fuqu jġib il-barkiet. U madankollu, kollox kien “jinbela’ fil-ferħ ta’ Kristu.”
Grupp ieħor ta’ nies fil-Ktieb ta’ Mormon li għamlu lil Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu l-fokus ta’ ħajjithom u sabu l-hena huma dawk li waqqfu l-belt ta’ Ħelam—post fejn setgħu jrabbu lil uliedhom u jgawdu l-eżerċizzju tar-reliġjon tagħhom. Dan il-poplu ġust li kien qed jgħix ħajja tajba kien meħud fil-jasar minn grupp invażiv u mneżża’ mid-dritt fundamentali tal-bniedem li jeżerċita r-reliġjon tiegħu. Xi minn daqqiet affarjiet ħżiena jseħħu lil nies tajbin:
“Madankollu l-Mulej ra li kellu jwiddeb lill-poplu tiegħu; iva, huwa pprova s-sabar tagħhom u l-fidi tagħhom.
“Madankollu—kull min jittama fih għad jiġi mgħolli ’l fuq fl-aħħar jum. Iva, u hekk ġara minn dan il-poplu.”
Dawn in-nies kif irenxxielhom jifilħu l-provi u t-tbatija tagħhom. Billi ffukaw fuq Kristu u l-evanġelju tiegħu. It-tbatijiet tagħhom ma ddefinixxuhomx; minflok, kull wieħed minnhom dar lejn Alla għaliex iddefinixxu lilhom infushom bħala iben Alla, iben il-patt, u dixxiplu ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif ftakru min kienu u sejħu lil Alla, huma rċevew il-paċi, is-saħħa, u fl-aħħar mill-aħħar l-hena fi Kristu.
“Alma u l-poplu tiegħu … fetħu qalbhom ma’ Alla; u hu kien jaf x’kienu l-ħsibijiet ta’ qalbhom.
“U ġara li semgħu leħen il-Mulej qalb is-sofferenza tagħhom, jgħid: Għollu raskom ’il fuq u ntlew bil-faraġ, għaliex jiena naf bil-patt li intom għamiltu miegħi; u jiena nagħmel patt mal-poplu tiegħi u neħilsu mill-jasar.”
Bi tweġiba, il-Mulej “ħaffef ukoll it‑tagħbija li tpoġġiet fuq spallejhom. … Iva, il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssommettew ruħhom b’ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mule.” Innutaw li dawn il-Qaddisin ħallew l-inkwiet tagħhom, it-tbatija, u l-provi jiġu mibgħulin fl-hena ta’ Kristu! Imbagħad, meta kien żmienu, Hu were lil Alma l-mod li bih kellhom jaħarbu, u Alma—profeta ta’ Alla—mexxihom lejn is-salvezza.
Hekk kif niffukaw fuq Kristu u nimxu wara l-profeta tiegħu, aħna wkoll se nkunu mmexxijin lejn Kristu u l-hena tal-evanġelju tiegħu. Kif għallem il-President Nelson: “L-hena hija xi ħaġa qawwija, u li niffukaw fuq l-hena jġib il-qawwa f’ħajjitna. “F’kull ħaġa, Ġesù Kristu huma l-aqwa eżemplar tagħna, ‘li biex jikseb l-hena li giet offerta lilu, huwa qagħad għas-salib’ [Lhud 12:2].”
Ommi dan l-aħħar ħallietna; kienet ħasda kbira għalija. Inħobbha lil ommi u ma kontx ippjanajt li nitlifha daqshekk żagħżugħa. Iżda permezz tal-esperjenza tal-partenza tagħha, il-familja tiegħi u jien esperjenzajna n-niket u l-hena. Jiena naf li, minħabba Kristu, hija mhix mejta—hija tgħix! U jien naf li minħabba Kristu u l-imfietaħ tas-saċerdozju rrestawrati permezz tal-Profeta Joseph Smith, jien se nkun magħha mill-ġdid xi darba. In-niket li nitlef lill-mamà nbela’ fl-hena ta’ Kristu! Qed nitgħallem li, li “naħseb ċeslestjali” u li “nħalli lil Alla jiddomina” jinkludu li nkun iffukat fuq l-hena disponibbli fi Kristu.
Huwa jistedinna bl-imħabba, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.