Nidfnu l-Armi Tagħna tar-Ribelljoni
Jalla aħna nidfnu—fil-fond ħafna—kull element ta’ ribelljoni kontra Alla f’ħajjitna u minflok naraw li jkollna qalb u moħħ lesti li jaqduh.
Il-Ktieb ta’ Mormon jgħid li bejn wieħed u ieħor 90 sena qabel it-twelid ta’ Kristu wlied is-Sultan Mosija bdew missjoni fost il-Lamaniti li damet sejra 14-il sena. Tul il-ġenerazzjonijiet kienu saru għadd ta’ attentati mingħajr suċċess biex iwasslu lill-poplu Lamanita biex jemmen fid-duttrina ta’ Kristu. Din id-darba, madankollu, permezz tal-intervent mirakoluż tal-Ispirtu s-Santu, eluf ta’ Lamaniti kkonvertew u saru dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
Naqraw, “U daqs kemm jien ċert li hu ħaj il-Mulej, ċert ukoll li dawk kollha li emmnu, jew dawk kollha li twasslu għall-għarfien tal-verità, permezz tal-predikazzjoni ta’ Għammon u ħutu, skont l-ispirtu tar-rivelazzjoni u l-profezija, u skont il-qawwa ta’ Alla li twettaq il-mirakli permezz tagħhom—iva, jien ngħidilkom, daqs kemm jiena ċert li hu ħaj il-Mulej, ċert ukoll li dawk il-Lamaniti kollha li emmnu fil-predikazzjoni tagħhom, u kkonvertew għall-Mulej, qatt ma qabdu t-triq il-ħażina.”
Is-sigriet tal-konverżjoni dejjiema ta’ dan il-poplu naqraw dwaru fil-vers ta’ wara: “Għax huma saru poplu ġust; huma abbandunaw l-armi tar-ribelljoni tagħhom, u b’hekk ma ħaduhiex aktar kontra Alla, lanqas kontra xi ħadd minn ħuthom.”
Din ir-referenza għall-“armi tar-ribelljoni” kienet kemm litterali kif ukoll figurattiva. Qed tirreferi għax-xwabel tagħhom u armi tal-gwerra oħra iżda wkoll għad-diżubbidjenza tagħhom lejn Alla u l-kmandamenti tiegħu.
Is-sultan ta’ dawn il-Lamaniti li kkonvertew esprima dan b’dan il-mod: “U issa araw, ħuti, … dan kien kulma aħna stajna nagħmlu … biex nindmu mid-dnubiet kollha tagħna u mill-ħafna qtil li wettaqna, u biex nipperswadu ’l Alla biex ineħħihom minn ġo qalbna, għax dan kien dak kollu li aħna stajna nagħmlu biex nuru biżżejjed indiema quddiem Alla biex huwa jkun jista’ jneħħi minn fuqna t-tebgħa tagħna.”
Innutaw kliem is-sultan—l-indiema sinċiera tagħhom mhux biss wasslet għall-maħfra ta’ dnubiethom, iżda Alla neħħielhom t-tebgħa ta’ dawk id-dnubiet u saħansitra ix-xewqa li jidinbu minn qalbhom. Kif tafu, minflok ma rriskjaw li possibilment jerġgħu lura għall-istat ta’ ribeljoni tagħhom kontra Alla, huma difnu x-xwabel tagħhom. U hekk kif difnu x-xwabel fiżiċi tagħhom, permezz ta’ bidla f’qalbhom, huma difnu wkoll id-dispożizzjoni tagħhom li jaqgħu fid-dnub.
Aħna nafu nistaqsu lilna nfusna x’nistgħu nagħmlu biex nimxu wara dan il-mudell, li “nabbandunaw l-armi tar-ribelljoni tagħna” huma x’inhuma u “nikkonvertu għall-Mulej” tant li t-tebgħa tad-dnub u x-xewqa tad-dnub jittieħdu minn ġo qalbna u qatt ma nispiċċaw fit-triq il-ħażina.
Ir-ribelljoni tista’ tkun attiva jew passiva. Eżempju klassiku ta’ ribelljoni volontarja huwa Luċifru, li, fid-dinja primortali, oppona l-pjan tal-fidwa tal-Missier u xewwex lil oħrajn biex jopponuh ukoll, “u, f’dak il-jum, kienu bosta li mxew warajh.” Mhux diffiċli li nagħrfu l-impatt tar-ribelljoni kontinwa tiegħu fi żmienna.
It-tliet personaġġi xejn qaddisa, l-anti-Kristi, li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon—Serem, Neħor, u Koriħor—jipprovdulna studju klassiku ta’ ribelljoni attiva kontra Alla. It-teżi dominanti ta’ Neħor u Koriħor kienet li m’hemm l-ebda dnub; għalhekk, m’hemmx l-ebda bżonn tal-indiema, u m’hemm l-ebda Salvatur. “Kull bniedem jirnexxi skont il-kapaċità tiegħu, u … kull bniedem jittrijonfa skont il-qawwa tiegħu; u ma hemm xejn li bniedem jista’ jwettaq li hu reat.” L-anti-Krist jiċħad l-awtorità reliġjuża, u jikkaratterizza l-ordinanzi u l-patti bħala riti “imwaqqfa minn qassisin ta’ żmien twil ilu, biex jiksbu b’forza l-poter u l-awtorità.”
Eżempju tal-aħħar żmien ta’ ribelljoni volontarja bi tmiem aktar feliċi hija l-istorja ta’ William W. Phelps. Phelps ingħaqad mal-Knisja fl-1831 u kien inħatar bħala l-istampatur tal-Knisja. Huwa edittja diversi pubblikazzjonijiet bikrija tal-Knisja, kiteb għadd ta’ għanjiet, u serva bħala kittieb għal Joseph Smith. Sfortunatament, huwa dar kontra l-Knisja u l-Profeta, anke sal-punt li ta testimonjanza falza kontra Joseph Smith ġewwa l-qorti f’Missouri, li wasslet biex il-Profeta jispiċċa l-ħabs hemmhekk.
Aktar tard Phelps kiteb lil Joseph u talbu maħfra. “Jien naf is-sitwazzjoni tiegħi, inti tafha, u Alla jafha, u jien irrid insalva jekk jgħinuni sħabi.”
Fit-tweġiba tiegħu l-Profeta ddikjara: “Huwa veru li aħna batejna ferm b’konsegwenza tal-imġiba tiegħek. … Madankollu, issa xrobna mill-kalċi, ir-rieda ta’ Missierna fis-Smewwiet ġiet fis-seħħ, u s’issa għadna ħajjin. … Ejja, għażiż ħija, issa li l-gwerra għaddiet, għax ħbieb konna u ħbieb nibqgħu.”
Permezz ta’ ndiema sinċiera, William Phelps difen “l-armi tar-ribelljoni,” u reġa’ ġie milqugħ lura għal darb’oħra bħala membru sħiħ, u qatt aktar ma reġa’ spiċċa fit-triq il-ħażina.
Jista’ jkun li l-aktar forma ta’ ribelljoni nsidjuża kontra Alla, madankollu, hija dik passiva—li ninjoraw ir-rieda tiegħu f’ħajjitna. Ħafna li qatt ma jikkunsidraw ir-ribelljoni attiva jafu xorta waħda jopponu r-rieda u l-kelma ta’ Alla billi jimxu fit-triq li fasslu huma mingħajr ma jfittxu d-direzzjoni divina. Tiġi f’moħħi l-kanzunetta li għamilha famuża snin ilu l-kantant Frank Sinatra fejn fl-aħħar linja jkanta, “Li għamilt għamiltu bil-mod tiegħi.” Ċertament, fil-ħajja żgur hemm lok għall-preferenza personali u l-għażla individwali, iżda meta nitkellmu dwar ħwejjeġ relatati mas-salvazzjoni u l-ħajja eterna, il-kanzunetta marbuta magħna għandha tkun, “Li għamilt għamiltu bil-mod ta’ Alla,” għaliex fil-fatt m’hemm l-ebda mod ieħor.
Ħarsu ftit lejn l-eżempju tas-Salvatur fejn tidħol magħmudija. Huwa ssottometta ruħu għall-magħmudija bħala turija ta’ lealtà lejn il-Missier u bħala eżempju għalina:
“Hu wera lil ulied il-bnedmin li, skont il-ġisem huwa ċekken lilu nnifsu quddiem il-Missier, u wera lill-Missier li hu kien se jkun ubbidjenti lejh fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħu. …
“U huwa qal lil ulied il-bnedmin: Imxu warajja. Għalhekk, għeżież ħuti, nistgħu aħna nimxu wara Ġesù jekk ma nkunux lesti li nħarsu l-kmandamenti tal-Missier?”
M’hemm l-ebda “mod tiegħi” jekk irridu nimxu wara l-eżempju ta’ Kristu. Li nippruvaw insibu triq differenti lejn is-smewwiet tixbah il-futilità li mmorru naħdmu fuq it-Torri ta’ Babel minflok ma nduru lejn Kristu u s-salvazzjoni tiegħu.
Ix-xwabel u l-armi l-oħra li l-konvertiti Lamaniti difnu kienu armi ta’ ribelljoni minħabba l-mod kif użawhom. Dawk l-istess tip ta’ armi f’idejn uliedhom, li użawhom biex jiddefendu l-familja u l-ħelsien, ma kinux żgur armi ta’ ribelljoni kontra Alla. L-istess nistgħu ngħidu dwar dawn l-armi f’idejn in-Nefiti: “ Huma ma kinux qed jiġġieldu għal xi monarkija jew għal xi poter iżda … kienu qed jiġġieldu għal djarhom u għal-libertà tagħhom, għal marthom u għal uliedhom, u għal kulma kellhom, iva, għar-riti ta’ qima tagħhom u għall-knisja tagħhom.”
Bl-istess mod, hemm bosta ħwejjeġ f’ħajjitna li jafu jkunu newtrali jew saħansitra min-natura tagħhom tajbin iżda jekk użati b’mod ħażin isiru “armi tar-ribelljoni.” Id-diskors tagħna, per eżempju, jista’ jedifika jew jiddegra. Kif qal Ġakbu:
“Iżda ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt.
“Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta’ Alla.
“Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan m’għandux ikun, ħuti.”
Illum nisimgħu ħafna diskors pubbliku u personali li huwa malizzjuż u krudili. Hawn wisq konverżazzjoni li hija vulgari u profana, anke fost iż-żgħażagħ. Dan it-tip ta’ diskors huwa “arma tar-ribelljoni” kontra Alla, “mimli velenu li jġib il-mewt.”
Ikkunsidraw eżempju ieħor ta’ xi ħaġa li hija essenzjalment tajba iżda nistgħu nużawha kontra d-direttivi divini—il-karriera ta’ xi ħadd. Wieħed jista’ jsib sodisfazzjon veru f’xi professjoni, vokazzjoni, jew servizz, u lkoll kemm aħna nibbenifikaw b’dak li nies devoti li għandhom talent f’bosta oqsma differenti irnexxielhom iwettqu u joħolqu.
Madankollu, hu possibbli li d-devozzjoni lejn il-karriera tista’ tingħata l-attenzjoni kollha fil-ħajja ta’ persuna. Imbagħad kull ħaġa oħra ssir sekondarja, inkluż dak li jaf jitlob is-Salvatur mill-ħin u t-talenti ta’ persuna. Kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, li tinjoraw opportunitajiet leġittimi għaż-żwieġ, li tibqgħu lura milli tingħaqdu mal-konjuġi tagħkom u tgħinuha, u li trawmu lil uliedkom, jew saħansitra intenzjonalment tevitaw il-barka u r-responsabbiltà li jkollkom it-tfal sempliċiment biex tavvanzaw fil-karriera tistgħu tkunu qed twasslu biex ċerta kisbiet ta’ min jammirahom isiru forma ta’ ribelljoni.
Eżempju ieħor jikkonċerna l-ġisem fiżiku tagħna. Pawlu jfakkarna li għandna nigglorifikaw lil Alla kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu, u li dan il-ġisem huwa t-tempju tal-Ispirtu s-Santu, “li għandkom minn Alla, u li intom m’intomx tagħkom infuskom.” B’hekk, aħna għandna interess leġittimu li ngħaddu ħin nieħdu ħsieb ġisimna bl-aħjar mod possibli. Huma ftit minna li nilħqu l-massimu ta’ xi prestazzjoni li rajna m’ilux fil-kisbiet tal-atleti Olimpiċi u Paraolimpiċi, u xi wħud minna qed nesperjenzaw l-effett tal-età, jew dik li l-President M. Russell Ballard sejħilha “meta l-iskorfini jibdew jinħallu.”
Madankollu, nemmen li hi ħaġa li togħġob lill-Ħallieq tagħna meta aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nieħdu ħsieb ir-rigal meraviljuż li tana ta’ ġisem fiżiku. Ikun sinjal ta’ ribelljoni li xi ħadd jiddegra jew iniġġes ġismu, jew jabbuża minnu, jew jibqa’ lura milli jagħmel dak li jista’ biex jgħix tip ta’ ħajja b’saħħitha. Fl-istess ħin, fl-estrem l-ieħor, il-vanita u li wieħed jiffissa bil-ġisem fiżiku, bid-dehra jew bl-ilbies tiegħu jista’ jkun forma ta’ ribelljoni, li twassal lil dak li jkun biex iqim ir-rigal ta’ Alla minflok lil Alla.
Fl-aħħar mill-aħħar, li naħbu l-armi tagħna tar-ribelljoni kontra Alla sempliċiment ifisser li nissottomettu ruħna għall-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u nsiru “qaddis permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej.” Ifisser li npoġġu l-ewwel l-ewwel kmandament f’ħajjitna. Ifisser li nħallu lil Alla jiddomina. Jekk l-imħabba tagħna lejn Alla u d-determinazzjoni tagħna li nservuh b’qalbna kollha u bis-setgħa u l-qawwa tagħna kollha ssir il-mezz ewlieni kif aħna niġġudikaw kull ħaġa u nieħdu kull deċiżjoni, aħna nkunu dfinna l-armi tagħna tar-ribelljoni. Bil-grazzja ta’ Kristu, Alla jaħfer dnubietna u r-ribelljoni tagħna tal-passat u jneħħi t-tebgħa ta’ dawk id-dnubiet u r-ribelljoni minn qalbna. Maż-żmien, Huwa anke ineħħilna x-xewqa għall-ħażen kif għamel mal-konvertiti Lamaniti tal-imgħoddi. Wara, aħna wkoll “ma noħorġu qatt mit-triq it-tajba.”
Li nidfnu l-armi tagħna tar-ribelljoni jwassalna biex nesperjenzaw hena unika. Ma’ dawk kollha li qatt ġew ikkonvertiti għall-Mulej, aħna “nitwasslu biex ngħannu [l-għanja ta’] mħabba feddejja.” Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, il-Feddej tagħna, ikkonfermaw l-impenn bla tmiem tagħhom lejn il-kuntentizza aħħarija tagħna permezz tal-akbar imħabba u sagrifiċċju. Aħna nesperjenzaw l-imħabba tagħhom kuljum. Bla dubju aħna nistgħu nirreċiprokaw permezz tal-imħabba u l-lealtà tagħna. Jalla aħna nidfnu—fil-fond ħafna—kull element ta’ ribelljoni kontra Alla f’ħajjitna u minflok naraw li jkollna qalb u moħħ lesti li jaqduh. F’isem Ġesù Kristu, ammen.