Konferenza Ġenerali
Inħaddnu r-Rigal li Tana l-Mulej tal-Indiema
konferenza ġenerali Ottubru 2024


11:35

Inħaddnu r-Rigal li Tana l-Mulej tal-Indiema

Ejjew ma nibqgħux nistennew biex l-affarijiet isiru diffiċli biex induru lejn Alla. Ejjew ma noqogħdux nistennew sal-aħħar tal-ħajja mortali tagħna biex nindmu verament.

Nixhed dwar Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna. Fil-konferenza ġenerali ta’ April 2019, mumenti wara li ġejt sostnut fir-responsabbiltà l-ġdida tiegħi bħala Awtorità Ġenerali Sebgħin, il-kor kanta verżjoni ta’ “Nistagħġeb bl-Imħabba” li messitli qalbi u ruħi.

Nistagħġeb ukoll li hu niżel mit-tron divin

Biex jeħles ruħ ribelluża u mkabbra bħal din,

Għalija mħabbtu tant kbira w manjifika,

Biżżejjed biex lili jifdi, jiġġustifika.

Hekk kif smajt dak il-kliem, jien ħassejtni nistagħġeb. Ħassejt li minkejja l-inadegwatezza u d-dgħufijiet tiegħi, il-Mulej berikni li nkun naf li “bil-qawwa tiegħu jiena nista’ nagħmel kollox.”

Is-sentiment komuni tal-inadegwatezza, tad-dgħufija, u anke tal-indenjità hu xi ħaġa li ħafna minna xi kultant nitqabdu magħha. Jien għadni s’issa nitqabad magħha; hekk ħassejtni dakinhar li ġejt imsejjaħ. Ħassejtni hekk bosta drabi u anke issa qed inħossni l-istess waqt li qed inkellimkom. Madankollu, tgħallimt li mhux jien biss inħossni hekk. Fil-fatt, hemm bosta rakkonti fl-iskrittura ta’ dawk li jidher li ħassewhom l-istess. Per eżempju, aħna niftakru f’Nefi bħala qaddej fidil u qalbieni tal-Mulel. Xi kultant, anke hu beda jitqabad b’sentimenti ta’ indenjità, dgħufija, u inadegwatezza.

Huwa qal: “Minkejja t-tjubija kbira tal-Mulej, fejn urieni l-għemejjel kbar u tal-għaġeb tiegħu, qalbi tistqarr: O msejken bniedem li jien! Iva, inħoss qalbi trid tinqasam minħabba ġismi; ruħi titnikket minħabba ħżuniti.”

Il-Profeta Joseph Smith tkellem dwar li spiss ħassu “kkundannat,” f’żogħżitu, “minħabba d-dgħufija u l-imperfezzjoni tiegħu.” Iżda s-sentimenti ta’ inadegwatezza u tħassib ta’ Joseph kienu parti milli dak li wasslu biex jixtarr, jistudja, jitgħallem, u jitlob. Kif forsi tiftakru, huwa mar jitlob fil-masġar qrib id-dar tiegħu biex isib il-verità, il-paċi, u l-maħfra. Huwa sama’ lill-Mulej jgħidlu, “Joseph, ibni, dnubietek maħfura. Mur, imxi fuq il-preċetti tiegħi, u ħares il-kmandamenti tiegħi. Ara, jiena l-Mulej tal-Glorja. Jien ġejt imsallab għad-dinja, sabiex dawk kollha li jemmnu f’ismi jista’ jkollhom il-ħajja eterna.”

Ix-xewqa sinċiera ta’ Joseph li jindem u jfittex is-salvazzjoni għar-ruħu għenitu jersaq lejn Ġesù Kristu u jirċievi l-maħfra għal dnubietu. Din il-ħidma kontinwa tat bidu għar-Restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Din l-esperjenza tal-għaġeb tal-Profeta Joseph Smith turi kif is-sentimenti ta’ dgħufija u inadegwatezza jistgħu jgħinuna nagħrfu n-natura dekaduta tagħna. Jekk inkunu umli, dan jgħinna biex nagħrfu d-dipendenza tagħna fuq Ġesù Kristu, u jqanqal ġewwa qalbna xewqa sinċiera li nduru lejn is-Salvatur u nindmu minn dnubietna.

Ħbieb tiegħi, l-indiema hija hena! L-indiema ħelwa hija parti mill-proċess dinji li permezz tiegħu, “linja wara linja, preċett wara preċett,” il-Mulej jgħallimna biex ngħixu ħajja ċċentrata fuq it-tagħlim tiegħu. Bħal Joseph u Nefi, aħna nistgħu “nsejħu ’l Alla biex jurina ħniena; għax huwa għandu l-qawwa li jsalva.” Huwa jista’ jġib fis-seħħ kwalunkwe xewqa jew xenqa ġusta u jista’ jfejjaq kull ġerħa f’ħajjitna.

Fil-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu, jien u intom nistgħu nsibu numru bla għadd ta’ rakkonti dwar individwi li tgħallmu kif jersqu lejn Kristu permezz tal-indiema sinċiera.

Nixtieq naqsam magħkom eżempju tal-ħniena tal-Mulej permezz ta’ esperjenza li seħħet fil-gżira għażiża li ġej minnha jiena ta’ Puerto Rico.

Kien fil-belt li ġej minnha jien ta’ Ponce, li waħda oħt fil-Knisja, Célia Cruz Ayala, iddeċidiet li kienet sejra tagħti Ktieb ta’ Mormon lil waħda ħabiba tagħha. Hija geżwritu u marret biex twassal dan ir-rigal, li hi qalet li kien aktar prezzjuż għaliha mid-djamanti jew ir-rubini. Fi triqtha, mar fuqha wieħed ħalliel, ħatfilha l-portmoni tagħha, u telaq jiġru bir-rigal speċjali fih.

Meta hija rrakkontat din l-istorja fil-knisja, il-ħabiba tagħha qalet, “Min jaf? Forsi din kienet l-opportunità tiegħek biex taqsam l-evanġelju!”

Mela, ftit jiem wara, tafu x’ġara? Célia rċeviet ittra. Jiena qed inżomm f’idi llum dik l-ittra li qasmet miegħi Célia. Hija tgħid:

“Sinjura Cruz:

“Aħfirli, aħfirli. Għadek ma tafx kemm qed jisgħobbija talli attakkajtek. Iżda minħabba f’dan, ħajti nbidlet u se tkompli tinbidel.

“Dak il-ktieb [il-Ktieb ta’ Mormon] kien ta’ għajnuna f’ħajti. Il-ħolma ta’ dak ir-raġel t’Alla ġabitni f’sensija. … Qed nirritornalek il-ħames dollari tiegħek, għax ma nistax nonfoqhom. Irridek tkun taf li fuq wiċċek dehret bħal dija. Dak id-dawl bħallikieku waqqafni milli nweġġgħek, għalhekk minflok jien tlaqt niġri.

“Irridek tkun taf li int għad terġa’ tarani, iżda meta jasal il-mument, m’intix se tagħrafni, għax jiena se nkun ħuk. … Hawnhekk, fejn noqgħod, jeħtieġ li nsib lill-Mulej u mmur il-knisja li inti tagħmel parti minnha.

“Il-messaġġ li kitbet f’dak il-ktieb wassal biex għajnejja jimtlew bid-dmugħ. Min-nhar l-Erbgħa filgħaxija għadni ma waqaftx naqrah. Jiena tlabt lil Alla biex jaħfirli, u jien qed nitolbok taħfirli. … Jien ħsibt li r-rigal imgeżwer tiegħek kien xi ħaġa li stajt inbiegħ. Minflok, wassalni nixtieq nibdel ħajti. … Aħfirli, nitolbok taħfirli.

“Il-ħabib assenti tiegħek.”

Ħuti, id-dawl tas-Salvatur jista’ jilħaqna lkoll, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna. “Żgur li ma jistax ikun li tinsab ġo wied tant fond li ma jistax jintlaħaq mid-dawl tal-Espjazzjoni ta’ Kristu.” qal il-President Jeffrey R. Holland.

Rigward ir-reċipjent mhux intenzjonat tar-rigal ta’ Célia, il-Ktieb ta’ Mormon, dan ħuna kompla jixhed aktar dwar il-ħniena tal-Mulej. Minkejja li dan ħuna dam żmien biex jaħfer lilu nnifsu, huwa sab l-hena fl-indiema. X’miraklu! Waħda oħt fidila, Ktieb ta’ Mormon, indiema sinċiera, u l-qawwa tas-Salvatur wasslu għat-tgawdija tal-milja tal-barkiet tal-evanġelju u tal-patti sagri fid-dar tal-Mulej. Membri oħra tal-familja segwew u aċċettaw ir-responsabbiltajiet sagri fl-għalqa tal-Mulej, inkluż is-servizz missjunarju full-time.

Hekk kif nersqu lejn Ġesù Kristu, it-triq tagħna tal-indiema sinċiera eventwalment twassalna sat-tempju mqaddes tas-Salvatur.

X’mottiv tajjeb biex nagħmlu li tistgħu biex inkunu safja—li nkunu denji tal-milja tal-barkiet li jistgħu jkunu possibbli grazzi għal Missierna fis-Smewwiet u Ibnu permezz tal-patti tat-tempju sagru! Li naqdu regolarment fid-dar tal-Mulej u nagħmlu li nistgħu biex inħarsu l-patti sagri li nagħmlu hemmhekk iwassluna biex inkabbru x-xewqa u l-abbiltà tagħna li nesperjenzaw bidla fil-qalb, fil-qawwa, fil-moħħ, u r-ruħ tagħna neċessarja biex aħna nsiru nixbhu aktar lis-Salvatur tagħna. Il-President Russell M. Nelson xehed: “Xejn ma jiftaħ is-smewwiet aktar [milli nqimu fit-tempju]. Xejn!”

Għeżież ħbieb tiegħi, intom tħossukom inadegwati? Tħossukom indenji? Qed tiddubitaw lilkom infuskom? Tafu forsi qed tinkwetaw u tistaqsu: Jien tajjeb biżżejjed? Hu tard wisq għalija? Għalfejn nibqa’ naqa’ minkejja li qed nagħmel l-almu kollu tiegħi?

Ħuti, m’hemmx dubju li aħna niżbaljaw f’ħajjitna tul it-triq. Iżda ftakru li, kif għallem il-Presbiteru Gerrit W. Gong: “L-espjazzjoni tas-Salvatur tagħna hija infinita u eterna. Ilkoll kemm aħna jaf ikollna xi dubji u nafu niżolqu xi ftit. Jista’ jkun li aħna, għal xi żmien, nitilfu triqtna. B’ imħabba, Alla jassigurana, li ninsabu fejn ninsabu u għamilna x’ għamilna, qatt m’huwa tard wisq. Huwa jkun jinsab jistenniena biex iħaddanna miegħu.”

Kif għallmitni wkoll l-għażiża marti, Cari Lu, jeħtieġ li aħna lkoll nindmu, nirriwandjaw, u nerġgħu nibdew kull jum mill-ħin “żero.”

Ostakli żgur niffaċċjaw. Ejjew ma nibqgħux nistennew biex l-affarijiet isiru diffiċli biex induru lejn Alla. Ejjew ma noqogħdux nistennew sal-aħħar ta’ ħajjitna biex nindmu verament. Minflok, ejjew issa, irrispettivament f’liema parti tat-triq tal-patt ninsabu bħalissa, niffokaw fuq il-qawwa feddejja ta’ Ġesù Kristu u fuq ix-xewqa ta’ Missierna fis-Smewwiet li aħna nerġgħu lura għandu.

Il-Mulej, l-iskrittura mqaddsa tiegħu, il-profeti u l-appostli tiegħu jispirawna biex inħabirku lejn il-qdusija personali permezz tad-duttrina ta’ Kristu.

U Nefi qal: “U issa, araw, għeżież ħuti, din hija t-triq; u ma hemm l-ebda triq oħra jew isem ieħor mogħtija mis-smewwiet ’l isfel li permezz tagħhom il-bniedem jista’ jsalva fis-saltna ta’ Alla. U issa, araw, din hi d-duttrina ta’ Kristu, u l-uniku vera duttrina tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.”

Il-proċess tagħna tal-mument wieħed tal-espjazzjoni ma’ Alla jaf jinħass diffiċli. Iżda jien u intom nistgħu nieqfu, nisktu, inħarsu lejn is-Salvatur, u nfittxu li nsibu u naġixxu fuq dak li jridna li nibdlu. Jekk nagħmlu dan b’intenzjoni sħiħa, aħna nesperjenzaw il-fejqan tiegħu. U aħsbu ftit kemm jiġi mbierek in-nisel tagħna hekk kif aħna nħaddnu r-rigal li tana l-Mulej tal-indiema!

Il-Fuħħari Prim, għallimni missieri, sejjer isawwarna u jsaffina, li taf tkun ħaġa diffiċli. Madankollu, il-Fejjieq Prim sejjer ukoll ifejjaqna. Jiena esperjenzajt u nkompli nesperjenza dik il-qawwa tal-fejqan. Jiena nixhed li aħna niksbuha permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu u l-indiema ta’ kuljum.

O, x’ġest veru sabiħ li lili jsalva ried

Għalhekk għalija miet!

Nixhed dwar l-imħabba ta’ Alla u l-qawwa infinita tal-Espjazzjoni ta’ Ibnu. Aħna nistgħu nħossuhom b’mod profond hekk kif sinċerament nindmu b’qalbna kollha.

Ħbieb tiegħi, jiena xhud tar-Restawrazzjoni glorjuża tal-evanġelju permezz tal-Profeta Joseph Smith u l-gwida divina kurrenti tas-Salvatur permezz tal-profeta u l-portavoċe tiegħu, il-President Russell M. Nelson. Jiena naf li Ġesù Kristu jgħix u li Huwa l-Fejjieq Prim ta’ ruħna. Jiena naf u nixhed li dawn il-ħwejjeġ huma vera, fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. “Nistagħġeb bl-Imħabba,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 22.

  2. Alma 26:12.

  3. 2 Nefi 4:17; ara wkoll versi 18–19.

  4. Joseph Smith—History 1:29.

  5. Joseph Smith, “History, circa Summer 1832,” 3, josephsmithpapers.org; l-ortografija u l-punteġġatura standardizzati.

  6. Ara Mosija 4:11–12.

  7. Il-President Russell M. Nelson għallem: “Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-hena—l-hena tal-fidwa fih. Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!” (“Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67).

  8. 2 Nefi 28:30.

  9. Alma 34:18.

  10. “Ħuti, kemm hu prezzjuż il-Ktieb ta’ Mormon għalikom? Jekk intom tiġu offruti d-djamant jew ir-rubini jew il-Ktieb ta’ Mormon, intom x’tagħżlu? Onestament, liema hu li għandu l-aktar valur għalikom?” Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru?,” Liahona, Nov. 2017, 61).

  11. F’F. Burton Howard, “Missionary Moments: ‘My Life Has Changed,’” Church News, 6 ta’ Jan., 1996, thechurchnews.com; ara wkoll Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 4, Sounded in Every Ear, 1955–2020 (2024), 472–74, 477–79.

  12. Jeffrey R. Holland, “The Laborers in the Vineyard,” Liahona, Mejju 2012, 33.

  13. Ikun tajjeb li nieqfu għal sekonda u naħsbu ftit dwar in-nisel tagħna? Minħabba l-vista mijopika tagħna, aħna ma nistgħux narawha bħalissa, iżda r-rieda tagħna li nduru lejn il-Mulej b’għan sħiħ f’qalbna—biex ninbidlu, nindmu u nħaddnu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—tista’ tinfluwenza ġenerazzjonijiet sħaħ! Immaġinaw il-barkiet oħra li jistgħu jinbtu mill-umiltà, mill-ħlewwa u mill-fidi f’Ġesù Kristu ta’ ruħ dak li jkun anke fl-aktar ċirkustanzi inkonvenjenti.

  14. Dawn id-dettalji ngħataw minn Sister Célia Cruz f’konverżazzjoni personali mal-Presbiteru Jorge M. Alvarado, nhar l-10 ta’ Settembru, 2024.

  15. Russell M. Nelson, “Nithennew bir-Rigal tal-Imfietaħ tas-Saċerdozju,” Liahona, Mejju 2024, 122.

  16. Meta nispiċċaw nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal dawn, hu importanti niftakru l-kliem tal-Appostlu Pawlu:

    “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? …

    “Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.

    “Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat,

    “La l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħlejqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rumani 8:35, 37–39).

  17. Gerrit W. Gong, “Il-Ħuġġieġa ta’ Fidi Tagħna,” Liahona, Nov. 2018, 41.

  18. Nefi huwa eżempju tajjeb ta’ dan. Huwa ddikjara:

    “Stenbaħ, O ruħi! Tibqax aktar imtaqqla bid-dnub. Ifraħ, O qalbi, u tagħmilx il-wisa’ aktar għall-għadu ta’ ruħi. …

    “O Mulej, se tifdi ruħi? Se teħlisni minn idejn l-għedewwa tiegħi? Se twassalni biex nibda nitriegħed kif nara quddiemi d-dnub?” (2 Nefi 4:28, 31).

  19. Il-President Dallin H. Oaks għallem: “Meta bniedem ikun għadda mill-proċess tal-indiema … , is-Salvatur mhux biss inaddaf lil dak il-bniedem mid-dnub. Huwa jagħtiha wkoll qawwa ġdida. Dik il-qawwa hija essenzjali għalina biex nagħrfu l-għan tat-tisfija, li hu li nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Sabiex niddaħħlu fil-preżenza Tiegħu, aħna rridu nkunu aktar minn sempliċement nodfa. Irridu nitbiddlu wkoll minn persuna moralment dgħajfa li waqgħet fid-dnub għal persuna b’saħħitha bl-istatura spiritwali li tgħammar fil-preżenza ta’ Alla” (“The Atonement and Faith,” Ensign, Apr. 2010, 33–34).

  20. 2 Nefi 31:21.

  21. Aħna nonoraw lill-familja tagħna u lil Missierna fis-Smewwiet billi nħaddnu l-indiema u nagħmlu li nistgħu biex ngħixu ħajja tajba.

  22. Hymns, nu. 193.