Konferenza Ġenerali
Ħudu Ħsieb l-Għeruq, u l-Friegħi Jikbru
konferenza ġenerali Ottubru 2024


Ħudu Ħsieb l-Għeruq, u l-Friegħi Jikbru

Il-fergħat tat-testimonjanza tagħkom jirċievu l-qawwa mill-fidi b’saħħitha tagħkom f’Missierna fis-Smewwiet u f’Ibnu l-Maħbub.

Kappella Antika ġewwa Zwickau

Għalija s-sena 2024 hi sena mill-aktar importanti. Tfakkar il-75 sena minn meta jiena ġejt mgħammed u kkonfermat bħala membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġewwa Zwickau, il-Ġermanja.

Is-sħubija tiegħi fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija prezzjuża għalija. Li nkun magħdud magħkom, ħuti, fost il-poplu tal-patt ta’ Alla, huwa wieħed mill-akbar unuri ta’ ħajti.

Meta naħseb dwar il-vjaġġ personali tiegħi bħala dixxiplu, jiena spiss niftakar f’villa antika ġewwa Zwickau, fejn niftakarni b’għożża kbira nattendi bħala tifel il-laqgħat tas-sagrament tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Kien hemmhekk fejn in-nebbieta tat-testimonjanza tiegħi rċeviet l-ewwel nutrittiv tagħha.

Din il-kappella kellha fiha orgni antik li kien jaħdem bl-arja. Kull nhar ta’ Ħadd wieħed żagħżugħ kien jiġi mqabbad joqgħod jimbotta ’l fuq u ’l isfel il-lieva mill-aktar b’saħħitha li kienet topera l-minfaħ biex l-orgni jkun jista’ jiffunzjona. Xi kultant kien ikolli l-privileġġ kbir li nassisti f’din il-biċċa xogħol importanti.

Waqt li l-kongregazzjoni kienet tkun qed tkanta l-għanjiet għeżież tagħna, jiena kont inkun qed nippompja b’kemm saħħa kelli biex l-orgni ma jkunx nieqes mill-arja. Minn fuq is-siġġu ta’ fejn topera l-minfaħ, stajt nara tajjeb ħafna parti sewwa mit-twieqi bl-istained-glass mill-aktar sbieħ, waħda kienet turi lis-Salvatur Ġesù Kristu u l-oħra lil Joseph Smith fil-Masġar Sagru.

Għadni niftakar is-sentiment sagru li kont inħoss hekk kif kont noqgħod inħares lejn dawk it-twieqi mixgħula b’dawl ix-xemx waqt li nisma’ t-testimonjanzi tal-Qaddisin u l-kant tal-għanjiet ta’ Sijon.

F’dak il-post imqaddes, l-Ispirtu ta’ Alla kien xehed f’moħħi u f’qalbi li dan kollu kien veru: Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja. Din hi l-Knisja tiegħu. Il-Profeta Joseph Smith ra lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu u sema’ leħinhom.

Aktar kmieni din is-sena, meta kont fuq ħidma tal-Knisja fl-Ewropa, kelli l-opportunità li nerġgħu lura ġewwa Zwickau. Sfortunatament, dik il-kappella antika u għal qalbi m’għadhiex aktar hemm. Waqqgħuha bosta snin ilu biex jagħmlu spazju għal bini ta’ appartamenti kbir.

X’Inhu Etern, u X’Mhuwiex?

Nammetti li sewwidt qalbi meta rajt li dan il-bini għal qalbi minn tfuliti issa spiċċa biss memorja. Għalija kien bini sagru. Iżda kien biss bini.

B’kuntrast, ix-xhieda spiritwali li ksibt mingħand l-Ispirtu s-Santu għadd ta’ snin ilu għadha hemm. Fil-fatt, saret aktar b’saħħitha. Il-ħwejjeġ li tgħallimt f’żgħożiti dwar il-prinċipji fundamentali tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kienu minn dejjem is-sisien sodi tiegħi tul ħajti. Ir-rabta tal-patt li jiena sawwart ma’ Missieri fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż baqgħet miegħi—ferm wara li l-kappella ta’ Zwickau twaqqgħet u t-twieqi tal-istained-glass intilfu.

“Is-sema u l-art jgħaddu,” qal Ġesù, “imma kliemi ma jgħaddix.”

“Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżhżu l-għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżhiżx, jgħid il-Mulej li jħenn għalik.”

Waħda mill-aktar ħwejjeġ importanti li nistgħu nitgħallmu f’din il-ħajja hija d-differenza bejn dak li hu etern u dak li mhuwiex. Ladarba nifhmu dan, kollox jieħu xejra oħra—ir-relazzjonijiet tagħna, l-għażliet li nagħmlu, il-mod kif nittrattaw lin-nies.

Li nkunu nafu x’inhu etern u x’mhuwiex huwa s-sigriet biex aħna nikbru fit-testimonjanza ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu.

Tħalltux il-Friegħi mal-Għeruq

L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, kif għallem il-Profeta Joseph Smith, “iħaddan fih kull ħaġa li hija vera.” Iżda dan ma jfissirx li l-verità kollha għandha l-istess valur. Ċerti veritajiet huma l-qofol, l-essenzjal, u l-għerq tal-fidi tagħna. Oħrajn huma żieda jew fergħat—siewja biss meta huma jinsabu marbuta ma’ dak li hu fundamentali.

Il-Profeta Joseph Smith qal ukoll, “Il-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema; u kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żieda ma’ dan.”

Fi kliem ieħor, Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu huma l-għerq tat-testimonjanza tagħna. Il-ħwejjeġ l-oħra kollha huma friegħi.

B’daqshekk mhux qed ngħid li l-friegħi mhumiex importanti. Siġra teħtieġ il-friegħi. Iżda bħalma s-Salvatur qal lid-dixxipli tiegħu, “Il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja.” Mingħajr rabta mas-Salvatur, man-nutriment li nsibu fl-għeruq, il-fergħa tidbiel u tmut.

Meta niġu biex nieħdu ħsieb it-testimonjanzi tagħna ta’ Ġesù Kristu, nibża’ li xi kultant nħalltu l-friegħi mal-għeruq. Dan kien l-iżball li Ġesù ra li kienu qed jagħmlu l-Fariżej ta’ żmienu. Huma kienu jiffokaw wisq fuq dettalji tal-liġi li huma relattivament żgħar hekk li kienu jispiċċaw jinjoraw dak li s-Salvatur sejjaħlu “dak li hu l-aqwa”—prinċipji fundamentali bħal “ġustizzja u ħniena u fidi.”

Jekk trid tieħu ħsieb siġra, titfax l-ilma fuq il-friegħi. Għandek tagħti l-ilma lill-għeruq. Bl-istess mod, jekk tridu li l-friegħi tat-testimonjanza tagħkom jikbru u jagħtu l-frott, ħudu ħsieb l-għeruq. Jekk m’intomx ċerti dwar xi duttrina jew drawwa partikolari jew xi element tal-istorja tal-Knisja, fittxu ċ-ċarezza b’fidi f’Ġesù Kristu. Fittxu li tifhmu s-sagrifiċċju tiegħu għalikom, imħabbtu għalikom, ir-rieda tiegħu għalikom. Imxu warajh b’umiltà. Il-fergħat tat-testimonjanza tagħkom jirċievu l-qawwa mill-fidi b’saħħitha tagħkom f’Missierna fis-Smewwiet u f’Ibnu l-Maħbub.

Per eżempju, jekk tridu li jkollkom testimonjanza aktar b’saħħitha tal-Ktieb ta’ Mormon, iffokaw fuq ix-xhieda tiegħu ta’ Ġesù Kristu. Innotaw kif il-Ktieb ta’ Mormon jixhed dwaru, x’jgħallem dwaru, u kif jistedinkom u jispirakom biex tersqu lejh.

Jekk qed tfittxu li jkollkom esperjenza aktar sinifikanti fil-laqgħat tal-Knisja jew fit-tempju, ipprovaw fittxu lis-Salvatur fl-ordinanzi sagri li nirċievu hemmhekk. Araw li ssibu lill-Mulej fid-dar qaddisa tiegħu.

Jekk qatt tħossukom li s-sejħiet tal-Knisja qed jitfgħu piż kbir fuqkom, ipprovaw erġgħu iffokaw is-servizz tagħkom fuq Ġesù Kristu. Araw li tagħmlu dan bħala turija ta’ mħabbitkom lejh.

Ħudu ħsieb l-għeruq, u l-fergħat jikbru. U maż-żmien, huma jagħtu l-frott.

Niżżlu Għeruqkom Fih, u Ibnu l-Ħajja Tagħkom Fuqu

Il-fidi soda f’Ġesù Kristu ma sseħħx f’ħakka t’għajn. Le, f’din id-dinja mortali, huwa x-xewk u l-għollieq tad-dubju li jikber b’mod spontanju. Is-siġra b’saħħitha u għammiela tal-fidi teħtieġ sforz intenzjonat. U parti importanti ħafna minn dak l-isforz hu li naraw li l-għeruq tagħna jinsabu msejsa sew fi Kristu.

Per eżempju: Għall-ewwel, nafu ninteressaw ruħna fl-evanġelju u fil-Knisja tas-Salvatur għaliex nimpressjonaw ruħna bil-membri simpatiċi jew bl-isqof mill-aktar ġentili jew bl-indafa li naraw fil-kappella. Dawn iċ-ċirkustanzi huma bla dubju importanti biex nkabbru l-Knisja.

Madankollu, jekk l-għeruq tat-testimonjanza tagħna ma jinżlux aktar fil-fond minn hekk, x’jiġri meta mmorru noqogħdu f’xi qasam li l-bini fejn jiltaqgħu hu anqas impressjonanti, u l-membri mhux daqstant simpatiċi, u l-isqof jgħid xi ħaġa li toffendina?

Eżempju ieħor: ma tidhirx xi ħaġa raġjonevoli li nittamaw li jekk inħarsu l-kmandamenti u niġu ssiġillati fit-tempju, aħna nkunu mberkin b’familja kbira u kuntenta bi tfal mill-aktar bravi u ubbidjenti, fejn ilkolli kemm huma jibqgħu attivi fil-Knisja, iservu missjoni, ikantaw fil-kor tal-qasam, u jagħmluha ta’ voluntiera biex inaddfu d-dar tal-laqgħat kull nhar ta’ Sibt filgħodu?

Jiena ċertament nittama li lkoll kemm aħna naraw dan f’ħajjitna. Iżda x’nagħmlu jekk dan ma jseħħx? Lesti nibqgħu marbutin mas-Salvatur irrispettivament miċ-ċirkustanzi—nibqgħu nafdaw fih u fl-orarju tiegħu?

Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: It-testimonjanza tiegħi hi bbażata fuq dak li nittama li jseħħ f’ħajti? Tiddependi fuq l-għemejjel jew l-attitudni ta’ ħaddieħor? Jew hija mwaqqfa b’fermezza fuq Ġesù Kristu, “b’għeruqna fih u nibnu l-ħajja tagħna fuqu,” irrispettivament miċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tal-ħajja?

Tradizzjonijiet, Drawwiet, u Fidi

Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem dwar nies li “kienu jħarsu b’mod strett l-ordinanzi ta’ Alla.” Iżda mbagħad mar fosthom raġel xettiku jismu Koriħor, u beda jwaqqa’ għaż-żuffjett l-evanġelju tas-Salvatur, u jsejjaħlu “bluha” u “tradizzjoni bla sens ta’ missirijiethom.” Koriħor beda “jqarraq bil-qlub ta’ bosta, u wassalhom biex huma jħossuhom kburin bi ħżunithom.” Iżda kien hemm oħrajn li ma setax iqarraq bihom, għax għalihom, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kien ferm aktar minn tradizzjoni.

Il-fidi hija b’saħħitha meta għandha l-għeruq b’saħħithom tagħha fl-esperjenza personali, fl-impenn personali lejn Ġesù Kristu, irrispettivament x’inhuma t-tradizzjonijiet tagħna jew x’jgħid u x’jagħmel ħaddieħor.

It-testimonjanza tagħna se tkun ittestjata u ppruvata. Il-fidi mhijiex fidi jekk qatt ma tkun ittestjata Il-fidi mhijiex b’saħħitha jekk qatt ma ssib oppożizzjoni. Għalhekk taqtgħux qalbkom jekk tesperjenzaw l-isfidi tal-fidi jew ikollkom mistoqsijiet mhux Imwieġba.

M’għandniex nistennew li nifhmu kollox qabel naġixxu. Din mhux fidi. Kif għallem Alma, “Il-fidi mhijiex li jkollkom għarfien perfett.” Jekk nibqgħu nistennew sakemm il-mistoqsijiet kollha tagħna jiġu mwieġba, aħna nkunu qed nillimitaw bil-kbir it-tajjeb li nistgħu nwettqu, u nillimitaw il-qawwa tal-fidi tagħna.

Il-fidi hi sabiħa għaliex tippersisti anke meta l-barkiet ma niksbuhomx kif nittamaw. Aħna ma nistgħux naraw il-ġejjieni, ma nafux kull tweġiba, iżda nistgħu nafdaw f’Ġesù Kristu hekk kif nibqgħu mexjin ’il quddiem u ’l fuq għaliex Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna.

Il-fidi tibqa’ b’saħħitha minkejja l-isfidi u l-inċertezza tal-ħajja għaliex l-għeruq tagħha jinsabu fi Kristu u d-duttrina tiegħu. Ġesù Kristu, u Missierna fis-Smewwiet li bagħtu, flimkien jikkonstitwixxu s-sors li ma jiddevjax u perfettament affidabbli tal-fiduċja tagħna.

Testimonjanza mhijiex xi ħaġa li tibnu darba u tibqa’ għal dejjem. Hi tixbah aktar lil siġra li tridu tieħu ħsiebha l-ħin kollu. Li tħawlu l-kelma ta’ Alla f’qalbkom huwa biss l-ewwel pass. Ladarba t-testimonjanza tagħkom tibda tikber, imbagħad tibda l-ħidma vera tagħkom! Huwa hemmhekk li intom tibdew “tmantnuha b’reqqa kbira, biex hija trabbi l-għeruq, ħalli tkun tista’ tikber, u tagħtikom il-frott.” Teħtieġu “tant reqqa” u turu “s-sabar mal-kelma.” Iżda l-wegħdiet tal-Mulej huma ċerti: “Intom tgawdu l-barkiet tal-fidi tagħkom, u tad-diliġenza, tal-paċenzja, u tas-sabar tagħkom, għax intom bqajtu tistennew sakemm is-siġra tagħtikom il-frott.”

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, parti minni timmissja dik il-kappella antika ta’ Zwickau u t-twieqi bl-istained-glass tagħha. Iżda f’dawn l-aħħar 75 sena, Ġesù Kristu mexxieni fuq vjaġġ tul ħajti li hu aktar interessanti milli qatt immaġinajt. Huwa farraġni f’hemmi, għenni nagħraf dgħufiti, fejjaq il-ġrieħi spiritwali tiegħi, u kien ta’ manteniment fil-fidi dejjem tikber tiegħi.

Hija t-talba sinċiera u l-barka tiegħi li aħna kontinwament inmantnu l-għeruq tal-fidi tagħna fis-Salvatur, fid-duttrina tiegħu, u fil-Knisja tiegħu. Ta’ dan jiena nixhed fl-isem sagru tas-Salvatur tagħna, il-Feddej tagħna, l-Imgħallem tagħna—f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Is-sena 2024 tfakkar ukoll it-30 sena minn meta ġejt imsejjaħ bħala Awtorità Ġenerali u il-25 sena minn meta l-familja tagħna ġejna noqogħdu l-Istati Uniti mill-Ġermanja riżultat ta’ dik is-sejħa. U kważi bħal-lum 20 sena—nhar it-2 ta’ Ottubru, 2004—Jien ġejt sostnut bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu u bħala xhieda speċjali “ta’ isem Kristu fid-dinja kollha” (Doctrine and Covenants 107:23).

  2. Sa ċertu punt, is-sentimenti tiegħi dwar dak il-bini jixbhu il-mod kif in-nies ta’ Alma ħassewhom dwar l-Ilmijiet ta’ Mormon—kien post sabiħ għalihom għaliex “hemmhekk saru jafu lill-Feddej tagħhom” (Mosija 18:30).

  3. Mattew 24:35; ara wkoll Joseph Smith—Matthew 1:35.

  4. Isaija 54:10; ara wkoll 3 Nefi 22:10.

  5. Il-President Thomas S. Monson għallem din l-istess verità permezz ta’ dan il-kliem: “Nemmen li fost l-akbar lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu f’dan il-vjaġġ qasir fid-dinja hemm lezzjonijiet li jgħinuna niddistingwu bejn dak li hu importanti u dak li mhuwiex. Nitlobkom biex ma tpoġġux fil-ġenb dawk l-affarijiet l-aktar importanti” (“Finding Joy in the Journey,” Liahona, Nov. 2008, 85). Bl-istess mod, meta l-President Russell M. Nelson m’ilux ħeġġiġna biex “naħsbu ċelestjali,” huwa qal, “Il-mortalità hija klassi speċjalizzata biex nitgħallmu nagħżlu l-ħwejjeġ tal-akbar importanza eterna.” (“Aħsbu Ċelestjali!!,” Liahona, Nov. 2023, 118).

  6. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 264; ara wkoll Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), 16–18.

  7. Teachings: Joseph Smith, 49.

  8. Ġwanni 15:4

  9. Mattew 23:23, New Revised Standard Version.

  10. Hu interessanti ninnotaw ċertu tixbih arkeoloġiku bejn kulturi Amerkani tal-qedem u n-nies tal-Ktieb ta’ Mormon? Jista’ jkun. Dan jgħinna nitgħallmu mir-rakkonti ta’ ċerti kittieba u oħrajn dwar id-dettalji ta’ kif Joseph Smith ittraduċa l-Ktieb ta’ Mormon? Jista’ jkun għal xi wħud. Iżda xejn minn dan ma jwassal għal testimonjanza dejjiema li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla. Għal dan, jeħtieġ li intom issibu lis-Salvatur fil-Ktieb ta’ Mormon, li tisimgħu leħnu jkellimkom. Ladarba jiġri dan, ma tagħmilx differenza għalikom fejn kienet tinsab il-belt antika ta’ Żaraħemla jew kif kienu jidhru l-Urim u t-Tummim. Dawk huma friegħi li jistgħu jinżabru mis-siġra tagħkom jekk ikun il-bżonn, iżda s-siġra tibqa’ hemm.

  11. Ara Doctrine and Covenants 84:19–20.

  12. See Joy D. Jones, “Għalih,” Liahona, Nov. 2018, 50–52.

  13. Ara Ġenesi 3:18.

  14. Il-President Nelson stedinna lkoll “biex nieħdu f’idejna it-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù Kristu u tal-evanġelju tiegħu. Aħdmu għaliha. Ħudu ħsiebha ħalli tikber” (“Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 97).

  15. Kolossin 2:7.

  16. Alma 30:3.

  17. Ara Alma 30:12–16, 31.

  18. Alma 30:18.

  19. Interessanti l-fatt li l-argumenti ta’ Koriħor ma pperswadew xejn lil-Lamaniti li kienu għadhom kemm ikkonvertew, lin-nies ta’ Għammon (ara Alma 30:19–20), li kienu qed jimxu wara Kristu mhux minħabba t-tradizzjoni ta’ missirijiethom.

    B’kuntrast għal dan, il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem ukoll dwar ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li nfirdu minn mal-Knisja tal-Mulej għax “ma kinux jemmnu fit-twemmin ta’ missirijiethom” (ara Mosija 26:1–4). Hu tajjeb għall-familji li nistabbilixxu drawwiet tajbin. Iżda huwa wkoll importanti għall-familji li jifhmu b’mod ċar ir-raġuni wara dawk id-drawwiet. Għalfejn nitolbu kull filgħodu u filgħaxija? Għalfejn nistudjaw l-iskrittura mal-familja? Għalfejn kull ġimgħa jkollna l-lejla d-dar, attivitajiet tal-familja u proġetti ta’ servizz, u ħwejjeġ oħra? Jekk uliedna jifhmu kif dawn id-drawwiet jistgħu jressquna aktar qrib Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, hemm aktar ċans li jkomplu jgħożżuhom—u jtejbuhom—fil-familji tagħhom.

  20. Alma 32:21. Il-fidi hi qawwija mhux minħabba dak li taf iżda minħabba dak li tagħmel.

  21. Ara Lhud 10:23.

  22. Alma 32:37, 41–43.