Konferenza Ġenerali
Ulied Alla
konferenza ġenerali Ottubru 2024


Ulied Alla

Aħna verament nemmnu li aħna lkoll litteralment ulied Alla, u minħabba f’hekk, għandna fina l-potenzjal li nsiru bħalu.

Illum, nixtieq inkellimkom dwar waħda mill-aktar veritajiet tal-evanġelju ferrieħa, glorjużi, u qawwija li Alla żvela. Fl-istess ħin, ironikament hija waħda li għaliha ġejna kkritikati. Esperjenza li jiena kelli xi snin ilu b’mod profond kabbret l-apprezzament tiegħi għal din il-verità tal-evanġelju.

Bħala rappreżentant tal-Knisja, darba jien kont ġejt mistieden għal konferenza reliġjuża fejn tħabbar li minn dak il-mument ‘il quddiem kienu se jagħrfu bħala validi magħmudijiet li jitwettqu minn kważi kull knisja Kristjani oħra, sakemm l-ordinanza ġiet imwettqa bl-ilma u fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad ġie spjegat li din il-polisi ma kinitx tapplika għall-magħmudijiet li jitwettqu mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Wara l-konferenza rnexxieli nidħol aktar fid-dettali ta’ raġunijiet għal dik l-eċċezzjoni mal-mexxej responsabbli mit-tħabbira. Kellna konverżazzjoni mill-isbaħ u mill-aktar intuwittiva.

Fi ftit kliem, huwa spjegali li dik l-eċċezzjoni kellha x’taqsam primarjament mat-twemmin partikolari tagħna dwar id-Divinità, li denominazzjonijiet Kristjani oħra ta’ spiss jirreferu għaliha bħala t-Trinità. Jiena esprimejt l-apprezzament tiegħi talli ħa l-ħin biex jispjegali t-twemmin tiegħu kif ukoll l-polisi tal-knisja tiegħu. Fi tmiem il-konverżazzjoni tagħna, għannaqna u sellimna lil xulxin.

Hekk kif iktar tard bdejt nikkontempla d-diskussjoni tagħna, dak li qal dan il-mexxej dwar il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li ma jifhmux dak li hu sejjaħ il-“misteru tat-Trinità” baqa’ f’moħħi. Għal xiex kien qed jirreferi? Kellha x’taqsam mal-għarfien tagħna tan-natura ta’ Alla. Aħna nemmnu li Alla l-Missier huwa ”bniedem eżaltat” ”b’ġisem igglorifikat tal-laħam u l-għadam tanġibbli daqs tal-bniedem; [u] l-Iben l-istess.” Għalhekk, kull darba li nitkellmu dwar in-natura ta’ Alla, b’xi mod jew ieħor, qed nitkellmu wkoll dwar in-natura tagħna stess.

U dan hu veru mhux biss għax aħna ġejna maħluqa “fuq is-sura u x-xbieha [tiegħu],“ iżda wkoll għaliex, kif is-Salmista kiteb, Alla qal, “Allat intom; ulied l-Għoli lkoll kemm intom.” Għalina din hija duttrina prezzjuża rkuprata bil-wasla tar-Restawrazzjoni. Fi ftit kliem, mhu xejn aktar jew inqas minn dak li jgħallmu l-missjunarji tagħna bħala l-ewwel lezzjoni, tal-ewwel paragrafu, tal-ewwel linja: ”Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, u aħna wliedu.”

Issa, tafu tgħidu, “Iżda bosta nies jemmnu li aħna wlied Alla.“ Iva, dak hu veru, iżda l-għarfien tagħhom jaf ikun ftit differenti mill-implikazzjoni tat-tifsira aktar profonda tagħha li aħna naffermaw. Għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, dan it-tagħlim mhu xejn metaforiku. Iżda aħna verament nemmnu li aħna lkoll litteralment ulied Alla. Huwa ”Missier l-ispirti tagħna,” u minħabba f’hekk, għandna fina l-potenzjal li nsiru bħalu, li għal xi wħud hija inimmaġinabbli.

Kien ftit aktar minn 200 sena ilu li l-Ewwel Dehra fetħet il-bibien għar-Restawrazzjoni. Dak iż-żmien, it-tfajjel Joseph Smith talab lil Alla għall-gwida divina biex ikun jaf ma’ liema knisja kellu jingħaqad. Permezz tar-rivelazzjoni li huwa rċieva dakinhar, u rivelazzjonijiet li ġew mogħtija lilu ‘l quddiem, il-Profeta Joseph kiseb l-għarfien dwar in-natura ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna miegħu bħala wliedu.

Minħabba f’dan, nitgħallmu b’aktar ċarezza li Missierna fis-Smewwiet għallem din id-duttrina prezzjuża mill-bidu. Ippermettuli nsemmi mill-inqas żewġ rakkonti mill-iskrittura biex nispjega dan.

Probabbilment tiftakru l-istruzzjoni li Alla ta lil Mosè kif hemm miktub fil-Ġawhra li Tiswa Ħafna.

Naqraw li “Alla kellem lil Mosè, u qallu: Ara, jiena l-Mulej Alla li Jista’ Kollox, u Bla Tmiem hu ismi.” Fi kliem ieħor, Mosè, nixtieq li tkun taf minn jien. Imbagħad Huwa kompla, ”U ara, inti ibni.” Aktar tard huwa qal, “U għandi xogħol x’nagħtik, Mosè, ibni; u inti fis-similitudni tal-Uniġenitu tiegħi.” U mbagħad finalment, Hu temm b’dan il-kliem, “U issa, ara, din il-ħaġa waħda se nurik, Mosè, ibni.”

Jidher li Alla kien determinat li jgħallem lil Mosè mill-inqas din il-lezzjoni: “Int ibni,” Huwa tenna dan il-kliem għal tliet darbiet. Lanqas ma seta’ jsemmi isem Mosè mingħajr ma jżid immedjatament li hu ibnu.

Madankollu, wara li Mosè tħalla waħdu, ħassu bla saħħa għax ma kienx għadu fil-preżenza t’Alla. Dan hu meta Satana ġie biex iġarrabu. Tistgħu taraw speċi ta’ mudell hawn? L-ewwel ħaġa li qal kienet, “Mosè, bin il-bniedem, adurani.”

F’dan il-kuntest, it-talba ta’ Satana biex iqimu setgħet kienet biss biex ifixklu. Tentazzjoni sinifikanti għal Mosè f’dak il-mument ta’ dgħufija kienet li jitħawwad u jemmen li huwa kien biss “bin il-bniedem,” aktar milli bin Alla.

“U ġara li Mosè ħares lejn Satana u qallu: Min inti? Għax ara, jiena iben Alla, fis-similitudni tal-Uniġenitu tiegħu.” Fortunatament, Mosè ma kienx tħawwad u lanqas ħalla lilu nnifsu jitfixkel. Hu tgħallem lezzjoni min kien verament.

Ir-rakkont li jmiss jinsab f’ Mattew 4. L-istudjużi semmew dan “it-tliet tentazzjonijiet ta’ Ġesù,” bħallikieku l-Mulej kien imġarrab tliet darbiet biss, li ovvjament mhux il-każ.

Intużat ħafna inka biex jispjegaw it-tifsira u l-kontenut ta’ dawn it-tentazzjonijiet. Kif nafu, il-kapitlu jibda billi jispjega li Ġesù kien mar fid-deżert, “U [Hu] baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ.”

L-ewwel tentazzjoni ta’ Satana milli jidher kellha x’taqsam biss mas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet fiżiċi tal-Mulej. “Ordna li dan il-ġebel isir ħobż,” hu sfida lis-Salvatur.

It-tieni istigazzjoni seta’ kellha x’taqsam mat-tentazzjoni ta’ Alla: “Inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek.”

Finalment, it-tielet tentazzjoni ta’ Satana rreferiet għall-aspirazzjonijiet u l-glorja tad-dinja. Wara li Ġesù kien intwera “is-saltniet tad-dinja kollha fuq wiċċ l-art, … [Satana] qallu, Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.”

Fil-verità, it-tentazzjoni aħħarija ta’ Satana setgħet kellha inqas x’taqsam ma’ dawk it-tliet provokazzjonijiet speċifiċi u iktar x’taqsam mat-tentazzjoni ta’ Ġesù Kristu biex jiddubita n-natura divina tiegħu. Mill-inqas darbtejn, l-istigazzjoni kien ipreċedut mill-akkuża taʼ sfida minn Satana: “Jekk inti Bin Alla”—jekk inti verament temminha, agħmel dan jew dak.

Jekk jogħġobkom innotaw x’ġara immedjatament qabel Ġesù mar fid-deżert biex isum u jitlob: insibu r-rakkont tal-magħmudija ta’ Kristu. U meta ħareġ ’il barra mill-ilma, “mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt l-għaxqa tiegħi.”

Qegħdin taraw l-konnessjoni? Tistgħu tagħrfu speċi ta’ mudell hawn?

Mhux ta’ b’xejn li kull darba li niġu mgħallmin dwar in-natura u d-destin divin tagħna, l-avversarju ta’ kull tjieba jġarrabna biex niddubitawhom.

Kemm ikunu differenti d-deċiżjonijiet tagħna kieku nkunu nafu min verament aħna.

Aħna ngħixu f’dinja ta’ sfida, dinja ta’ kommozzjoni li qed tiżdied, fejn nies onorabbli jagħmlu l-almu tagħhom biex għall-anqas jenfasizzaw id-dinjità umana tagħna, filwaqt li aħna nappartjenu għal knisja u nħaddnu evanġelju li jgħolli l-viżjoni tagħna u jistedinna fid-divin.

Il-kmandament ta’ Ġesù li nkunu ”perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” huwa riflessjoni ċara tal-aspettattivi għoljin tiegħu u l-possibiltajiet eterni tagħna. Issa, l-ebda ħaġa minn dan mhu se jiġri mil-lum għal għada. Fi kliem il-President Jeffrey R. Holland, “eventwalment” dan se jseħħ. Iżda l-wegħda hija li jekk aħna “nersqu lejn Kristu,” se “niġu pperfezzjonati fih.” Dan jeħtieġ ħafna xogħol—u mhux biss ħidma, imma ħidma divina. Il-ħidma tiegħu!

Issa, l-aħbar it-tajba hija li huwa preċiżament Missierna fis-Smewwiet li qal, “Għax ara, din hi l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nwettqu l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”

L-istedina tal-President Russell M. Nelson biex ”naħsbu ċelestjali” timplika tifkira mill-isbaħ tan-natura, l-oriġini, u d-destinazzjoni potenzjali tagħna divina. Nistgħu niksbu ċ-ċelestjali biss permezz tas-sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu.

Jista’ jkun għalhekk li Satana ħajjar lil Ġesù bl-istess tentazzjoni mill-bidu sat-tmiem tal-ministeru tiegħu fid-dinja. Mattew kiteb li waqt li Ġesù kien imdendel mas-salib, “dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, … jgħidulu, … jekk int l-Iben ta’ Alla, … inżel minn fuq is-salib.” Glorja lil Alla li Huwa ma tax każ iżda minflok pprovda mod kif aħna nistgħu nirċievu l-barkiet ċelestjali kollha.

Ejjew niftakru dejjem, li kien hemm prezz kbir imħallas għall-ferħ tagħna.

Jiena nixhed bħall-Appostlu Pawlu li ”L-Ispirtu nnifsu jagħti xhieda mal-ispirtu tagħna, li aħna wlied Alla: U jekk ulied, mela werrieta; werrieta ta’ Alla, u werrieta ma’ Kristu; ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.