Konferenza Ġenerali
Merħba fil-Knisja tal-Hena
konferenza ġenerali Ottubru 2024


13:2

Merħba fil-Knisja tal-Hena

Minħabba l-ħajja u l-missjoni feddejja tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, aħna nistgħu—u għandna—nkunu l-aktar nies kuntenti fid-dinja!

Jien tgħammidt fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien nhar Lejliet il-Milied tal-1987, kważi 37 sena ilu. Dak kien verament jum mill-aktar meraviljuż f’ħajti, fil-vjaġġ etern tiegħi, u jiena profondament grat għall-ħbieb li ħejjew it-triq u wassluni sal-ilmijiet ta’ dak it-twelid ġdid.

Irrispettivament jekk il-magħmudija tagħkom kenitx ilbieraħ jew snin ilu, jekk tiltaqgħux f’bini tal-Knisja kbir b’ħafna oqsma jew taħt xi tinda barra, jekk tirċevux is-sagrament b’tifkira tas-Salvatur bit-Tajlandiż jew bis-Swaħili, nixtieq ngħidilkom, merħba fil-knisja tal-hena! Merħba fil-knisja tal-hena

Merħba fil-Knisja tal-Hena

Grazzi għall-pjan kollu mħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għal kull wieħed u waħda minn uliedu, u grazzi għall-ħajja u l-missjoni feddejja tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, aħna nistgħu—u għandna—nkunu l-aktar nies henjin fid-dinja! Anke meta l-maltemp tal-ħajja f’dinja mill-aktar imqallba jibda jħabbat fuqna, aħna nistgħu nikkultivaw sens akbar u dejjiem ta’ hena u paċi ġewwiena minħabba t-tama tagħna fi Kristu u l-għarfien tagħna tal-irwol tagħna fil-pjan sabiħ ta’ ferħ.

L-Appostlu anzjan tal-Mulej, il-President Russell M. Nelson, tkellem dwar l-hena li niksbu meta ħajjitna tkun iċċentrata fuq Ġesù Kristu tista’ tgħid f’kull diskors li huwa ta minn meta sar il-President tal-Knisja. Hu ddeskriva dan b’mod konċiż: “I-hena tiġi mingħandu u minħabba fih. … Għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, Ġesù Kristu ifisser hena!”

Aħna membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Aħna membri tal-Knisja tal-hena! U mkien ma tidher akbar l-hena tagħna minn meta aħna ninġabru flimkien kull Jum il-Mulej fil-laqgħat tas-sagrament tagħna biex inqimu s-sors ta’ kull hena! Hawn aħna ninġabru mal-familji tagħna tal-qasam u l-fergħa biex niċċelebraw is-sagrament tal-Ikla tal-Mulej, il-ħelsien tagħna mid-dnub u l-mewt, u l-grazzja kollha qawwa tas-Salvatur! Hawn niġu biex nesperjenzaw l-hena, ir-refuġju, il-maħfra, ir-radd il-ħajr, u l-appartenenza li nsibuhom permezz ta’ Ġesù Kristu!

Huwa dan l-ispirtu tal-ferħ kollettiv fi Kristu li intom issibu? Huwa dan li ġġibu magħkom? Tafu taħsbu li dan ma tantx jirrigwarda lilkom, jew forsi li intom sempliċiment imdorrijin bil-ħwejjeġ kif dejjem kienu. Iżda aħna nistgħu nikkontribwixxu, irrispettivament l-età tagħna jew is-sejħa tagħna, biex nagħmlu l-laqgħat tas-sagrament tagħna siegħa mimlija hena, iffokata fuq Kristu, l-aktar siegħa li tilqgħek li jista’ jkollkom, mimlija ħajja bi spirtu ta’ qima ferrieħa.

Qima Ferrieħa

Qima ferrieħa? “Din possibbli?” tafu tistaqsu. Mela, iva, possibbli! Aħna verament inħobbu, nonoraw, u nirrispettaw lil Alla tagħna, u l-qima tagħna toħroġ minn ruħ li tithenna fl-imħabba, fil-ħniena, u fis-salvazzjoni abbundanti ta’ Kristu! Din il-qima ferrieħa lejn il-Mulej għandna tkun il-karatteristika tal-laqgħat tas-sagrament sagri tagħna.

Madankollu, għal ħafna, il-qima tfisser biss ħaġa waħda: norbtu dirgħajna madwar sidirna, inbaxxu rasna, nagħlqu għajnejna, u nibqgħu siekta— għal ħin indefinit! Dan jaf ikun mod utli kif ngħallmu lit-tfal żgħar kollhom enerġija, iżda hekk kif nikbru u nitgħallmu, ejjew nagħrfu li l-qima hija ferm aktar minn hekk. Hekk ikunu jekk is-Salvatur kellu jkun fostna? Le, għax “fil-preżenza tiegħu tinsab il-milja tal-hena”!

Mela, għal ħafna minna din it-trasformazzjoni fis-servizz tas-sagrament taf tieħu ż-żmien.

Li Nattendu versus li Nqimu

Aħna ma ninġabrux f’Jum il-Mulej sempliċiment biex nattendu l-laqgħa tas-sagrament u ningassaw xi ħaġa li kellna nagħmlu. Aħna niltaqgħu flimkien biex inqimu. Hemm differenza sinifikanti bejn it-tnejn. Li nattendu jfisser li nkunu preżenti. Iżda li nqimu ifisser li intenzjonalment infaħħru u naduraw lil Alla tagħna b’mod li jittrasformana!

Fuq il-Podju u fil-Kongregazzjoni

Jekk aħna ninsabu miġburin b’tifkira tas-Salvatur u l-fidwa li Hu għamilha possibbli, wiċċna għandu jirrifletti l-hena u l-gratitudni tagħna! Il-Presbiteru F. Enzio Busche darba qal l-istorja ta’ meta huwa kien president tal-fergħa u wieħed tifel żgħir fil-kongregazzjoni ħares lejh fuq il-podju u staqsieh b’leħen għoli, “X’qed jagħmel fuq il-podju dan ir-raġel b’wiċċ l-askri?” Dawk li jpoġġu bilqiegħda fuq il-podju—kelliema, mexxejja, u korijiet—u dawk li jinġabru flimkien fil-kongregazzjoni jikkomunikaw bejniethom din “il-merħba fil-knisja tal-hena” permezz tal-espressjonijiet li juru fuq wiċċhom!

Kant ta’ Għanjiet

Meta nkantaw, qegħdin ningħaqdu flimkien biex infaħħru lil Alla u s-Sultan tagħna, irrispettivament il-kwalità ta’ leħinna, jew qegħdin biss inpespsu u mhux inkantaw? L-iskrittura tgħid li “l-għanja tat-twajbin hija talba lil Alla” li fiha ruħu tittgħaxxaq. Mela ejjew inkantaw! U nfaħħruh!

Diskors u Testimonjanzi

Aħna niċċentraw id-diskors u t-testimonjanzi tagħna fuq Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu u l-frott li ngħixu l-evanġelju tagħhom b’umiltà, frott li huwa “aktar ħelu minn kull ħaġa oħra ħelwa.” Imbagħad aħna tassew “immantnu lilna nfusna … sewwasew sakemm nimtlew, u la jkollna l-ġuħ, u lanqas … l-għatx,” u t-toqol tagħna jiħfief, permezz tal-hena tal-Iben.

Is-Sagrament

Il-punt ewlieni u glorjuż tas-servizzi tagħna hija l-barka u l-għotja tas-sagrament innifsu, il-ħobż u l-ilma li jirrappreżentaw ir-rigal espjatorju ta’ Sidna l-Mulej u l-għan sħiħ tal-ġabra tagħna. Dan huwa “ħin sagru għat-tiġdid spiritwali” meta nixhdu mill-ġdid li aħna lesti nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu u nerġgħu nagħmlu l-patt li dejjem niftakru fis-Salvatur u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.

F’ċerti staġuni tal-ħajja, aħna nafu nersqu lejn is-sagrament b’qalb tqila u b’tagħbija li bilkemm nifilħuha. F’mumenti oħra, aħna nersqu ħielsa minn kull toqol u nkwiet. Hekk kif nisimgħu b’attenzjoni l-barka tal-ħobż u l-ilma u nieħdu sehem f’dawk l-eblemi sagri, nafu nħossu li għandna nirriflettu dwar is-sagrifiċċju tas-Salvatur, l-agonija tiegħu fil-Ġetsemani, id-diqa tiegħu fuq is-salib, u n-niket u l-uġigħ li għadda minnu f’isimna. Huwa dan li jserraħ ruħna, hekk kif ngħaqqdu t-tbatija tagħna ma’ tiegħu. F’mumenti oħra, aħna nħossuna nistagħġbu bis-sens ta’ gratitudni minħabba l-hena skwiżita u ħelwa ta’ kif ir-rigal meraviljuż ta’ Ġesù għamel dan possibbli f’ħajjitna u fl-eternitajiet! Aħna nithennew għal dak li għad irid iseħħ—ir-riunjoni għażiża tagħna mal-għeżież Missierna u s-Salvatur imqajjem mill-imwiet.

Aħna nafu ġejna kkundizzjonati li naħsbu li l-għan tas-sagrament hu li npoġġu bilqiegħda fuq il-bank u naħsbu biss dwar dak kollu li żgarrajna fih fil-ġimgħa ta’ qabel. Iżda ejjew inħarsu lejha b’mod ieħor. Fis-skiet, aħna nistgħu nixtarru l-ħafna modi kif rajna lil Mulej jersaq lejna kontinwament bl-imħabba tiegħu tal-għaġeb dik il-ġimgħa! Nistgħu nirriflettu dwar xi jfisser li “niskopru l-hena tal-indiema ta’ kuljum.” Aħna nistgħu nroddu ħajr għal kull darba li s-Salvatur kien preżenti fit-taqbid tagħna u fit-trijonfi tagħna u kull meta aħna ħassejna l-grazzja, il-maħfra,u l-qawwa tiegħu jagħtuna s-saħħa biex negħlbu d-diffikultajiet tagħna u nġorru t-tagħbija tagħna b’sabar kif ukoll bil-qalb.

Iva, aħna nixtarru t-tbatijiet u l-inġustizzji li esperjenza l-Feddej tagħna għal dnubietna, u dan iwassalna biex nirriflettu b’qima. Iżda xi kultant aħna nieqfu hemm—fil-ġnien, fuq is-salib, ġewwa l-qabar. Ma nħarsux ’il fuq lejn l-hena tal-qabar li spiċċa nfetaħ, lejn id-disfatta tal-mewt, u r-rebħa ta’ Kristu fuq dak kollu jista’ jżommna milli niksbu l-paċi u nerġgħu lura lejn darna fis-smewwiet. Kull meta nxerrdu dmugħ ta’ niket jew dmugħ ta’ gratitudni waqt is-sagrament, ejjew naraw li dan ikun bi stagħġib għall-aħbar it-tajba tar-rigal tal-Missier li offra lill-istess Ibnu!

Ġenituri bi Tfal Żgħar jew li Għandhom Bżonnijiet Speċjali

Issa, għall-ġenituri ta’ tfal li huma żgħar jew li għandhom bżonnijiet speċjali, ħafna drabi m’hemmx ħin ta’ silenzju u riflessjoni siekta waqt is-sagrament. Iżda f’ċerti ħinijiet qosra matul il-ġimgħa, intom tistgħu tgħallmu bl-eżempju tagħkom l-imħabba, il-gratitudni, u l-hena li tħossu għas-Salvatur u mħabbtu għalikom, hekk kif intom tieħdu ħsieb kontinwament il-ħrief ċkejknin tagħkom. L-ebda sforz f’din il-ħidma mhu moħli. Alla huwa konxju tagħkom.

Kunsilli tal-Familja, tal-Qasam u tal-Fergħa

L-istess fid-dar, aħna nistgħu nibdew nkabbru t-tamiet u l-aspettattivi tagħna għal ħina fil-knisja. Fil-kunsilli tal-familja, aħna nistgħu niddiskutu kif kull individwu jista’ jikkontribwixxi b’modi sinifikanti biex jilqa’ lil kulħadd fil-knisja tal-hena! Nistgħu nippjanaw u nistennew li jkollna esperjenza ferrieħa fil-knisja.

Il-kunsilli tal-qasam u tal-fergħa jistgħu jħejju u joħloqu kultura ta’ qima ferrieħa għas-siegħa tas-sagrament tagħna, u jidentifikaw ċerti passi prattiċi u għajnuniet viżwali bħala għajnuna.

Hena

L-hena huma ħafna li jarawha b’mod differenti. Għal xi wħud, taf tkun meta huma jintlaqgħu b’mod eżuberanti fil-bieb. Għal oħrajn, taf tkun li fis-skiet jgħinu lin-nies iħossuhom komdi billi jitbissmulhom u jpoġġu bilqiegħda ħdejhom b’qalb ħanina u sinċiera. Għal dawk li jħossuhom imwarrbin jew weħidhom, iż-żelu ta’ din il-merħba taf tkun ħaġa kruċjali. Ultimament, nistgħu nistaqsu lilna nfusna kif is-Salvatur irid li tkun is-siegħa tas-sagrament tagħna. Kif irid lil kull wieħed u waħda minn uliedu li jiġu milqugħin, indukrati, mantnuti, u maħbuba? Kif irid li nħossuna meta niġu biex niġġeddu hekk kif aħna niftakru fih u nqimuh?

Konklużjoni

Fil-bidu tal-vjaġġ tiegħi ta’ fidi, l-hena f’Ġesù Kristu kienet l-ewwel skopertà kbira tiegħi, u bidlitli d-dinja tiegħi. Jekk għadkom tridu tiskopru din l-hena, imbarka fuq dan il-vjaġġ. Din hi stedina biex nirċievu r-rigal ta’ paċi, dawl, u hena tas-Salvatur—li niċċelebrawh, u li nimmeraviljaw ruħna u nithennew minħabba fih, kull jum il-Mulej.

Għammon fl-Ktieb ta’ Mormon esprima s-sentimenti ta’ qalbu meta qal:

“Issa m’għadniex aħna għalfejn nithennew? Iva, jien ngħidilkom, sa mill-bidu tad-dinja qatt ma kien hawn nies li kellhom għalfejn jithennew daqsna; iva, l-hena tiegħi qed twassalni biex niftaħar f’Alla tiegħi; għax huwa għandu kull qawwa, kull għerf, u kull għarfien; huwa jifhem kollox, u huwa Esseru ħanin, li jwassal għas-salvazzjoni lil dawk li jindmu u jemmnu f’ismu.

“Issa jekk dan huwa ftaħir, mela ħalluni niftaħar; għax din hija l-ħajja tiegħi u d-dawl tiegħi, … l-hena tiegħi, u r-radd il-ħajr kbir tiegħi.”

Merħba fil-knisja tal-hena! F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Il-President Russell M. Nelson għallem: “L-hena hija mill-aktar qawwija, u l-fatt li aħna nibqgħu niffokaw fuq il-ferħ iwasslilna f’ħajjitna l-qawwa ta’ Alla. F’kull ħaġa, Ġesù Kristu huma l-aqwa eżemplar tagħna, ‘li biex jikseb l-hena li giet offerta lilu, huwa qagħad għas-salib’ [Lhud 12:2]. Aħsbu ftit fuq dan! Sabiex Hu jgħaddi mill-aktar esperjenza kiefra li qatt ġiet esperjenzata fid-dinja, is-Salvatur tagħna beda jiffoka fuq l-hena! U x’ kienet din l-hena li kellu quddiemu? Bla dubju din kienet tinkludi l-hena li tnaddafna, tfejjaqna u ssaħħaħna; l-hena li Huwa ħallas għad-dnubiet ta’ dawk kollha li jindmu; l-hena li għamilha possibbli għalikom u għalija biex nerġgħu lura d-dar—indaf u denji—biex ngħixu mal-Ġenituri tagħna tas-smewwiet u l-familja tagħna. Jekk niffokaw fuq il-ferħ li aħna nistgħu niksbu, jew li jistgħu jiksbu dawk li aħna nħobbu, x’ nistgħu ngħaddu minnu bħalissa li jidher daqstant kbir, diffiċli, ta’ biża’, inġust jew sempliċiment impossibbli?” (“L-Hena u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82–83).

  2. Salm 16:11.

  3. F. Enzio Busche, “Lessons from the Lamb of God,” Religious Educator, vol. 9, nu. 2 (2008), 3.

  4. Doctrine and Covenants 25:12.

  5. Ara Salm 100:1.

  6. Alma 32:42.

  7. Ara Alma 33:23.

  8. General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 29.2.1.1, Librerija tal-Evanġelju.

  9. Ara Russell M. Nelson, seminar għat-tmexxija tal-missjoni, Ġunju 2019; ikkwotat f’Dale G. Renlund, “Unwavering Commitment to Jesus Christ,” Liahona, Nov. 2019, 25.

  10. Il-President Gordon B. Hinckley għallem: “Meta inti, bħala qassis, tinżel għarkubbtejk mal-mejda tas-sagrament u toffri t-talb, li wasal permezz ta’ rivelazzjoni, inti tkun qed tpoġġi l-kongregazzjoni sħiħa taħt patt mal-Mulej. Din hi xi ħaġa trivjali? Hija l-aktar ħaġa importanti u tal-għaġeb” (“The Aaronic Priesthood—a Gift from God,” Ensign, Mejju 1988, 46).

    “Dawk li jħejju, ibierku, jew jgħaddu s-sagrament ikunu qed jamministraw din l-ordinanza lil ħaddieħor f’isem il-Mulej. Kull min iħaddan is-saċerdozju għandu jwettaq din il-ħidma b’attitudni solenni u ta’ qima. Għandu jidher sew, ikun nadif, u liebes b’mod modest. Id-dehra personali għandha tirrifletti n-natura sagra tal-ordinanza” (“Priesthood Ordinances and Blessings,” Family Guidebook [2006], 22).

  11. Alma 36:21.

  12. Russell M. Nelson, “Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali,” Liahona, Mejju 2022, 98.

  13. Ara Mosiah 24:13–15.

  14. Ara Ġwanni 3:16–17.

  15. Alma 26:35–37.