Konferenza Ġenerali
“Intom Ħbiebi”
konferenza ġenerali Ottubru 2024


10:49

“Intom Ħbiebi”

Id-dikjarazzjoni tas-Salvatur “intom ħbiebi” bħala sejħa mill-aktar ċara biex nibnu relazzjonijiet ogħla u aktar qaddisa fost l-ulied kollha ta’ Alla.

F’dinja mimlija tilwim u firda, fejn id-diskors ċivili ħadu postu l-ġudizzju u ż-żuffjett, u l-ħbiberija hi defenita permezz tal-iżmi u l-iti, jien tgħallimt li aħna għandna eżempju divin ċar, sempliċi, u divin li nistgħu nħarsu lejh għall-għaqda, l-imħabba, u l-appartenenza. Dak l-eżempju huwa Ġesù Kristu. Jiena nixhed li Hu l-unifikatur il-kbir.

Aħna l-Ħbieb Tiegħu.

F’Diċembru tal-1832, hekk kif “id-dehra li kien se jkun hemm l-inkwiet fost il-ġnus” bdiet issir “aktar viżibbli” minn kull żmien ieħor sa minn meta ġiet organizzata l-Knisja, il-mexxejja tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġewwa Kirtland, Ohio, inġabru flimkien għal konferenza. Huma talbu “separatament u vokalment lill-Mulej biex jiżvela r-rieda tiegħu lilhom.” B’rikonoxximent tat-talb ta’ dawn il-membri fidili waqt żminijiet ta’ nkwiet intens, il-Mulej farraġhom, fejn indirizza lill-Qaddisin tliet darbiet b’żewġ kelmiet qawwija: “ħbieb tiegħi.”

Ġesù Kristu kienu ilu jindirizza lid-dixxipli fidili tiegħu bħala l-ħbieb tiegħu. Fid-Duttrina u Patti, is-Salvatur uża t-terminu ħabib erbatax-il darba biex jiddefinixxi relazzjoni sagra u għażiża. Mhux qed nitkellem dwar il-kelma ħabib bħalma tiddefinixxiha d-dinja—suġġett għas-segwaċi jew il-“likes” tal-midja soċjali. Ma tistax tfissirha permezz ta’ xi hashtag jew number fuq Instagram jew X.

Nammetti, li meta kont adoloxxenti, niftakar ċerti konverżazzjonijiet xejn sbieħ meta kont nisma’ l-kliem “Isma’, nistgħu nkunu sempliċiment ħbieb?” jew “Ejja nibqgħu biss fiċ-ċirku tal-ħbieb.” Imkien fil-kitba mqaddsa ma nisimgħuh jgħid, “Intom sempliċiment ħbieb tiegħi.” Pjuttost, Huwa għallem “ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” U “intom dawk li tani Missieri; intom il-ħbieb tiegħi.”

Is-sentiment hu wieħed ċar: is-Salvatur jaf lil kull wieħed u waħda minna u jinsab iħarisna. Li Huwa qed iħarisna mhijiex xi ħaġa trivjali jew insinifikanti. Pjuttost, hija ħaġa eżaltanti, li televana, u eterna. Jiena nħares lejn id-dikjarazzjoni tas-Salvatur “intom ħbiebi” bħala sejħa mill-aktar ċara biex nibnu relazzjonijiet ogħla u aktar qaddisa fost l-ulied kollha ta’ Alla “biex nkunu nistgħu nkunu ħaġa waħda.” Aħna nagħmlu dan hekk kif flimkien nippruvaw infittxu kemm opportunitajiet li jgħaqqduna kif ukoll sens ta’ appartenenza għal kulħadd.

Aħna Ħaġa Waħda Miegħu

Is-Salvatur b’mod sabiħ wera dan fis-sejħa tiegħu “ejjew, imxu warajja.” Huwa uża d-doni u l-kwalitajiet individwali ta’ grupp divers ta’ dixxipli biex sejjaħ lill-Appostli tiegħu. Huwa sejjaħ sajjieda, zeloti, aħwa magħrufin għall-personalitajiet żbukkati tagħhom, u saħansitra wieħed li jiġbor it-taxxi. It-twemmin tagħhom fis-Salvatur u x-xewqa li jersqu lejh għaqdithom flimkien. Huma ħarsu lejh, ra lil Alla permezz tiegħu, u “minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.”

Jiena wkoll rajt kif li nibnu relazzjonijiet ogħla u aktar qaddisa jġibuna flimkien qisna ħaġa waħda. Jien u marti, Jennifer konna mberkin li rabbejna lil ħames uliedna fil-Belt ta’ New York. Hemm f’dik il-metropolis ma tieqaf qatt aħna ffurmajna relazzjonijiet prezzjużi u sagri mal-ġirien, mal-ħbieb tal-iskola u tan-negozju, ma’ mexxejja reliġjużi, u ma’ Qaddisin bħalna.

F’Mejju tal-2020, hekk kif id-dinja kienet qed tissielet il-firxa ta’ pandemija globali, membri tal-Kummissjoni tal-Mexxejja Reliġjużi tal-Belt ta’ New York iltaqgħu virtwalment f’laqgħa li ġie msejħa b’urġenza. Ma kien l-ebda aġenda. L-ebda mistednin speċjali. Sempliċiment invit biex niltaqgħu flimkien u niddiskutu l-isfidi li konna lkoll qed niffaċċjaw bħala mexxejja reliġjużi. Iċ-Ċentri għall-Kontroll tal-Mard kienu għadhom kif irrapportaw li l-belt tagħna kienet l-epiċentru tal-pandemija COVID-19 fl-Istati Uniti. Dan kien ifisser li ma stajniex inkomplu ninġabru flimkien. Ma stajniex niltaqgħu aktar flimkien.

Għal dawk il-mexxejja reliġjużi, li tneħħilhom il-ministeru personali, il-ġabra tal-kongregazzjoni, u l-qima ta’ kull ġimgħa kienet sfida mill-aktar devastanti. Il-grupp żgħir tagħna—li kien jinkludi kardinal, reverendu, rabbi, imam, pastor, monsinjur, u presbiteru—smajna, farraġna, u ssapportjajna lil xulxin. Minflok ma ffokajna fuq id-differenzi tagħna, aħna rajna dak li kien hem komuni bejnietna. Aħna tkellimna dwar possibiltajiet u mbagħad fuq probabbiltajiet. Aħna għamilna u weġibna mistoqsijiet dwar il-fidi u l-ġejjieni. Imbagħad tlabna. O, il-mod li bih tlabna.

F’belt mill-aktar difersa mimlija kumplessità u kulturi differenti jgħixu ħdejn xulxin, aħna rajna d-differenzi tagħna josfru hekk kif ġejan flimkien bħala ħbieb b’leħen wieħed, għan wieħed, u talba waħda.

Ma bqajniex inħarsu lejn xulxin min-naħa għall-oħra tal-mejda iżda bdejna nħarsu flimkien lejn is-smewwiet. Aħna bdejna nitilqu minn kull laqgħa sussegwenti aktar magħqudin u lesti biex naqbdu f’idejna “l-pali” tagħna u mmoru naħdmu. Il-kollaborazzjoni li rriżultat u s-servizz li ġie mogħti lill-eluf ta’ nies minn New York għallimni li f’dinja li tfittex il-firda, id-distanza, u d-diżimpenn, hekk ferm aktar x’jgħaqqadna milli x’jifridna. Is-Salvatur talabna, “Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”

Ħuti, jeħtieġ nieqfu nfittxu raġunijiet li jifirduna u minflok nfittxu opportunitajiet biex inkunu “ħaġa waħda.” Huwa berikna b’doni u kwalitajiet uniċi li jistednuna biex nitgħallmu minn xulxin u nikbru personalment. Jiena spiss għedt lill-istudenti tiegħi tal-università li jekk jien nagħmel dak li tagħmlu intom u intom tagħmlu dak li nagħmel jien, ma nibqgħux neħtieġu lil xulxin. Iżda peress li intom ma tagħmlux dak li nagħmel jien u jien ma nagħmilx dak li tagħmlu intom, aħna neħtieġu lil xulxin. U dik il-ħtieġa tgħaqqadna flimkien. Li nifirdu u negħlbu huwa l-pjan tal-avversarju li jeqred il-ħbiberija, il-familji, u l-fidi. Huwa s-Salvatur li jgħaqqadna.

Aħna Nappartjenu Lilu.

Waħda mill-barkiet imwiegħda li “nsiru ħaġa waħda” huwa s-sens qawwi tal-appartenenza. Il-Presbiteru Quentin L. Cook għallem li “l-essenza tal-appartenenza vera hi li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu.”

Waqt żjara riċenti mal-familja tiegħi fil-pajjiż tal-Gana fl-Afrika tal-Punent, jiena għoġbitni ħafna drawwa lokali. Kull darba li wasalna f’xi knisja jew dar, ġejna milqugħin bil-kliem “merħba lilkom.” Meta jiġi servut l-ikel, min jospitana jħabbar, “Intom mistiedna.” Dawn il-kliem ta’ merħba sempliċi kien jingħad b’għan u intenzjoni. Merħba lilkom. Intom mistiedna.

Aħna npoġġu dikjarazzjonijiet sagri simili fuq il-bibien tad-dar tal-laqgħat tagħna. Iżda t-tabella Merħba lill-Viżitaturi mhijiex biżżejjed. Aħna verament nilqgħu lil kull min jidħol mill-bieb? Ħuti, mhux biżżejjed li sempliċiment inpoġġu bilqiegħda fuq il-bank. Jeħtieġ nagħtu widen għas-sejħa tas-Salvatur li nibnu relazzjonijiet ogħla u aktar qaddisa mal-ulied kollha ta’ Alla. Jeħtieġ ngħixu l-fidi tagħna! Missieri spiss kien ifakkarni li sempliċiment inpoġġu bilqiegħda fuq il-bank f’jum il-Ħadd jagħmlek Kristjan tajjeb daqs wieħed li jorqod f’garaxx jagħmel minnu karozza.

Jeħtieġ li ngħixu ħajjitna b’tali mod li d-dinja mhux lilna tara iżda lilu permezz tagħna. Dan ma jseħħx biss nhar ta’ Ħadd. Dan iseħħ fil-ħanut tal-merċa, fil-pompa tal-petrol, fil-laqgħa tal-iskola, fil-laqgħa ta’ bejn il-ġirien—f’kull post fejn il-membri tal-familja tagħna, mgħammdin jew le, jaħdmu u jgħixu.

Jiena mmur nagħti qima f’jum il-Ħadd bħala tifkira li aħna neħtieġu lil xulxin u flimkien neħtieġu lilu. Id-doni u t-talenti uniċi tagħna li jagħmluna differenti f’dinja sekulari jgħaqqduna fi spazju sagru. Is-Salvatur sejħilna biex ngħinu lil xulxin, nelevaw lil xulxin, u nedifikaw lil xulxin. Hu dan li Huwa għamel meta fejjaq il-mara li bdiet tnixxi d-demm, fejjaq l-imġiddem li talbu jħenn għalih, ta’ parir lill-prinċep żagħżugħ li staqsieh x’seta’ jagħmel aktar, ħabb lil Nikodemu li kien jaf iżda naqsitu l-fidi, u poġġa bilqiegħda mal-mara ħdejn il-bir, xi ħaġa li ma kenitx komuni skont id-drawwa ta’ dak iż-żmien, u ddikjara magħha l-missjoni messjanika tiegħu. Għalija din hi l-knisja—post li fih ninġabru, niskopru, nagħmlu t-tibdil meħtieġ u nerġgħu niffokaw lilna nfusna. Kif għallem il-President Russell M.Nelson: “Is-sodisfazzjoni tal-evanġelju huwa l-akbar sodisfazzjoni fid-dinja. Alla stieden lil kulħadd biex jersaq lejh. … Hemm spazju għal kulħadd.”

Xi wħud jafu kellhom esperjenzi li wassluk biex ma tħossokx li tappartjeni. Il-messaġġ tas-Salvatur għalikom u għalija huwa l-istess: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa l-post perfett għalina. Li niġu l-knisja joffrilna t-tama ta’ żmien aħjar, il-wegħda li ma ninsabux weħidna, u familja li għandha bżonna daqs kemm għandna bżonnha aħna. Il-Presbiteru D. Todd Christofferson afferma li “nkunu ħaġa waħda mal-Missier, mal-Iben, u mal-Ispirtu s-Santu hija mingħajr dubju l-ogħla tip ta’ appartenenza. Lilkom kollha li tbiegħedtu u qed tfiċċu ċ-ċans biex terġgħu lura, jien noffrilkom verità eterna u stedina: Intom hawn postkom. Ejjew lura. Issa ż-żmien.

F’dinja kollha tilwim u firda, jiena nixhed li s-Salvatur Ġesù Kristu huwa l-unifikatur il-kbir. Ippermettuli nistieden lil kull wieħed u waħda minna biex inkunu denji tal-istedina tas-Salvatur li “nkunu ħaġa waħda” u biex b’ kuraġġ niddikjaraw kif għamel Hu, “Intom ħbiebi.” Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.