L-Hena tal-Indiema Tagħna
L-imħabba u l-qawwa ta’ Ġesù Kristu jistgħu jsalvaw lil kull wieħed u waħda minna mill-iżbalji, id-dgħufijiiet, u d-dnubiet tagħna, u jgħinuna nsiru xi ħaġa iktar.
Madwar 10 snin ilu ħassejt impressjoni biex impitter ritratt tas-Salvatur. Għalkemm jien artista, kont ftit imbeżża’. Jien kif kelli npitter ritratt ta’ Ġesù Kristu li jirrappreżenta l-Ispirtu Tiegħu. Minn fejn kelli nibda? U kif kelli nsib iż-żmien?
Minkejja dawn il-mitoqsijiet tiegħi, iddeċidejt li nkompli u nafda fil-ħsieb li l-Mulej kellu jgħinni. Iżda kelli nibqa’ għaddejja u nħalli l-possibilitajiet f’idejh. Tlabt, għarbilt, irriċerkajt, u ddisinjajt, u kont imbierka li nsib riżorsi u għajnuna. U dik li kienet tila bajda bdiet tinbidel f’xi ħaġa oħra.
Il-proċess ma kienx wieħed faċli. Xi drabi x-xogħol ma deherx kif kont ittamajt. Xi drabi kien hemm mumenti ta’ daqqiet u ideat ispirati. U ħafna drabi, kelli nipprova għal darba, darbtejn, tlieta.
Meta ħsibt li l-pittura biż-żejt kienet fl-aħħarnett kompluta u kienet nixfet, bdejt napplika verniċ trasparenti fil-wiċċ biex nipproteġiha mill-ħmieġ u t-trab. Kif kont qed nagħmel dan, innutajt li x-xagħar fil-pittura bdiet tinbidel, tiċċappas, u ddub. Minnufih intbaħt li kont applikajt il-verniċ wisq malajr, u li parti mill-pittura kienet għadha ma nixfitx!
Litteralment kont imsaħt biċċa mill-pittura b’dak il-verniċ. Ommi mà, x’xokk dak. Ħassejtni qisni kont għadni kemm qridt dak li Alla kien għenni nagħmel. Bdejt nibki u ħassejtni nitqalleb minn ġewwa. Fi stat ta’ disprament, għamilt dak li kulħadd aktarx jagħmel f’sitwazzjoni bħal din: ċempilt lil ommi. Hi, b’għerf kbir u bil-kalma kollha, qalti, “Mhux se ġġib lura dak li kellek, imma agħmel l-almu tiegħek b’dak li għandek.”
Għalhekk tlabt u ttallabt għall-għajnuna, u qattejt il-lejl inpitter biex insewwi fejn kont ħassart. U niftakarni nħares lejn il-pittura filgħodu—kienet tidher aħjar minn kif kienet qabel. Dan kif seta’ jkun? Dak li kont ħsibt li kien żball li ma setax jitranġa kien fil-fatt opportunità biex tidher idejn Alla kollu ħniena. Hu kien għadu ma qatax qalbu mill-pittura, u ma kienx għadu qata’ qalbu minni. X’hena u x’sens ta’ serħan imlew lil qalbi. Jien faħħart lill-Mulej għall-ħniena Tiegħu, għal dan il-miraklu li mhux biss salva l-pittura imma wkoll għallimni iktar dwar imħabbtu u l-qawwa Tiegħu li jsalva lil kull wieħed u waħda minna mill-iżbalji, id-dgħufijiet, u d-dnubiet tagħna, u biex jgħinna nsiru xi ħaġa iktar.
L-istess kif il-profondità tal-gratitudni tiegħi għas-Salvatur kibret hekk kif Hu fil-ħniena tiegħu għenni biex insewwi l-pittura li “ma kinitx tissewwa”, anki l-imħabba u l-gratitudni tiegħi għas-Salvatur intensifikaw, peress li fittixt li naħdem miegħu fuq id-dgħufijiet tiegħi u biex ninħafer mill-iżbalji tiegħi. Ħa nkun għal dejjem grata għas-Salvatur tiegħi li jien nista’ ninbidel u nitnaddaf. Huwa għandu qalbi, u jien nittama li nagħmel dak kollu li Hu jridni nagħmlu u li jridni nsir.
Li nindmu jippermettilna nħossu l-imħabba ta’ Alla u li nagħrfuh u nħobbuh b’modi li kieku ma konna qatt nkunu nafu. Dwar il-mara li dilket riġlejn is-Salvatur, Hu qal, “dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” Lil Ġesù, hija ħabbitu ħafna, għax kien ħafrilha ħafna.
Tagħtik sens ta’ serħan kbir u tama li tkun taf li nistgħu nerġgħu nippruvaw—li, kif għallem il-Presbiteru Bednar, aħna nistgħu nibqgħu nirċievu maħfra minn dnubietna permezz tal-qawwa li tqaddes tal-Ispirtu s-Santu hekk kif nidmu b’mod sinċier.
Il-qawwa li tifdi ta’ Ġesù Kristu hija waħda mill-ikbar barkiet tal-patti tagħna. Aħsbu dwar dan intom u tippatrteċipaw fl-ordinanzi sagri. Mingħajrha, ma stajniex nirritornaw fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet u dawk li nħobbu.
Jiena naf li l-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, għandu s-setgħa li jsalva. Bħala l-Iben ta’ Alla li fdiena għad-dnubiet tad-dinja u ta ħajtu u reġa’ ħadha mill-ġdid, Huwa jżomm il-qawwa tal-fidwa u tal-qawmien mill-imwiet. Huwa għamel l-immortalità possibbli għal kulħadd u l-ħajja eterna għal dawk li jagħżluh. Jien naf li permezz tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu aħna nistgħu nindmu u verament nindafu u niġu mifdija. Huwa miraklu li jħobb lilkom u lili b’dan il-mod.
Huwa qal, “Intom lesti li terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, sabiex jiena nkun nista’ nfejjaqkom?” Huwa jista’ jfejjaq il-“ħrieb kollha” ta’ ruħkom—il-postijiet li saru nexfin, ħorox, u deżolati bid-dnub u n-niket, u “jagħmel Għeden mid-deżert” tagħkom.
Bħalma ma nistgħux nifhmu l-agunija u l-fond tat-tbatija ta’ Kristu fil-Ġetsemani u fuq is-salib, l-istess aħna “ma nistgħux inkejlu l-firxa u lanqas inqisu l-fond tal-maħfra divina [Tiegħu],” il-ħniena, u l-imħabba.
Tafu tħossukom xi kultant li mhux possibbli tkunu mifdija, li forsi intom eċċezzjoni li ma tirċevux l-imħabba ta’ Alla u l-qawwa espjatorja tas-Salvatur minħabba dak li qed iħabbatkom jew minħabba dak li għamiltu. Imma jien nixhed li intom m’intomx barra minn fejn jista’ jilħaq l-Imgħallem. Is-Salvatur “niżel iktar ’l isfel mill-ħwejjeġ kollha” u huwa fil-pożizzjoni divina li jerfagħkom u jsalvakom mill-abbiss l-iktar mudlam u jeħodkom fid-“dawl tiegħu tal-għaġeb.” Permezz tas-sofferenza Tiegħu, huwa għamel triq għalina lkoll biex negħlbu d-dgħufija u d-dnubiet personali tagħna. “Għandu l‑qawwa kollha li jsalva lil kull bniedem li jemmen f’ismu u li jipproduċi frott xieraq tal‑indiema.”
Bħalma kien meħtieġ it-talb u l-krib biex is-smewwiet jgħinu fit-tiswija tal-pittura, hemm meħtieġa l-bżulija, is-sinċerità tal-qalb, u l-umiltà biex nipproduċu “frott xieraq tal‑indiema.” Dan il-frott jinkludi l-eżerċizzju tal-fidi u t-tama tagħna f’Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju espjatorju Tiegħu, l-offerta lil Alla ta’ qalb niedma u spirtu sogħbien, l-istqarrija u l-abbandun tad-dnub, ir-restawr ta’ dak li jkun tħassar skont kemm hu possibbli għalina, u l-isforz kontinwu biex ngħixu b’mod tajjeb.
Biex vera nindmu u ninbidlu, jeħtieġ li l-ewwel nkunu “konvinti mid-dnubiet tagħna.” Persuna ma tarax il-bżonn li tieħu l-mediċina sakemm ma tifhimx li ma tiflaħx. Jaf ikun hemm drabi fejn ma nkunux lesti li nħarsu ġewwa fina u naraw dak li vera jeħtieġ fejqan u tiswija.
Fil-kitbiet ta’ C. S. Lewsi, Aslan jgħid dan il-kliem lil wieħed raġel li kien inqabad fit-taħwid tiegħu stess: “Jaħasra, [umanità], kemm tiddefeni lilek nnifsek tajjeb minn dak kollu li jista’ jagħmillek il-ġid.”
Intom u jien, fejn nistgħu nkunu qed niddefendu lilna nfusna minn dawk l-affarjiet li jafu jagħmlulna l-ġid?
Ejjew ma niddefendux lilna nfusna mill-ġid li Ala jixtieq li jberikna bih. Mill-imħabba u l-ħniena li jixtieqna nħossu. Mid-dawl u l-għerf li jixtieq isawwab fuqna. Mill-fejqan li jaf li aħna tant u tant għandna bżonn. Mir-relazzjoni tal-patt iktar fonda li Hu ħejja għal uliedu kollha, rġiel u nisa.
Nitlob li aħna nistgħu nwarrbu “l-armi tal-gwerra” li konxjament jew anki inkonxjament qed inġorru biex niddefendu lilna nfusna mill-barkiet tal-imħabba tagħna. L-armi tal-kburija, l-egoiżmu, il-biża’, il-mibegħda, l-offiża, l-indifferenza, il-ġudizzju inġust, kull xorta ta’ għira—kull ħaġa li se żżommna milli nħobbu lil Alla b’qalbna kollha u nżommu l-patti kollha tagħna miegħu.
Hekk kif ngħixu l-patti tagħna, il-Mulej jista’ jagħtina l-għajnuna u l-qawwa li neħtieġu biex nagħrfu u negħlbu d-dgħufijiet tagħna, inkluż il-parasita spiritwali tal-kburija. Il-profeta tagħna qal:
“L-indiema ta’ kuljum tagħna hija l-mogħdija għas-safa, u s-safa twasslilna l-qawwa.”
“U kemm verament se neħtieġu l-qawwa tiegħu fiż-żmien li ġej.”
L-istess bħall-pittura tiegħi, il-Mulej ma jaqtax qalbu minna meta aħna nagħmlu żball, u lanqas ma jaħrabna meta nitfixklu. Il-ħtieġa tagħna għall-fejqan u l-għajnuna mhix toqol għalih, iżda l-vera raġuni għaliex Huwa ġie. Is-Salvatur innifsu qal:
“Araw, jiena ġejt fid-dinja biex inwassal il-fidwa lid-dinja, biex insalva d-dinja mid-dnub.”
“Dan huwa driegħi kollu ħniena lest għalikom, u kull min jiġi, lilu jiena nilqa’; u mberkin dawk li jiġu għandi.”
Mela ejjew—intom li intom għajjenin, imtaqqlin, u mnikktin, ejjew u ħallu t-tbatija tagħkom u sibu s-serħan fih li jħobbkom l-iktar. Ħudu l-madmad Tiegħu fuqkom, għax huwa ta’ qalb ħelwa u umli.
Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jarawkom. Jafu x’hemm f’qalbkom. Għandhom fi ħsiebhom lil dawk li intom għandkom fi ħsiebkom, inkluż dawk li intom tħobbu.
Is-Salvatur jista’ jifdi dak li kien mitluf, inkluż relazzjonijiet imkissra jew imxaqqin. Huwa għamel triq għal dak kollu li waqa’ biex jinfeda—biex jirċievi n-nifs tal-ħajja dak li jinħass mejjet u bla tama.
Jekk intom qed titħabtu ma’ sitwazzjoni li taħsbu li messkom għelibtu diġà, taqtgħux qalbkom. Uru sabar magħkom infuskom, żommu l-patti tagħkom, indmu ta’ spiss, fittxu l-għajnuna tal-mexxejja tagħkom, u morru d-dar ta’ Mulej kemm jista’ jkun regolarment. Attenti dejjem għas-suġġerimenti li Hu jibgħatilkom, u aġixxu fuqhom. Huwa mhux se jabbanduna r-relazzjoni tal-patt tiegħu magħkom.
F’ħajti kelli relazzjonijiet diffiċli u kumplessi li ħabbtuni u li sinċerament ippruvajt intejjeb. Xi drabi ħassejtni li kont qed ifalli, iktar minn kollox. Staqsejt lili nnifsi, “Ma kontx irranġajt kollox l-aħħar darba? Mela ma kontx vera għelibt id-dgħufija tiegħi?” Tgħallimt matul iż-żmien li jien mhux neċessarjament difettuża; aktarx li ta’ spiss hemm iktar xogħol xi jsir u iktar fejqan meħtieġ.
Il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem: “Ċertament li l-Mulej jitbissem fuq wieħed li jixtieq li jiġi ġġudikat b’mod xieraq, li b’mod riżolut jistinka ta’ kuljum biex flok dgħufija jkollu l-qawwa. Il-vera ndiema, il-vera bidla taf titlob attentati ripetuti, imma hemm xorta waħda ammont ta’ rfinar u xi ħaġa qaddisa f’dak it-tip ta’ stinkar. Il-maħfra divina u l-fejqan divin jaslu b’mod aktarx naturali lil ruħ bħal din.”
Kull ġurnata hija ġurnata ġdida mimlija tama u possibbiltajiet minħabba Ġesù Kristu. Kull ġurnata intom u jien nistgħu nsiru nafu, kif Ommna Eva pproklamat, “l-hena tal-indiema tagħna,” l-hena li nsiru sħaħ mill-ġdid, l-hena li tħoss l-imħabba ma taqtax ta’ Alla għalik.
Jiena nixhed li Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jħobbukom. Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tal-umanità kollha. Huwa jgħix. Permezz tas-sagrifiċċju espjatorju Tiegħu, il-faxex tad-dnub u l-mewt kienu għal dejjem miksura sabiex aħna nistgħu nkunu ħielsa li nagħżlu l-fejqan, l-indiema, u l-ħajja eterna ma’ dawk li nħobbu. Jiena nixhed dwar dan kollu fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, ammen.