Konferenza Ġenerali
Nimxu Wara Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2024


13:31

Nimxu Wara Kristu

Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna ngħallmu u nixhdu dwar Ġesù Kristu, il-Bniedem Eżemplari Perfett tagħna. Għalhekk ejjew nimxu warajh billi nevitaw it-tilwim.

Din is-sena kienu miljuni dawk li ġew ispirati mill-pjan ta’ studju tal-evanġelju magħruf permezz tal-istedina tas-Salvatur “Ejja, Imxi Warajja.” Li nimxu wara Kristu mhijiex xi drawwa każwali jew okkażjonali. Hija impenn kontinwu u stil ta’ ħajja li għandhom jiggwidawna f’kull mument u f’kull post. It-tagħlim tiegħu u l-eżempju tiegħu jiddefinixxu t-triq għal kull dixxiplu ta’ Ġesù Kristu. U aħna lkoll mistiedna f’din it-triq, għax Huwa jistieden lil kulħadd biex jersaq lejh, “iswed jew abjad, ilsir jew ħieles, raġel jew mara; … u kulħadd l-istess għal Alla.”

I.

L-ewwel pass f’li nimxu wara Kristu hu li nobdu dak li huwa fissru bħala “l-akbar kmandament fil-liġi”:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.

“Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

“Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti.”

Missier u ibnu jtajru tajra.

Il-kmandamenti ta’ Alla jipprovdu l-gwida u l-forza soda f’ħajjitna. L-esperjenzi tagħna fil-ħajja mortali jixbhu lil tifel ċkejken u missieru jtajru tajra f’jum bir-riħ. Hekk kif it-tajra titla’ aktar ’il fuq, ir-riħ iwassalha biex tibda ġġebbed l-ispaga marbuta magħha li tinsab f’id it-tifel ċkejken. Peress li ma kellux esperjenza bil-forza tar-riħ qawwi, hu ppropona biex tinqata’ l-ispaga ħalli t-tajra tkun tista’ titla’ aktar fil-għoli. B’għaqal, missieru jagħtih parir biex ma jagħmilx dan, fejn jispjegalu li l-ispaga hija dik li qed iżżomm it-tajra f’postha kontra r-riħ qawwi. Jekk aħna ma nibqgħux inżommu l-ispaga, it-tajra ma tkunx tista’ titla’ aktar ’il fuq. Tispiċċa tinġarr minn dak ir-riħ u inevitabbilment tispiċċa taqa’ b’sabta mal-art.

Dik l-ispaga essenzjali tirrappreżenta l-patti li jorbtuna ma’ Alla, Missierna fis-Smewwiet, u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu. Hekk kif nonoraw dawk il-patti billi nħarsu l-kmandamenti tagħhom u nimxu wara l-pjan tagħhom ta’ fidwa, il-barkiet imwiegħda tagħhom iwassluna biex nibqgħu telgħin ’il fuq lejn sema ċelestjali.

Il-Ktieb ta’ Mormon ta’ spiss jiddikjara li Kristu huwa “id-dawl tad-dinja.” Waqt id-dehra tiegħu lin-Nefiti, il-Mulej imqajjem mill-imwiet spjega dan it-tagħlim billi għallimhom: “Jiena tajtkom eżempju.” “Jiena d-dawl li għandek iżżomm fil-għoli—dak li rajtni nagħmel.” Huwa l-bniedem eżemplari tagħna. Aħna nitgħallmu dwar x’qal u x’għamel billi nistudjaw l-iskrittura u nimxu wara t-tagħlim profetiku, kif talabna nagħmlu l-President Russell M. Nelson. Fl-ordinanza tas-sagrament, aħna nagħmlu patt kull jum il-Mulej li aħna “dejjem se niftakru fih u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.”

II.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, il-Mulej tana t-tagħlim fundamentali f’dik li sejħilha “id-duttrina ta’ Kristu.” Din hija l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, l-indiema, il-magħmudija, l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li nibqgħu sħaħ sal-aħħar, u li nsiru bħat-tfal ċkejknin, jiġifieri li nafdaw fil-Mulej u nissottomettu ruħna għal dak kollu li jeħtieġ minna.

Il-kmandamenti tal-Mulej jinqasmu f’żewġ tipi: dawk permanenti, bħad-duttrina ta’ Kristu, u dawk temporanji. Il-kmandamenti temporanji huma dawk neċessarji għall-ħtiġijiet tal-Knisja tal-Mulej jew tal-fidili f’ċirkustanzi temporanji, iżda jistgħu ma jibqgħux jgħoddu meta ma jkunx hemm aktar il-ħtieġa. Eżempju ta’ kmandamenti temporanji huwa d-direzzjoni tal-Mulej lit-tmexxija bikrija tal-Knisja biex jieħdu lill-Qaddisin minn New York għal Ohio, għal Missouri, u għal Illinois, u finalment biex imexxu l-eżodu tal-pijunieri lejn il-Punent qalb il-muntanji. Minkejja li jkunu biss temporanji, meta jkunu għadhom jgħoddu dawn il-kmandamenti jiġu mogħtija biex nobduhom.

Ċerti kmandamenti permanenti għadda żmien konsiderevoli qabel ma ġew osservati b’mod ġenerali. Per eżempju, id-diskors famuż tal-President Lorenzo Snow dwar il-liġi tad-dieċmi enfasizza kmandament li kien ngħata aktar qabel iżda kien għadu ma bediex jiġi osservat b’mod ġenerali mill-membri tal-Knisja. Kien jeħtieġ li jerġa’ jkun hemm enfażi fuqu fiċ-ċirkustanzi li kienu qed jesperjenzaw dak iż-żmien il-Knisja u l-membri tagħha. Eżempji riċenti ta’ enfażi mill-ġdid kienu meħtieġa wkoll minħabba ċ-ċirkustanzi kurrenti li esperjenzaw il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jew il-Knisja. Dawn jinkludu l-proklamazzjoni dwar il-familja maħruġa mill-President Gordon B. Hinckley ġenerazzjoni ilu, u s-sejħa riċenti tal-President Russell M. Nelson biex il-Knisja tkun magħrufa bl-isem żvelat tagħha, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

III.

Tagħlim ieħor tas-Salvatur tagħna jidher li jeħtieġ li jiġi enfasizzat mill-ġdid fiċ-ċirkustanzi ta’ żmienna.

Dan huwa żmien ta’ bosta kliem aħrax u li jweġġa’ fil-komunikazzjoni pubblika u xi kultant anke fil-familji tagħna. Ċerti differenzi drastiċi fuq ħwejjeġ ta’ polisi pubblika ħafna drabi jirriżultaw f’għemejjel ta’ ostilità—anke mibegħda—fir-relazzjonijiet pubbliċi u personali. Din l-atmosfera ta’ ostilità xi kultant anke tipparalizza l-kapaċitajiet li jiġu mfassla liġijiet dwar ħwejjeġ importanti fejn bosta ċittadini jkunu qed jaraw ħtieġa urġenti għal xi azzjoni fl-interess pubbliku.

X’għandhom jgħallmu u jagħmlu d-dixxipli ta’ Kristu f’dan iż-żmien ta’ komunikazzjoni tossika? X’kienu t-tagħlim u l-eżempji tiegħu?

Is-Salvatur jgħallem lin-Nefiti.

Hi ħaġa sinifikanti li fost l-ewwel prinċipji li Ġesù għallem meta Huwa deher lin-Nefiti kien hemm biex jevitaw it-tilwim. Filwaqt li Huwa għallem dan fil-kuntest tal-argumenti dwar id-duttrina reliġjuża, ir-raġunijiet li ta japplikaw b’mod ċar għall-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet fil-politika, fil-polisi pubblika, u fir-relazzjonijiet fil-familja. Ġesù għallem:

“Dak li għandu fih l-ispirtu tat-tilwim mhux ġej minni, iżda mix-xitan, li huwa missier it-tilwim, u huwa jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jitlewmu bir-rabja, wieħed mal-ieħor.

“Araw, din mhux id-duttrina tiegħi, li nqanqal qlub il-bnedmin bir-rabja, wieħed mal-ieħor; iżda d-duttrina tiegħi hija din, li dan għandna nbegħduh minna.”

Fil-kumplament tal-ministeru tiegħu fost in-Nefiti, Ġesù għallem kmandamenti oħra relatati ferm mal-projbizzjoni tat-tilwim. Nafu mill-Bibbja li qabel Huwa kien għallem kull wieħed minnhom fid-Diskors fuq il-Muntanja meraviljuż tiegħu, tista’ tgħid bl-istess lingwaġġ li Huwa uża aktar tard man-Nefiti. Se nikkwota l-lingwaġġ familjari mill-Bibbja:

Is-Salvatur jgħallem f’Ġerusalemm.

“Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.”

Dawn huma fost l-aktar kmandamenti magħrufin ra’ Kristu—l-aktar rivoluzzjonarji u l-aktar diffiċli biex nimxu warajhom. Madankollu hija parti fundamentali tal-istedina tiegħu għalina lkoll biex nimxu warajh. Kif għallem il-President David O. McKay, “M’hemmx mod aħjar kif turi mħabbtek lejn Alla milli turi mħabba altruwista għal għajrek.”

Partijiet opposti jimmeditaw.

Din hja tagħlima fundamentali oħra minn Dak li huwa l-bniedem eżemplari tagħna: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.”

Nġibu l-paċi! Kemm jinbidlu r-relazzjonijiet personali jekk id-dixxipli ta’ Kristu ma jibqgħux jużaw kliem aħrax li jweġġa’ fil-komunikazzjoni kollha tagħhom.

Fil-konferenza ġenerali tas-sena l-oħra, il-President Russell M. Nelson għamlilna dawn l-isfidi:

“Wieħed mill-aktar modi faċli kif tidentifika dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu hu minn kemm huwa jittratta b’kompassjoni lil ħaddieħor. …

“… Il-vera dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma nies li jġibu l-paċi.

“… Wieħed mill-aqwa modi kif nistgħu nonoraw lis-Salvatur hu billi nkunu nies li nġibu l-paċi.”

Hu temm it-tagħlim tiegħu hekk: “It-tilwim huwa għażla. Li wieħed iġib il-paċi hija għażla. Intom għandkom il-volontà biex tagħżlu bejn it-tilwim jew ir-rikonċiljazzjoni. Nitlobkom biex tagħżlu li tkunu nies li ġġibu l-paċi, issa u dejjem.

Avversarji potenzjali għandhom jibdew id-diskussjonijiet tagħhom billi jidentifikaw dak li hu komuni bejniethom,li t-tnejn jaqblu dwaru.

Biex nimxu wara l-Bniedem Eżemplari Perfett tagħna u l-profeta tiegħu, jeħtieġ li nipprattikaw dik li hi magħrufa bħala r-Regola tad-Deheb: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-liġi u l-profeti.” Jeħtieġ nħobbu u nagħmlu t-tajjeb lil kulħadd. Jeħtieġ nevitaw it-tilwim u nkunu nies li nġibu l-paċi fil-komunikazzjoni kollha tagħna. Dan ma jfissirx li nikkompromettu l-prinċipji u l-prijoritajiet tagħna iżda li ma nkomplux nattakkaw b’mod aħrax lil ħaddieħor minħabba l-prinċipji u l-prijoritajiet tagħhom. Huwa dan li għamel il-Bniedem Eżemplari Perfett tagħna fil-ministeru tiegħu. Dan huwa l-eżempju li huwa tana, hekk kif stedinna biex nimxu warajh.

Erba’ snin ilu, f’din il-konferenza, il-President Nelson għamlilna sfida profetika għal żmienna:

“Inti lest tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek? Lest tħalli kliemu, il-kmandamenti tiegħu, u l-patti tiegħu jinfluwenzaw dak li tagħmel kuljum? Lest tħalli leħnu jieħu prijorità fuq kull leħen ieħor?”

Il-Mulej Ġesù Kristu.

Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna ngħallmu u nixhdu dwar Ġesù Kristu, il-Bniedem Eżemplari Perfett tagħna. Għalhekk ejjew nimxu warajh billi nevitaw it-tilwim. Hekk kif naraw li nimxu mal-polisis preferuti tagħna fl-għemejjel pubbliċi, jeħtieġ li nikkwalifikaw għall-barkiet tiegħu billi nużaw lingwaġġ u metodi ta’ nies li jġibu l-paċi. Fir-relazzjonijiet fill-familji tagħna u dawk personali, ejjew nevitaw kliem aħrax u li jweġġa’. Ejjew naraw li nkunu qaddisa, bħas-Salvatur tagħna, li f’ismu jien nixhed u nitlob għal barkietu biex jgħinuna nkunu Qaddisin. F’isem Ġesù Kristu, ammen.